Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Marzu 2020 – Bank Melli Iran, kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Iranjan ‚ vs Telekom Deutschland GmbH

(Kawża C-124/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bank Melli Iran, kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Iranjan

Konvenuta: Telekom Deutschland GmbH

Domandi preliminari

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 1 japplika biss meta jkunu ġew indirizzati, direttament jew indirettament, lil operatur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, istruzzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji mill-Istati Uniti tal-Amerika jew huwa biżżejjed li, anki fin-nuqqas ta’ tali istruzzjonijiet, l-azzjoni tal-operatur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea tkun intiża li tikkonforma mas-sanzjonijiet sekondarji?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li tapplika t-tieni alternattiva: l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li l-persuna li tissokta bix-xoljiment tista’ wkoll ixxolji kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali għal żmien indeterminat ma’ parti kontraenti msemmija fis-Specially Designated Nationals List (SDN) miżmuma mill-Office of Foreign Assets Control (OFAC) tal-Istati Uniti tal-Amerika, inkluż fejn ix-xoljiment isir għall-finijiet ta’ konformità mas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata raġuni għax-xoljiment u għalhekk mingħajr ma jkun neċessarju li tintwera u tiġi pprovata fi proċedura ċivili li r-raġuni għax-xoljiment ma kinitx fi kwalunkwe każ il-konformità mas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fl-affermattiv: xoljiment ordinarju bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 għandu neċessarjament jitqies li huwa bla effett jew l-għan tar-Regolament jista’ wkoll jiġi ssodisfatt permezz ta’ sanzjonijiet oħra, pereżempju multa?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li tapplika l-ewwel alternattiva: fid-dawl tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u tal-possibbiltà ta’ derogi skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, min-naħa l-oħra, dan japplika wkoll fil-każ li l-operatur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea jieħu riskju, billi jissokta bir-relazzjoni kummerċjali mas-sieħeb kuntrattwali elenkat, li jġarrab telf ekonomiku kbir fis-suq Amerikan (fil-każ ineżami 50% tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp)?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 75), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1100 tas-6 ta’ Ġunju 2018 li jemenda l-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 (ĠU 2018, L 199I, p 1)