Language of document : ECLI:EU:T:2020:289

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

25 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Talba għal modifika tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà Siberia tal-ispeċi Lilium L. – Appell quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO – Inammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 67(1) u Artikolu 87 tar-Regolament Nru 2100/94 – Rettifika ta’ żbalji manifesti – Artikolu 53(4) tar-Regolament (KE) Nru 874/2009”

Fil-Kawża T‑737/18,

Siberia Oriental BV, stabbilita f’’t Zand (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn T. Overdijk, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad, F. Mattina u O. Garcia Monco-Fuente, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell taċ-CPVO tal-15 ta’ Ottubru 2018 (Każ A 009/2017) dwar talba għal modifika tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà Siberia tal-ispeċi Lilium L.,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Marcoulli, President, C. Iliopoulos (Relatur) u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ April 2019,

wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Lulju 1995, ir-rikorrenti, Siberia Oriental BV, ippreżentat applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti quddiem l-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (CPVO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390). Din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata taħt in-Numru 1995/0101.

2        Il-varjetà ta’ pjanti li għaliha saret applikazzjoni għal dritt Komunitarju hija l-varjetà Siberia, li tappartjeni lill-ispeċi Lilium L.

3        Fl-applikazzjoni tagħha għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, ir-rikorrenti indikat li din il-varjetà kienet ġiet ikkummerċjalizzata għall-ewwel darba fit-territorju tal-Unjoni Ewropea f’Jannar 1993. L-ewwel ċertifikat nazzjonali ta’ dritt tal-varjetà nħareġ fit-8 ta’ April 1993 fil-Pajjiżi l-Baxxi, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2100/94.

4        Fid-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta’ Awwissu 1996 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni tal-għoti”), iċ-CPVO ta d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà Siberia, filwaqt li ffissa d-data ta’ skadenza ta’ dan id-dritt għall-1 ta’ Frar 2018. Din id-data ta’ skadenza ġiet inkluża fir-reġistru tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti (iktar ’il quddiem ir-“reġistru”) imsemmi fl-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 2100/94.

5        Permezz ta’ posta elettronika tal-24 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti stiednet liċ-CPVO jipprovdi kjarifiki dwar il-metodu li huwa kien adotta fl-1996 għall-kalkolu tat-tul taż-żmien tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà Siberia. Permezz ta’ posta elettronika mibgħuta l-għada, iċ-CPVO kkomunikalha l-informazzjoni mitluba.

6        Mill-2015 sal-2017, iċ-CPVO u r-rikorrenti komplew bl-iskambji tagħhom fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tat-tul taż-żmien tad-drittijiet tal-varjetà Siberia.

7        Fl-24 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti tenniet l-opinjoni tagħha li t-tul ta’ żmien tad-dritt tal-varjetà Siberia kellu jiġi kkalkolat inizjalment fuq il-bażi tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2100/94. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, iċ-CPVO kellu, sussegwentement, inaqqas it-tul ta’ żmien tad-dritt skont l-Artikolu 116(4) ta’ dan ir-regolament, billi jnaqqas il-perijodu bejn l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-varjetà Siberia u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, ir-rikorrenti talbet liċ-CPVO jimmodifika d-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħti għall-varjetà Siberia, billi jissostitwixxi d-data tal-1 ta’ Frar 2018 b’dik tat-30 ta’ April 2020.

8        Fid-deċiżjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2017, iċ-CPVO ddikjara inammissibbli t-talba għal modifika tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti rreġistrata fir-reġistru għall-varjetà Siberia. L-ewwel nett, huwa qies li t-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2100/94 għall-preżentata ta’ appell kontra d-deċiżjoni tal-għoti tad-dritt kien diġà skada. It-tieni nett, huwa kkunsidra li l-Artikolu 53(4) u (5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 tas-17 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU 2009, L 251, p. 3), ma kienx applikabbli f’dan il-każ sa fejn id-deċiżjoni taċ-CPVO ma kienet ivvizzjata minn ebda żball lingwistiku, minħabba nuqqas ta’ traskrizzjoni jew żball manifest. It-tielet nett, iċ-CPVO sostna li ma kinitx teżisti bażi legali sabiex tiġi mmodifikata d-data tar-reġistrazzjoni tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti fir-reġistru.

9        Fit-23 ta’ Novembru 2017, abbażi tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 2100/94, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO kontra d-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2017. Dan l-appell kien jinkludi wkoll talba għal reviżjoni interlokutorja skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 2100/94.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2017, iċ-CPVO ċaħad it-talba għal reviżjoni interlokutorja skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 2100/94.

