Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' April 2007 - Putterie-de-Beukelaer vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-31/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Françoise Putterie-de-Beukelaer (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: E. Boigelot, avocat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-parti rikorrenti

tannulla r-rapport ta' l-iżvilupp tal-karriera (iktar 'il quddiem ir-"REC") tar-rikorrenti, li jirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2005, inklużi l-proċeduri ta' appell u deċiżjonijiet oħra relatati magħhom u b'mod iktar partikolari t-titolu 6.5 "potenzjal", sa fejn ma jirrikonoxxix il-potenzjal tar-rikorrenti li teżerċita l-inkarigi li jaqgħu fil-kategorija B*;

tordna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwel nett, il-fatt li l-amministrazzjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni billi ma rrikonoxxietx fir-rigward tagħha l-potenzjal li teżerċita l-inkarigi li jaqgħu fil-kategorija B* għall-finijiet tal-proċedura ta' ċertifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(3) ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal"). B'mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ġie indikat fir-REC tar-rikorrenti, l-inkarigi tagħha bħala l-persuna responsabbli għat-taħriġ informatiku jaqgħu (iktar 'il quddiem ir-"REFOi") fil-kategorija B*.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur ta' l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipji ta' osservanza tad-drittijiet tad-difiża, ta' trasparenza u tal-kontradittorju kif ukoll tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-persunal. B'mod partikolari, hija ssostni li ċerti dokumenti li ntużaw fl-evalwazzjoni tagħha ma ntbagħtulhiex fiż-żmien preskritt.

It-tielet nett, ir-rikorrenti teċċepixxi l-ksur ta' l-Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-persunal u ta' non diskriminazzjoni, sa fejn l-inkarigi mwettqa mir-REFOi huma evalwati, għall-finijiet tal-proċedura ta' ċertifikazzjoni, b'mod differenti skond id-direttorati ġenerali u s-superjuri tagħha.

____________