Language of document : ECLI:EU:F:2014:267

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

10 ta’ Diċembru 2014

Kawża F‑127/14

Stephen Turkington

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba lejn skema ta’ pensjoni nazzjonali – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz mhux ikkontestata fit-terminu – Nuqqas ta’ fatt ġdid u sostanzjali – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih S. Turkington jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2014 li biha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu biex jiġi kkalkolat mill-ġdid in-numru tas-snin ta’ servizz għall-akkreditazzjoni lejn skema ta’ pensjoni tal-Unjoni li jirriżultaw mit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li kien kiseb lejn l-iskema ta’ pensjoni Ġermaniża.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. S. Turkington għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Dekadenza – Ftuħ mill-ġdid – Kundizzjoni – Fatt ġdid u sostantiv

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      It-termini għal ilment u għal rikors għandhom natura ta’ ordni pubbliku u ma jinsabu la għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas għal dik tal-qorti. Għalhekk, il-fakoltà li titressaq talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tippermetti lill-uffiċjal li jinjora t-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-preżentata tal-ilment u tar-rikors, billi jpoġġi indirettament indiskussjoni, permezz ta’ tali talba ulterjuri, lil deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini.

(ara l-punt 18)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Michel vs Il-Kummissjoni, F-44/13, EU:F:2014:40, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostantivi tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva. Għalhekk, rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tirrifjuta li jitwettaq eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li saret definittiva għandu jiġi ddikjarat ammissibbli jekk ikun jidher li t-talba għal eżami mill-ġdid kienet effettivament ibbażata fuq fatti ġodda u sostantivi. Min-naħa l-oħra, jekk ikun jidher li t-talba għal eżami mill-ġdid ma kinitx ibbażata fuq tali fatti, ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jitwettaq l-eżami mill-ġdid mitlub għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

F’dan ir-rigward, l-effetti legali ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni li tannulla att japplikaw biss, minbarra għall-partijiet, għall-persuni direttament ikkonċernati mill-att annullat stess, u tali sentenza tista’ tikkostitwixxi fatt ġdid biss fir-rigward ta’ dawn il-persuni.

(ara l-punti 19 u 22)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: digriet Cervelli vs Il-Kummissjoni, T-622/11 P, EU:T:2012:538, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Probst vs Il-Kummissjoni, F-75/13, EU:F:2014:20, punti 17 u 23, u l-ġurisprudenza ċċitata