Language of document :

Rikors imressaq fil-31 ta' Lulju 2007 -Labate vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-77/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Kay Labate (Tarquinia, l-Italja) (rappreżentant: I.S. Forrester, Queen's Counsel)

Konvenut: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2006 u tat-18 ta' Ottubru 2004,

tordna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lir-rikorrenti l-ammonti stabbiliti mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem, ir-"Regolamenti tal-Persunal") u l-Artikolu 9 tar-Regoli Komuni dwar l-Assigurazzjoni ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskji ta' inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol (iktar 'il quddiem, ir-"Regoli dwar l-Assigurazzjoni"),

tordna kull rimedju ieħor jew ulterjuri li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis xieraq,

tordna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, is-Sinjura Kay Labate, armla ta' Mario Labate li kien uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, f'isimha stess u f'isem il-patrimonju ta' żewġha, tikkontesta d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jirrifjutaw ir-rikonoxximent tal-kanċer tal-pulmun ta' żewġha bħala marda kkaġunata mix-xogħol.

Is-Sur Labate kien uffiċjal tal-Kummissjoni għal 29 sena, matul liema perijodu huwa kien espost, skond ir-rikorrenti, għal ammont kbir ta' duħħan mit-tipjip ta' ħaddieħor. Huwa kien ġie ddikjarat invalidu b'mod permanenti wara li ġie identifikat il-kanċer tal-pulmun li sussegwentement wassal għal mewtu. Huwa kien talab sabiex il-marda tiegħu tiġi rrikonoxxuta bħala marda kkaġunata mix-xogħol. Filwaqt li tirrikonoxxi l-espożizzjoni tas-Sur Labate għad-duħħan mit-tipjip ta' ħaddieħor u ma sabet l-ebda kawża oħra għall-kanċer tal-pulmun tiegħu, madankollu, fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat Mediku madankollu qal fid-deċiżjoni tiegħu li ma setax jistabbilixxi b'ċertezza l-konnessjoni ma' l-attivitajiet professjonali tiegħu. B'hekk il-Kummissjoni rrifjutat it-talba, abbażi tad-deċiżjoni tal-Kumitat Mediku li l-konnessjoni bejn il-marda u l-attivitajiet professjonali tas-Sur Labate ma kinitx ġiet stabbilita b'mod suffiċjenti.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball fid-dritt meta kkonkludiet li l-kanċer tas-Sur Labate mhuwiex kopert mill-Artikolu 73 tar-Regoli tal-Persunal. Hija tgħid li l-livell ta' "ċertezza" użat mill-Kumitat Mediku huwa riġidu b'mod irraġonevoli u jmur kontra l-ġurisprudenza.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kumitat Mediku naqas milli jindirizza l-possibbiltà li d-duħħan tat-tipjip ta' ħaddieħor li kien espost għalih is-Sur Labate seta' aggrava l-kanċer tiegħu, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regoli dwar l-Assigurazzjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-kwistjoni li għalkemm id-duħħan mit-tipjip ta' ħaddieħor mhuwiex imniżżel f'dak l-Artikolu, diversi elementi kanċeroġeni speċifiċi tad-duħħan mit-tipjip ta' ħaddieħor huma mniżżlin u għaldaqstant huma koperti mill-Artikolu 73 tar-Regoli tal-Persunal. Ir-rikorrenti tgħid li l-Kumitat Mediku wettaq żball meta pprova jeżmina kwistjoniiet ta' prova u ta' evidenza, li ma kienx kompetenti li jagħmel, minflok ma sempliċement stabbilixxa l-fatti mediċi.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fiha raġunament inadegwat u li ż-żmien li l-Kummissjoni ħadet sabiex tasal għal deċiżjoni kien eċċessiv u jmur kontra l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Kieku d-deċiżjoni kienet ttieħdet qabel il-mewt tas-Sur Labate u kieku din kienet irrikonoxxiet il-marda tiegħu bħala relatata max-xogħol, huwa kien jirċievi 8 snin ta' salarju bħala kumpens.

____________