Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2019 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fl-4 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-518/16, Carreras Sequeros et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-126/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bauer, R. Meyer, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Francisco Carreras Sequeros, Mariola de las Heras Ojeda, Olivier Maes, Gabrio Marinozzi, Giacomo Miserocchi, Marc Thieme Groen, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell;

tiddeċiedi l-kawża u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

1. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali inkonnessjoni mal-ġurisdizzjoni tagħha. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti tikkonċerna s-suġġett tar-rikors. Il-Kunsill isostni li billi annullat id-dispożittiv tas-sentenza “id-deċiżjonijiet li fl-2014 naqqsu n-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali [tar-irkorrenti]”, il-Qorti Ġenerali impliċitament ordnat lill-Kummissjoni li tistabbilixxi mill-ġdid, għall-eżekuzzjoni tas-sentenza, in-numru ta’ ġranet ta’ leave li kellhom dritt għalih ir-rikorrenti qabel ma ġew emendati r-Regolamenti tal-Persunal. Permezz ta’ dan u billi ma rrettifikatx is-suġġett tar-rikors, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha. Fin-nuqqas, jekk ma kinitx possibbli tali klassifikazzjoni mill-ġdid, ir-rikors kellu jiġi ddikjarat inammissibbli.

Fit-tieni parti, il-Kunsill jirrileva li billi kkonkludiet favur l-ammissibbiltà tar-rikorrenti li jikkontestaw, permezz ta’ eċċezzjoni, il-legalità tal-tas-sistema kollha tal-leave annwali ddefinita fl-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari dawk applikabbli mill-2016, u mhux unikament id-dispożizzjoni implimentata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tistabbilixxi il-leave tar-rikorrenti għall-2014, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha, bi ksur tal-ġurisprudenza stabbilita li skontha il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża u li għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn id-deċiżjoni idividwali kkontestata u l-att ġenerali li huwa s-suġġett tal-eċċezzjoni.

2. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali meta kkonstatat li t-tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali mwettaq mill-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jinċidi fuq id-dritt għal-leave annwali tar-rikorrenti.

Fl-ewwel lok, billi ddeċidiet li, f’ċerti ipoteżijiet, direttiva (f’dan il-każ id-Direttiva 2003/881 ) tista’ tiġi invokata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza stabbilita li d-direttivi huma indirizzati lil-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet jew l-organi tal-Unjoni, u konsegwentement id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu bħala tali obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjoni tagħhom mal-persunal tagħhom.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-leġiżlatur kien marbut bil-kontenut tad-Direttiva 2003/88 imsemmija fl-ispjegazzjonijiet tal-praesidium marbuta mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-portata tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxi, b’mod kuntrarju għal dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali, li m’għandux bħala l-għan tiegħu li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, iżda dak li jiżgura livell ta’ protezzjoni suffiċjenti għall-ħaddiema kollha tal-Unjoni.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kien imur kontra d-dritt għal-leave annwali ggarantit mill-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li l-uffiċjali assenjati f’pajjiżi terzi jibbenefikaw minn numru totali ta’ ġranet ta’ leave nettament supejuri għall-minimu ta’ 20 ġurnata previst fid-Direttiva 2003/88.

3. It-tielet aggravju, invokat b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna n-natura ġġustifkata ta’ allegat ksur tad-dritt għal-leave. Il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura kkontestata ma kinux ta’ natura li jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali kif ukoll billi ma eżaminatx jekk ir-restrizzjoni tad-dritt għal-leave kinitx tikkostitwixxix, inkonnessjoni mal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li kien jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt iggarantit.

____________

1 Ir-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5,Vol. 4, p 381).