Language of document : ECLI:EU:F:2014:37

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

27 ta’ Frar 2014

Kawża F‑32/13

Robert Walton

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Membru tal-Persunal temporanju — Allowance għall-firda — Riżenja kkonstatata b’sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej — Determinazzjoni tad-data tar-riżenja — Awtorità ta’ res judicata — Deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li saru definittivi fl-assenza ta’ rikorsi kontenzjużi — Nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura amministrattiva minn qabel — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu R. Walton jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament ta’ ittra tal-Kummissjoni Ewropea tat‑13 ta’ April 2012 li permezz tagħha l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l‑“ASTK”) ħadet pożizzjoni fir-rigward tat-talba tiegħu dwar id-dejn li għandha miegħu il-Kummissjoni, b’mod partikolari l-ħlas ta’ waħda mill-komponenti tal-allowance għall-firda, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Jannar 2013 li permezz tagħha l-ASTK ċaħdet l-ilment li r-rikorrent kien ressaq f’dan ir-rigward fis‑17 ta’ Settembru 2012.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. R. Walton għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Awtorità ta’ res judicata — Portata

Rikors huwa inammissibbli minħabba l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ sentenza preċedenti li ddeċidiet rikors bejn l-istess partijiet, dwar l-istess suġġett u li kien ibbażat fuq l-istess kawża. Fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali sentenza preċedenti, l-att li tiegħu huwa mitlub l-annullament jikkostitwixxi element essenzjali li jippermetti li jiġi kkaratterizzat is-suġġett ta’ rikors. Madankollu, il-fatt li r-rikorsi ġew ippreżentati kontra deċiżjonijiet distinti li l-amministrazzjoni kienet adottat formalment ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li kien hemm assenza ta’ identiċità ta’ suġġett, meta dawn id-deċiżjonijiet għandhom kontenut essenzjalment identiku u huma bbażati fuq l-istess motivi.

Meta rikorrent jikkontesta, bħal f’dan il-każ, il-legalità ta’ deċiżjonijiet li saru definittivi, l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu tagħtih il-possibbiltà li jerġa’ jqajjem favurih dritt għal azzjoni legali kontra dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll li jkun jista’ jqiegħed inkwistjoni l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenzi preċedenti dwar dawn id-deċiżjonijiet.

Fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fil-każ li r-rikors kellu jiġi ddikjarat inammissibbli, id-deċiżjonijiet ikkontestati jiksbu natura definittiva biss minħabba l-inerzja tar-rikorrent li ddeċieda li ma jeżerċitax ir-rimedji amministrattivi jew ġudizzjarji għad-dispożizzjoni tiegħu.

(ara l-punti 40, 41, 48 u 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, punt 9; 27 ta’ Ottubru 1987, Diezler et vs CES, 146/85 u 431/85, punti 14 sa 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/94, punti 37 u 38

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑66/01, punt 197

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Ġunju 2009, Ketselidis vs Il‑Kummissjoni, F‑72/08, punt 33; 25 ta’ Frar 2014, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑118/11, punt 54