Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Piteşti (ir-Rumanija) fis-6 ta’ Mejju 2019 – Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”, OL vs Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României

(Kawża C-355/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Piteşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”, OL

Konvenut: Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României

Domandi preliminari

Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 1 għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Il-kontenut, in-natura u t-tul tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006, jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar Repubblika tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, iffirmat mir-Rumanija fil-Lussemburgu fil-25 ta’ April 2005? Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-rapporti taħt l-imsemmi mekkaniżmu huma vinkolanti għall-Istat Rumen?

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-kriterji tal-Istat tad-dritt, li huma imposti wkoll mir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006, f’każ tal-ħolqien urġenti ta’ taqsima tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni sabiex tinvestiga esklużivament reati mwettqa minn maġistrati, li tagħti lok għal tħassib partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tista’ sservi bħala strument addizzjonali biex tintimida l-maġistrati u ssir pressjoni fuqhom?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat bħala li jimponi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri billi jitneħħew ir-riskji kollha ta’ influwenza politika fuq l-investigazzjoni kriminali fir-rigward tal-imħallfin, fil-każ tal-ħolqien urġenti ta’ taqsima tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni sabiex tinvestiga esklużivament reati mwettqa minn maġistrati, fatt li jagħti lok għal tħassib partikolari dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li jista’ jservi bħala strument addizzjonali sabiex jiġu intimidati l-maġistrati u ssir pressjoni fuqhom?

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).