11      Il-proċedura orali quddiem il-Bord tal-Appell inżammet fl-24 ta’ Settembru 2018. Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet b’mod partikolari li l-appell tagħha kien ammissibbli sa fejn dan kien ibbażat fuq l-Artikoli 67 u 87 tar-Regolament Nru 2100/94. Bħala bażi legali tal-appell tagħha, ir-rikorrenti invokat ukoll l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009 u l-obbligu taċ-CPVO li jikkoreġi ex officio żbalji li jista’ jkun hemm fir-reġistru.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell taċ-CPVO ċaħad l-appell bħala inammissibbli.

13      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell qies li l-appell ma setax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 67, moqri flimkien mal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 2100/94, għaliex, fil-fehma tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni inizjali fir-reġistru tad-data ta’ skadenza tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħtija u mhux il-modifika ta’ tali reġistrazzjoni.

14      Fit-tieni lok, huwa qies li l-appell lanqas ma seta’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Appell, id-deċiżjoni taċ-CPVO tat-23 ta’ Ottubru 2017, li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad it-talba għal modifika tad-data ta’ skadenza, ma hijiex deċiżjoni li tista’ tiġi appellata taħt l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 2100/94. B’mod partikolari, din ma hijiex deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni jew it-tħassir ta’ informazzjoni fir-reġistru, fis-sens tal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 2100/94. Il-Bord tal-Appell indika li l-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-allegat rifjut taċ-CPVO li jeżerċita s-setgħa mogħtija lilu li jikkoreġi ex officio l-iżbalji li jista’ jkun hemm fir-reġistru.

15      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell, filwaqt li approva l-motivi tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2017, indika li allegat żball fil-kalkolu tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti ma jistax jitqies bħala żball manifest, fis-sens tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009. Hija żiedet li r-raba’ inċiż tal-Artikolu 116(4) tar-Regolament Nru 2100/94 seta’, prima facie, ikun is-suġġett ta’ diversi interpretazzjonijiet.

16      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-appell kien inammissibbli minħabba li kien ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2100/94. Peress li l-appell ġie ddikjarat inammissibbli, il-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 116 tar-Regolament Nru 2100/94.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna liċ-CPVO sabiex jirreġistra fir-reġistru d-data tat-30 ta’ April 2020 minflok id-data ta’ skadenza indikata fih fil-preżent.

18      Iċ-CPVO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnu.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

19      Skont it-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna liċ-CPVO jirreġistra fir-reġistru d-data tat-30 ta’ April 2020 minflok id-data ta’ skadenza indikata fih fil-preżent.

20      Fir-risposta tiegħu, iċ-CPVO jsostni li dan it-tieni kap tat-talbiet huwa inammissibbli.

21      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors imressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell taċ-CPVO, dan tal-aħħar huwa meħtieġ, konformement mal-Artikolu 73(6) tar-Regolament Nru 2100/94, li jieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni. Għalhekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tindirizza ordnijiet liċ-CPVO, li għandu jiddeduċi l-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2019, Mema vs CPVO (Braeburn 78 (11078)), T‑177/16, EU:T:2019:57, punt 29; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tordna liċ-CPVO jimmodifika d-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà Siberia, kif din id-data hija rreġistrata fir-reġistru.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-riferimenti għall-argumenti ppreżentati quddiem l-istanzi taċ-CPVO

23      Iċ-CPVO jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-riferimenti ġenerali magħmula mir-rikorrenti għall-allegazzjonijiet u għan-noti ppreżentati matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO.

24      F’dan ir-rigward, fir-rigward tar-riferiment, fil-punt 5.24 tar-rikors, għal punti speċifiċi tal-osservazzjonijiet li r-rikorrenti kienet issottomettiet matul il-proċedimenti amministrattivi quddiem iċ-CPVO, li barra minn hekk hija ma pproduċietx bħala annessi mar-rikors, l-argumenti hekk imsemmija għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

