Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Kawża C-213/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn, F. Clotuche-Duvieusart, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikkjara li:

billi naqas milli jdaħħal fil-kontijiet l-ammonti korretti tad-dazji u tagħmel disponibbli l-ammont korrett ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT fir-rigward ta’ ċerti importazzjonijiet ta’ tessili u żraben mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335 1 , l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436 2 , l-Artikoli 2, 6, 9, 10, 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 609/2014 3 , l-Artikoli 2, 6, 9, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000 4 , l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1553/89 5 , kif ukoll l-Artikolu 105(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 952/2013 6 , u l-Artikolu 220(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 7 ;

bħala konsegwenza tan-nuqqas tiegħu li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 325 u 310(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 3 u 46 tar-Regolament Nru 952/2013, l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, l-Artikolu 248(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93 8 , l-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2015/2447 9 , u l-Artikoli 2(1)(b) u (d), 83, 85 sa 87 u 143(1)(d) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 10 ;

It-telf korrispondenti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li għandu jsir disponibbli għall-baġit tal-Unjoni (bit-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ġbir) jammonta għal:

EUR 496 025 324.30 fl-2017 (sal-11 ta’ Ottubru 2017 inkluż);

EUR 646 809 443.80 fl-2016;

EUR 535 290 329.16 fl-2015;

EUR 480 098 912.45 fl-2014;

EUR 325 230 822.55 fl-2013;

EUR 173 404 943.81 fl-2012;

EUR 22 777 312.79 fl-2011.

billi naqas milli jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa mis-servizzi tal-Kummissjoni neċessarja għall-istabbiliment tal-ammont ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, u billi ma ġiex ipprovdut kif mitlub il-kontenut tal-evalwazzjoni legali mid-dipartiment legali ta’ Her Majesty’s Revenue and Customs jew ir-raġuni għad-deċiżjoni li wasslet għall-kanċellament tad-djun doganali stabbiliti, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 2(2) u (3)(d) tar-Regolament tal-Kunsill 608/2014 11 ; u

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Minkejja avviżi ripetuti dwar ir-riskju ta’ frodi mill-OLAF u l-Kummissjoni, ir-Renju Unit naqas milli jimplementa approċċi bbażati fuq ir-riskju fil-kontroll tad-dwana sabiex jiġi evitat ir-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera ta’ oġġetti mibjugħin taħt il-valur fl-Unjoni (b’mod partikolari, żraben u tessili esportati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina) sat-12 ta’ Ottubru 2017. Bħala riżultat ta’ dak in-nuqqas ta’ azzjoni minkejja l-avviżi ripetuti, ir-Renju Unit naqas milli jieħu l-miżuri bbażati fuq ir-riskju meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-dwana u r-riżorsi proprji. Dan in-nuqqas li tittieħed azzjoni xierqa affettwa wkoll l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-Unjoni dwar il-VAT. Kien hemm telf eċċezzjonalment għoli għall-baġit tal-Unjoni kkawżat mill-ksur tar-Renju Unit tad-dritt tal-Unjoni u l-konsegwenti livelli ta’ importazzjonijiet f’dan l-Istat Membru ta’ oġġetti mibjugħin taħt il-valur fl-Unjoni. Peress li r-Renju Unit ma segwiex ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, b’kuntrast mal-Istati Membri l-oħra, ir-Renju Unit attira iktar kummerċ taħt il-prezz. Dak it-telf eċċezzjonalment għoli affettwa wkoll drastikament it-tqassim ġust tal-oneru fuq l-Istati Membri, peress li kellhom jiġu kkompensati b’kontribuzzjonijiet tad-Dħul Gross Nazzjonali korrispondenti ogħla mill-Istati Membri tal-Unjoni l-oħra.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 168, p. 105).

2 Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17).

3 Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) (ĠU 2014, L 168, p. 39).

4 Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).

5 Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 1, p. 197).

6 Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1).

7 Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

8 Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

9 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558).

10 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

11 Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 168, p. 29).