Language of document : ECLI:EU:F:2009:51

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

4 ta’ Ġunju 2009

Kawżi F-134/07 u F-8/08

Vahan Adjemian et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Tul tal-kuntratt – Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2004, dwar il-perijodu massimu ta’ użu ta’ persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni – Direttiva 1999/70 – Applikabbiltà għall-istituzzjonijiet”

Suġġett: Rikorsi, ippreżentati skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tagħhom, fil-Kawża F‑134/07, V. Adjemian u 180 membru tal-persunal bil-kuntratt ieħor tal-Kummissjoni jitolbu: li jiġu ddikjarati illegali d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, fosthom dik tat-28 ta’ April 2004, dwar il-perijodu massimu ta’ użu ta’ persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tagħha u, sa fejn huwa meħtieġ, li jiġi ddikjarat wkoll illegali l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej sa fejn dan jillimita t-tul tal-kuntratti tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, li jiġu annullati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Awwissu, tal-5 ta’ Settembru, tat-30 ta’ Ottubru u tat-28 ta’ Novembru 2007 li jirrifjutaw, essenzjalment, li jikkonkludu kuntratt jew li jġeddu r-reklutaġġ tar-rikorrenti għal żmien indeterminat, li jiġu annullati, sa fejn hu meħtieġ, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet rispettivi tal-impjieg tar-rikorrenti sa fejn ir-reklutaġġ tagħhom jew l-estensjoni tiegħu huwa limitat għal żmien determinat, fil-Kawża F‑8/08, C. Renier titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ April 2007, li tillimita t-tul tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għall-perijodu inkluż bejn is-16 ta’ April 2007 u l-15 ta’ Diċembru 2008.

Deċiżjoni:      Il-Kawżi F‑134/07, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, u F‑8/08, Renier vs Il-Kummisjoni, huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza. Ir-rikorsi huma miċħuda. V. Adjemia, A. Adorno u E. Baranzini u l-178 rikorrent ieħor li isimhom jidher fl-Annessi I, II u III ta’ din is-sentenza għandhom ibatu l-ispejjeż kollha relatati mal-Kawża F‑134/07, jiġifieri l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni f’din il-kawża. C. Renier għandha tbati l-ispejjeż kollha relatati mal-Kawża F‑8/08, jiġifieri l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni f’din il-kawża. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fiż-żewġ kawżi, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża – Sunt tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u l-Artikolu 7(3) tal-Anness I; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Impożizzjoni diretta ta’ obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom – Esklużjoni – Invokabbiltà

(Artikoli 10 KE u 249 KE)

3.      Politika soċjali – Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Stabbiltà tal-imjieg

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 30; Direttiva tal-Kunsill 1999/70)

4.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 88)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Holqien tal-kategorija l-ġdida ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt

(Artikolu 253 KE; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 3a u 3b; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Dawn il-punti għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi, li fuqhom huwa jkun ibbażat, jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test tar-rikors stess. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istadju bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi biss, fil-prinċipju, skambju wieħed ta’ noti, ħlief jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi bil-kontra. Din il-partikolarità tal-aħħar tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tispjega li, bid-differenza għal dak li huwa pprevist quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fir-rikors ma tistax tkun sommarja.

(ara l-punt 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ġunju 2008, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑1/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 24 u 25, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑376/08 P

2.      Id-direttivi, indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet tal-Komunità, ma jistgħux jitqiesu li jimponu fihom infushom obbligi fuq l-imsemmija istituzzjonijiet fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax b’daqshekk teskludi kull invokabbiltà ta’ direttiva fir-rapporti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu, fl-ewwel lok, jiġu imposti indirettament fuq istituzzjoni jekk huma jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li hija jkollha għaldaqstant l-obbligu li tapplika bħala tali. Fit-tieni lok, direttiva tista’ torbot lil istitutuzzjoni meta hija, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun trid teżegwixxi obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew inkella fil-każ li att ta’ portata ġenerali ta’ applikazzjoni interna jirreferi, huwa stess, espressament għall-miżuri adottati mil-leġiżlatur Komunitarju skont it-Trattati. Fit-tielet lok, l-istituzzjonijiet għandhom, skont id-dmir ta’ lealtà li huma għandhom taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, jieħdu inkunsiderazzjoni, fl-aġir tagħhom ta’ min iħaddem, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq livell Komunitarju.

(ara l-punti 86 u 90 sa 93)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punti 24 u 25 sa 28

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punt 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il-Parlament, F‑65/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 116 u 118

3.      Għalkemm l-istabbiltà tal-impjieg titqies li hija element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema, hija ma tikkostitwixxix prinċipju ġenerali tad-dritt li fid-dawl tiegħu tista’ tiġi evalwata l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni. B’mod partikolari, bl-ebda mod ma jirriżulta mid-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, u mill-imsemmi ftehim qafas, li l-istabbiltà tal-impjieg ġiet stabbilita bħala dispożizzjoni legali vinkolanti. Barra minn hekk, il-premessi 6 u 7 tad-direttiva, kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-preambolu u l-premessa 5 tal-ftehim qafas, jenfasizzaw in-neċessità li jintlaħaq bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. Barra minn hekk, il-ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali li , wara ċertu numru ta’ tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat jew it-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ xogħol, għandha tiġi prevista t-trasformazzjoni tal-imsemmija kuntratti ta’ xogħol f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

Min-naħa l-oħra, l-istabbiltà tal-impjieg tikkostitwixxi għan segwit mill-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas, li tiegħu l-Klawżola 1(b) tiegħu tipprovdi li huwa għandu bħala għan “li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat].”

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta”, dan l-artikolu ma jikkundannax l-użu suċċessiv ta’ kuntratti għal żmien determinat. Barra minn hekk, it-tmien ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, minħabba s-sempliċi fatt tal-iskadenza tat-terminu tiegħu, ma jikkostitwixxix tkeċċija fis-sens proprju, li għandha tiġi speċifikament motivata fil-dawl tal-kompetenza, tal-kondotta jew tan-neċessità ta’ funzjonament tal-istituzzjoni.

(ara l-punti 99, 100 u 104)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 64 ; 4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 91; 7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 47; 15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 87

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Aayhan et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115.

4.      Kull impjieg ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jissodisfa ħtiġijiet temporanji jew intermittenti. Fil-kuntest ta’ amministrazzjoni b’numru ta’ persunal kbir, huwa inevitabbli li tali bżonnijiet jirrepetu ruħhom minħabba, b’mod partikolari, l-indisponibbiltà ta’ uffiċjali, żidiet fix-xogħol dovuti għaċ-ċirkustanzi jew in-neċessità, għal kull Direttorat Ġenerali, li jkollu okkażjonalment għad-dispożizzjoni tiegħu persuni li għandhom kwalifiki speċifiċi jew għarfien speċifiku. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw kemm iż-żmien determinat tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal awżiljarji kif ukoll it-tiġdid tagħhom meta jkun hemm dawn il-bżonnijiet.

(ara l-punt 132)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il-Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, Ġabra p. I‑8694, punt 25

5.      Peress li l-motivazzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali tista sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huwa jipproponi li jilħaq, u peress li, jekk tali att jiżvela l-għan essenzjali li jrid jintlaħaq mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi li jkunu saru, il-motivazzjoni tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, għalkemm qasira, hija biżżejjed għal dak li jirrigwarda l-għan li jrid jintlaħaq permezz tal-ħolqien tal-kategorija ġdida ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikoli 3a u 3(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punti 139 u 141)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 105 u 106, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.