Language of document :

Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Imħallef uniku) tat-18 ta’ Diċembru 2015 – De Nicola vs BEI

(Kawża F-128/11) 1

(Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni 2010 – Kontestazzjoni – Proċeduri interni – Kundizzjonijiet – Rinunzja – Rikors – Interess ġuridiku – Assenza – Terminu raġonevoli – Nuqqas ta’ osservanza – Inammissibbiltà manifesta)

Lingwa tal-kawża:it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Carlo De Nicola (Strassen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: L. Isola, avukat)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment (rappreżentanti: G. Nuvoli u T. Gilliams, aġenti, A. Dal Ferro, avukat)

Suġġett tal-kawża

It-talba intiża, l-ewwel nett, għall-annullament tal-posta elettronika u tad-deċiżjonijiet tal-BEI dwar il-proċedura amministrattiva fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rendiment tiegħu matul is-sena 2010, it-tieni nett, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI li permezz tagħha huwa rrifjuta li tinbeda l-proċedura ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Kummissjoni ta’ Konċiljazzjoni, it-tielet nett, għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni annwali tar-rikorrent għas-sena 2010 fil-parti fejn ma jattribwixxix il-marka “exceptional performance” jew “very good performance” u ma jipproponix, fir-rigward tar-rikorrent, promozzjoni għall-funzjoni D u, finalment, talba sabiex il-BEI jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali u fiżiċi subiti mir-rikorrent.

Dispożittiv tad-digriet

Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

C. De Nicola għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

____________

1 ĠU C 65, 3.3.2012, p. 21.