25      Fil-fatt, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, u tal-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors promotur għandu b’mod partikolari jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors. L-istess japplika għal kull talba, li għandu jkollha l-motivi u l-argumenti li jippermettu lill-konvenut u kif ukoll lill-qorti jevalwaw il-fondatezza tagħha. B’hekk, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Issa, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jkun spjegat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal atti oħrajn ma jagħmilx tajjeb għall-assenza ta’ elementi essenzjali tal-argumenti legali, li għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jew argument jiġi invokat insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Fomanu vs EUIPO – Fujifilm Imaging Germany (Rappreżentazzjoni ta’ farfett), T‑323/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:243, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi lill-partijiet billi tipprova tfittex l-elementi rilevanti fid-dokumenti li huma jirreferu għalihom (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2018, Recordati Orphan Drugs vs EUIPO – Laboratorios Normon (NORMOSANG), T‑103/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:126, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, fil-punt 5.24 tar-rikors, ir-rikorrenti sempliċement tirreferi “għall-punt 4.4 tan-nota tagħha tat-23 ta’ Novembru 2017 dwar il-mertu tal-kawża, kif ukoll għall-punti 3 u 4 tal-proċess tas-sottomissjonijiet orali mressqa fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2018” u tenfasizza li l-argumenti esposti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-argumentazzjoni żviluppata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Issa, minbarra l-fatt li n-nota u l-proċess tas-sottomossjonijiet orali li tirreferi għalihom ir-rikorrenti ma ġewx annessi mar-rikors, ir-riferiment magħmul ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumentazzjoni legali li għandhom ikunu inklużi fir-rikors.

27      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-riferiment, fil-punt 5.24 tar-rikors, għal argumenti li jinsabu f’dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedimenti amministrattivi quddiem iċ-CPVO ma huwiex ammissibbli fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

 Fuq il-mertu

28      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba, essenzjalment, nuqqas ta’ motivazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq ksur tar-Regolament Nru 2100/94 jew ta’ kull dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tiegħu, inklużi t-Trattat UE u t-Trattat FUE. Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell kien ammissibbli.

29      Huwa opportun li qabelxejn jiġi eżaminat it-tieni motiv, imbagħad l-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell taċ-CPVO wettaq żball ta’ liġi meta ddikjara li l-appell quddiemu huwa inammissibbli

30      It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni taċ-CPVO li l-appell huwa inammissibbli.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata essenzjalment fuq ksur tal-Artikolu 67, moqri flimkien mal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 2100/94, u fuq limitazzjoni tar-rimedji disponibbli għad-detenturi ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti kontra l-iżbalji manifesti

31      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li l-appell ma setax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 67, moqri flimkien mal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 2100/94, għaliex, skont il-Bord tal-Appell, dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni inizjali fir-reġistru tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħti u mhux il-modifika ta’ tali reġistrazzjoni. Ir-rikorrenti targumenta li r-raġunament tal-Bord tal-Appell jagħmel distinzjoni artifiċjali bejn ir-reġistrazzjoni inizjali tad-data ta’ skadenza tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti u l-modifika ta’ tali reġistrazzjoni.

32      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni li tirrifjuta t-talba għal rettifika tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, bħalma hija d-data indikata fir-reġistru, taqa’ kjarament taħt il-kunċett ta’ “dħul jew […] kanċellament ta’ tagħrif fir-Reġistru”, fis-sens tal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 2100/94. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata twassal għal restrizzjoni inġusta tar-rimedji disponibbli għad-detenturi ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti kontra l-iżbalji manifesti mwettqa fir-reġistrazzjoni ta’ data fir-reġistru.

33      Iċ-CPVO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

34      Għandu jitfakkar li ċ-ċertezza legali hija fost in-numru ta’ prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fid-dritt tal-Unjoni. In-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksuba mal-iskadenza ta’ terminu raġonevoli għal finijiet ta’ kontestazzjoni jew billi jiġu eżawriti r-rimedji, tikkontribwixxi għall-imsemmija ċertezza u minnha jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li korp amminstrattiv ikun, bħala prinċipju, obbligat li jmur lura fuq deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet tali natura definittiva (sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 24; tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 37, u tal-4 ta’ Ottubru 2012, Byankov, C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 76). Barra minn hekk, it-termini għal rimedji legali huma intiżi sabiex iħarsu ċ-ċertezza legali, billi jevitaw il-kontestazzjoni indefinita tal-atti tal-Unjoni li jkollhom effetti legali (sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 16).

35      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rimedji legali disponibbli, kif ukoll it-termini li fihom rimedju jista’ jiġi eżerċitat, jinsabu fir-Regolament Nru 2100/94.

