Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank te ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-16 ta’ April 2018 – Nederlands Uitgeversverbond, Groep Algemene Uitgevers vs Tom Kabinet Internet BV, Tom Kabinet Holding BV, Tom Kabinet Uitgeverij BV

(Kawża C-263/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank te ’s-Gravenhage

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nederlands Uitgeversverbond, Groep Algemene Uitgevers

Konvenuti: Tom Kabinet Internet BV, Tom Kabinet Holding BV, Tom Kabinet Uitgeverij BV

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom [...] kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tinkludi wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-użu, mill-bogħod, permezz ta’ tniżżil mill-internet, għal perijodu mingħajr limitu, ta’ kotba elettroniċi (jiġifieri kopji b’format diġitali ta’ kotba protetti mid-drittijiet tal-awtur) permezz ta’ ħlas ta’ prezz iddestinat sabiex jippermetti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jirċievi remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa proprjetarju tiegħu?

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, id-dritt ta’ distribuzzjoni fl-Unjoni relatat mal-orġinal jew ma’ kopji ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 4(2) td-Direttiva 2001/29/KE, huwa eżawrit meta l-ewwel bejgħ jew kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ dan l-oġġett, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-użu, mill-bogħod, permezz ta’ tniżżil mill-internet, għal perijodu mingħajr limitu, ta’ kotba elettroniċi (jiġifieri kopji b’format diġitali ta’ kotba protetti mid-drittijiet tal-awtur) permezz ta’ ħlas ta’ prezz iddestinat sabiex jippermetti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jirċievi remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa proprjetarju tiegħu, isir fl-Unjoni mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu?

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/29/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li trasferiment bejn xerrejja sussegwenti ta’ eżemplar leġittimament akkwistat, li fuqu d-dritt ta’ distribuzzjoni ġie eżawrit, jinkludi l-awtorizzazzjoni sabiex jitwettqu l-atti ta’ riproduzzjoni previsti f’dan l-artikolu, sa fejn dawn l-atti ta’ riproduzzjoni huma neċessarji sabiex jiġi żgurat użu leġittimu ta’ dan l-eżemplar u, fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward?

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jistax iktar jipprekludi l-atti ta’ riproduzzjoni neċessarji għat-trasferiment bejn xerrejja sussegwenti tal-eżemplar akkwistat leġittimament li fuqu d-dritt ta’ distribuzzjoni ġie eżawrit, u, fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward?

____________

1     Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).