Language of document : ECLI:EU:F:2015:168

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

18 ta’ Diċembru 2015

Kawża F‑128/11

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni 2010 – Kontestazzjoni – Proċeduri interni – Kundizzjonijiet – Rinunzja għall-atti – Rikors – Interess ġuridiku – Assenza – Terminu raġonevoli – Nuqqas ta’ osservanza – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob, l-ewwel nett, l-annullament tal-posta elettronika tal-4 ta’ Lulju 2011, tas-Segretarjat tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar 'il quddiem il-“Bank”) li tistiednu jirregolarizza r-rikors intern li kien ippreżenta fis-26 ta’ Marzu 2011 kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2010 kif ukoll l-annullament tal-posta elettronika tal-istess segretarjat, tat-12 ta’ Awwissu 2011, li tinformah li l-Kumitat tal-Appell kien ħa inkunsiderazzjoni r-rinunzja għall-atti tiegħu fil-proċedura ta’ reviżjoni quddiem il-Kumitat tal-Appell; it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI, tas-6 ta’ Settembru 2011, li tiċħad it-talba ta’ ftuħ tiegħu ta’ proċedura għall-konċiljazzjoni dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu tal-2010; it-tielet nett, l-annullament tal-linji giwda għall-eżerċizzju tal-evalwazzjoni 2010 tal-persunal tal-Bank; ir-raba’ nett, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2010; il-ħames nett, l-annullament tal-atti kollha konnessi, ta’ impatt sinjifikanti u preċedenti, inklużi id-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni għas-sena 2010, u fl-aħħar nett, is-sitt nett, il-kundanna tal-Bank għall-kumpens għad-danni materjali u morali li huma l-konsegwenzi tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2010 kif ukoll il-ħlas tal-ispejjeż, tal-interessi u tal-kumpens għall-effett ta’ inflazzjoni fuq is-somom mogħtija.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. C De Nicola għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Sommarju

1.      Rikors tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Kontestazzjoni – Kumitat tal-Appell u proċedura ta’ konċiljazzjoni – Natura fakultattiva – Possibbiltà li jiġu wżati ż-żewġ proċeduri kontra l-istess rapport ta’ evalwazzjoni – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22 u 41)

2.      Rikors tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Termini – Rekwiżit ta’ terminu raġonevoli – Kawżi dwar l-evalwazzjoni tal-persunal – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91;Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22 u 41)

1.      Ir-Regolament tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment jirrikonoxxi lill-membri tal-persunal tal-Bank l-għażla li jitolbu – qabel ma jiftħu kawża u jekk jixtiequ – għall-ftuħ ta’ proċedura ad hoc, bħal dik quddiem il-Kumitat tal-Appell, preċiżament sabiex jivverifikaw minn qabel, permezz ta’ korp imparzjali u estern għas-servizz tal-membru tal-persunal ikkonċernat, il-legalità ta’ rapport ta’ evalwazzjoni u anki jiksbu, skont il-każ, l-emenda integrali tiegħu, peress li l-Kumitat tal-Appell jista’ fil-fatt jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu kollha kemm hi għal dik tal-evalwatur.

Il-proċedura l-oħra għad-dispożizzjoni tal-membri tal-persunal tal-Bank sabiex jikkontestaw att li allegatament jippreġudikom hija dik tal-konċiljazzjoni prevista u rregolata permezz tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Dan iż-żewġ proċeduri fakultattivi, barra minn hekk, ma humiex alternattivi, peress li ma jeskludux lil xulxin, u jistgħu saħansitra jitressqu mill-membru tal-persunal interessat fl-istess ħin jew b’mod indipendenti.

Jibqa’ l-fatt li dawn il-proċeduri fakultattivi ta’ kontestazzjoni interni fil-Bank ma jiġux eżerċitati b’mod abużiv u għad-detriment tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jikkostitwixxi garanzija essenzjali ta’ kull att amministrattiv li jista’ jipproduċi effetti legali fil-konfronti tad-destinarji tiegħu.

(ara l-punti 85 sa 88)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza: sentenza tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, EU:T:2001:69, punt 96

2.      Il-membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, flimkien mal-membri tal-persunal u uffiċjali l-oħra fis-servizz tal-Unjoni, jistgħu jużaw, fil-kawżi kontra l-amministrazzjoni tagħhom, livell doppju ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti amministrattivi li jikkawżawlhom preġudizzju. L-ewwel livell huwa aċċessibbli għalihom direttament quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u t-tieni livell, taħt forma ta’ appell limitat madankollu għad-domandi ibbażati fuq il-liġi, huwa dak ta’ quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett huma jistgħu jibbenefikaw minn proċedura ta’ eżami mill-ġdid tas-sentenza appellata, din l-aħħar proċedura madankollu taqa’ taħt l-inizzjattiva u l-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għalhekk ma hijiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet. Madankollu, is-sentenza eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina mill-ġdid sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi garanzija ulterjuri ta’ stħarriġ tal-legalità tal-att amministrattiv inkwistjoni, li tibbenefika definittivament lill-partijiet.

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, la d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni li jirregolaw il-funzjonament tal-Bank u lanqas r-Regolamenti tal-Persunal tagħha ma jinkludu dispożizzjonijiet bħal dawk li huma elenkati fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxu t-termini perentorji għall-kontestazzjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni tal-atti li jikkawżaw preġudizzju adottati mill-Bank, hekk li, wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini, l-att li jikkawża preġudizzju inkwistjoni jista’ bħala prinċipju jitqies bħala definittiv.

F’dan ir-rigward, fil-kawżi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-persunal bejn il-Bank u wieħed mill-membri tal-persunal tagħha, terminu ta’ iktar minn tmien xhur sabiex titressaq kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mill-ġurnata tal-komunikazzjoni tal-att li jippreġudika l-membru tal-persunal ikkonċernat, jista’ jitqies bħala terminu raġonevoli, madankollu bil-kundizzjoni, minn-naħa, li l-proċedura eventwali quddiem il-Kumitat tal-Appell kontra l-imsemmi atti kienet miftuħa mill-membru tal-persunal ikkonċernat f’terminu raġonevoli u/jew, min-naħa l-oħra, li l-persuna interessata kienet ressqet talba għall-konċiljazzjoni eventwali f’terminu raġonevoli wkoll, u dan fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha f’dan il-każ.

(ara l-punti 89 sa 91)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑264/11 P, EU:T:2013:461, punt 52