36      Fil-fatt, l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi li “[j]ista’ jsir appell mid-deċiżjonijiet [taċ-CPVO] li jkunu ttieħdu bis-saħħa ta’ l-Artikoli 20, 21, 59, 61, 62, 63 u 66, kif ukoll minn deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu […] [mad-]dħul jew [il-]kanċellament ta’ tagħrif fir-Reġistru skond l-Artikolu 87 […]”.

37      Skont l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2100/94, tali appell għandu jiġi ppreżentat bil-miktub “fi żmien xahrejn mis-servizz tad-deċiżjoni meta ndirizzata lill-persuna li tappella, u fin-nuqqas ta’ dan, fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni […]”.

38      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(2)(e) tar-Regolament Nru 2100/94, iċ-CPVO għandu jżomm reġistru tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti fejn jiġi rreġistrat, b’mod partikolari, wara l-għoti ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, id-data tal-bidu u tat-tmiem tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

39      Fl-ewwel lok, minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 2100/94, moqri fid-dawl tal-Artikolu 87(2)(e) tal-istess regolament, jipprevedi appell biss kontra d-deċiżjonijiet taċ-CPVO li, fil-kuntest tal-għoti ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, jiffissaw id-data tal-bidu u tat-tmiem tal-imsemmi dritt. Id-deċiżjoni taċ-CPVO kkontestata quddiem il-Bord tal-Appell, li tiċħad it-talba għal rettifika mressqa mir-rikorrenti, ma hijiex koperta minn dawn id-dispożizzjonijiet.

40      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 1996, iċ-CPVO ta d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà Siberia filwaqt li ffissa d-data ta’ skadenza ta’ dan id-dritt għall-1 ta’ Frar 2018. Sussegwentement, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet taf bid-deċiżjoni tal-għoti li ffissat id-data tal-iskadenza kontenzjuża u li hija ma ppreżentatx appell fix-xahrejn wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Kemm fil-punt 4.4 tar-rikors tagħha kif ukoll fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti espressament irrikonoxxiet li hija ma kinitx ippreżentat appell fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2100/94. Minkejja li setgħet tikkontesta din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 2100/94 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 24), hija ma eżerċitatx fit-terminu applikabbli r-rimedji li r-Regolament Nru 2100/94 ipprovda għad-dispożizzjoni tagħha. Id-deċiżjoni tal-għoti għalhekk saret definittiva fl-iskadenza tat-terminu stabbilit (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 13).

41      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax tiġi awtorizzata tiftaħ mill-ġdid it-terminu għall-preżentata ta’ appell billi ssostni li t-talba tagħha għal rettifika tal-24 ta’ Awwissu 2017 taqa’ taħt id-“dħul jew [il]-kanċellament ta’ tagħrif fir-Reġistru skond l-Artikolu 87 [tar-Regolament Nru 2100/94]”. Fil-fatt, jekk ir-rikorrenti tiġi awtorizzata tippreżenta appell skont l-Artikolu 67, moqri flimkien mal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 2100/94, wara li hija ppreżentat talba għal rettifika tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti u wara li ċ-CPVO ċaħad din it-talba, dan ikollu l-konsegwenza li jippreġudika n-natura definittiva tad-deċiżjoni tal-għoti. Kull detentur ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti jista’ jevita t-terminu għall-preżentata ta’ appell previst fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2100/94 billi jitlob, bħar-rikorrenti, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, modifika tar-reġistru u billi jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut taċ‑CPVO. Tali evażjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ appell ma tistax tiġi aċċettata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2014, Yusef vs Il-Kummissjoni, T‑306/10, EU:T:2014:141, punti 54 u 55).

42      Ċertament, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ fatti ġodda sostanzjali tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li ma tkunx ġiet ikkontestata fit-terminu stabbilit (ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2014, Yusef vs Il-Kummissjoni, T‑306/10, EU:T:2014:141, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-rikorrenti ma ssostnitx l-eżistenza ta’ tali fatti ġodda sostanzjali li jistgħu jsostnu t-talba tagħha għal modifika tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

43      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li, diversi snin wara d-deċiżjoni tal-għoti, inħolqu dubji dwar l-eżattezza tad-data ta’ skadenza. L-informazzjoni pprovduta miċ-CPVO, fuq talba tar-rikorrenti, dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tul taż-żmien tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti lanqas ma tikkostitwixxi fatti ġodda li jiġġustifikaw li r-rikorrenti — li naqset milli tuża fil-ħin ir-rimedji disponibbli għaliha skont ir-Regolament Nru 2100/94 — tkun tista’ tippreżenta appell kontra r-rifjut taċ-CPVO li jimmodifika d-data kontenzjuża u b’hekk tkun tista’ tevita t-terminu għall-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni tal-għoti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2018, Spagnolli et vs Il-Kummissjoni, T‑568/16 u T‑599/16, EU:T:2018:347, punt 131).

44      Barra minn hekk, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Incyte (C‑492/16, EU:C:2017:995), invokata mir-rikorrenti insostenn tal-pożizzjoni tagħha ma tinvalidax il-konstatazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, id-data tal-iskadenza ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari maħruġ għal prodott mediċinali minn organu nazzjonali rriżultat li kienet ineżatta, fid-dawl ta’ sentenza mogħtija sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Incyte, C‑492/16, EU:C:2017:995, punti 23, 48 u 49). Dan ifisser li, f’din il-kawża, seħħ fatt ġdid sostanzjali, jiġifieri s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċiża l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tul tal-protezzjoni. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk u l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti ma tistax għalhekk tapplika.

45      Fid-dawl ta’ dak li għadu kif ġie kkunsidrat, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata essenzjalment fuq ksur tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009

46      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat, fil-punt II.A.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-appell ma setax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti.

47      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li d-dispożizzjoni msemmija tobbliga liċ-CPVO jirrettifika l-iżbalji manifesti. Barra minn hekk, ir-rifjut tiegħu li jikkonforma ruħu magħha jista’ jkun is-suġġett ta’ appell skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 2100/94, peress li din hija deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni jew it-tħassir ta’ data fir-reġistru skont l-Artikolu 87 tal-imsemmi regolament. Skont ir-rikorrenti, anki jekk l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 2100/94 jiġi applikat letteralment u minħabba f’hekk tali deċiżjoni ma tistax tiġi appellata, għandu jkun possibbli li tiġi ppreżentata azzjoni skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha tgawdi minn rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjonijiet li jistgħu jippreġudikaw dritt irrikonoxxut mit-Trattati”, peress li hemm lok li jiġi konkluż li din il-formulazzjoni tinkludi strument bħar-Regolament Nru 2100/94.

48      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-modifika tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, kif din id-data hija rreġistrata fir-reġistru, tista’ inqas tippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali mill-modifiki iktar sostanzjali li jistgħu jirriżultaw minn eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni. Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Incyte (C‑492/16, EU:C:2017:995). Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-informazzjoni essenzjali dwar id-drittijiet Komunitarji tal-varjetajiet ta’ pjanti rreġistrati hija intiża sabiex toħloq sors ta’ informazzjoni affidabbli u sabiex b’hekk tiżgura ċ-ċertezza legali neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrettifikat żball li jinsab fir-reġistru, indipendentement mill-mogħdija ta’ ċertu perijodu ta’ żmien.

49      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rettifika ta’ żbalji manifesti skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009 ma hija suġġetta għal ebda terminu. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 874/2009 ma jinkludi ebda dispożizzjoni. Insostenn tal-argument tagħha, hija tinvoka s-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) mogħtija fit-18 ta’ Frar 2015 fil-kawża Syngenta vs L-Uffiċċju tal-Privattivi Olandiż. Hija tirrileva li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti fir-regolament applikabbli ma kienet tipprevedi ebda terminu għar-rettifika ta’ żball, u hija ssostni li l-istess japplika għall-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009.

50      Iċ-CPVO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

51      Mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk deċiżjoni taċ-CPVO skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009 tistax tkun is-suġġett ta’ appell abbażi tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 2100/94, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżball allegat mir-rikorrenti ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 53(4).

52      Fil-fatt, skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009, l-iżbalji lingwistiċi, l-iżbalji ta’ traskrizzjoni u l-iżbalji manifesti mwettqa fid-deċiżjonijiet taċ-CPVO għandhom jiġu rrettifikati. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li r-rettifiki magħmula abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jkollhom biss l-għan li jikkoreġu l-iżbalji ortografiċi jew grammatikali, l-iżbalji ta’ traskrizzjoni – bħal, pereżempju, l-iżbalji dwar l-isem tal-partijiet jew fuq il-kitba tas-sinjali – jew żbalji li għandhom tali natura ovvja li ebda test ieħor minbarra dak li jirriżulta mill-korrezzjoni ma jista’ jiġi maħsub (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, dm-drogerie markt vs AUSI – Distribuciones Mylar (dm), T‑36/09, EU:T:2011:449, punt 73).

53      Fid-dawl tal-importanza tan-natura restrittiva tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni definittiva meħuda minn awtorità kompetenti u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-regola li tippermetti, taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, rettifiki sussegwenti lil tali deċiżjoni, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “żball manifest” huwa limitat għal żbalji manifesti ta’ natura formali, bħall-iżball tal-pinna, li n-natura żbaljata tiegħu tirriżulta b’mod ċar mill-korp tad-deċiżjoni stess u li ma jaffettwawx il-portata u s-sustanza tad-deċiżjoni meħuda, kif ikkaratterizzata mid-dispożittiv u mill-motivi tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “żball manifest” fis-sens tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009, ma jistax jipprevedi l-iżball li jivvizzja l-legalità tas-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Gagliardi vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (MANŪ MANU), T‑392/04, mhux ippubblikata, EU:T:2006:400, punt 55, u tat-18 ta’ Ottubru 2011, Reisenthel vs UASI – Dynamic Promotion (kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet), T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 35).

54      F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob il-modifika tad-data ta’ skadenza tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà Siberia. Issa, tali modifika taffettwa l-portata u s-sustanza tad-deċiżjoni tal-għoti li stabbilixxiet it-tul ta’ żmien ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, tali modifika teħtieġ li jiġi ddeterminat minn qabel kif għandu jiġi interpretat ir-Regolament Nru 2100/94, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu għall-kalkolu tal-perijodu ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti u ċ-CPVO ma setgħux jiftehmu dwar din l-interpretazzjoni, minkejja l-korrispondenza tagħhom matul diversi snin. Minn dan jirriżulta li t-talba għal modifika tar-rikorrenti ma tistax titqies li hija talba għal rettifika ta’ żball lingwistiku, ta’ żball ta’ traskrizzjoni jew ta’ żball manifest fis-sens tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009.

55      Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009 ma humiex issodisfatti f’dan il-każ, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-appell tagħha huwa ammissibbli skont din id-dispożizzjoni.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Bord tal-Appell taċ-CPVO naqas milli jwieġeb għal argument imressaq quddiemu

57      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell taċ-CPVO naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi naqas milli jeżamina l-argument tagħha dwar obbligu taċ-CPVO li jirrettifika ex officio l-iżbalji li jinsabu fir-reġistru.

58      Iċ-CPVO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 2100/94, id-deċiżjonijiet taċ-CPVO għandhom ikunu mmotivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2019, Braeburn 78 (11078), T‑177/16, EU:T:2019:57, punt 43). Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 296 TFUE, l-obbligu ta’ motivazzjoni jirrifletti għan doppju fis-sens li, minn naħa, il-partijiet kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Rubinstein u L’Oréal vs UASI, C‑100/11 P, EU:C:2012:285, punt 111; tat-30 ta’ Ġunju 2010, Matratzen Concord vs UASI – Barranco Schnitzler (MATRATZEN CONCORD), T‑351/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:263, punt 17, u tas-27 ta’ Marzu 2014, Intesa Sanpaolo vs UASI – equinet Bank (EQUITER), T‑47/12, EU:T:2014:159, punt 24).

60      L-obbligu ta’ motivazzjoni jista’ jiġi ssodisfatt mingħajr ma jkun neċessarju li jitwieġbu espressament u b’mod eżawrjenti l-argumenti kollha mressqa minn rikorrenti, sakemm iċ-CPVO jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali kollha li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2018, Schniga vs CPVO (Gala Schnico), T‑445/16, EU:T:2018:95, punt 28 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam kkonċernat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 47).

62      F’dan il-każ, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata jidher li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li, jekk jitqies li ċ-CPVO għandu s-setgħa jikkoreġi ex officio l-iżbalji li jinsabu fir-reġistru, ir-rifjut li jeżerċita din is-setgħa ma huwiex kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 2100/94. Il-Bord tal-Appell żied li tali rifjut lanqas ma jikkostitwixxi deċiżjoni relatata mar-reġistrazzjoni jew mat-tħassir ta’ data fir-reġistru skont l-Artikolu 87 tal-imsemmi regolament. Huwa kkonkluda wkoll li l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 874/2009 ma kienx japplika għal tali ipoteżi.

63      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell immotiva d-deċiżjoni tiegħu b’mod suffiċjenti fid-dritt.

64      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

65      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

66      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub miċ-CPVO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Siberia Oriental BV hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO).

Marcoulli

Iliopoulos

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ġunju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.