Language of document : ECLI:EU:C:2011:427

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

Sharpston

ippreżentati fit‑28 ta’ Ġunju 2011 (1)

Kawża C‑83/10

Aurora Sousa Rodríguez

Yago López Sousa

Rodrigo Puga Lueiro

Luis Rodríguez González

María del Mar Pato Barreiro

Manuel López Alonso

Yaiza Pato Rodríguez

vs

Air France

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra (Spanja)]

“Trasport bl-ajru – Assistenza, ħsieb u kumpens għall-passiġġieri – Kunċetti ta’ ‘kanċellazzjoni’ u ‘kumpens ulterjuri’”





1.        F’din il-kawża, il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra (Il-Qorti Kummerċjali Nru 1, Pontevedra) tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” skont it-tifsira tar-Regolament Nru 261/2004 (2) jinkludix każ ta’ titjira li tkun telqet iżda li tkun imġiegħla tirritorna fl-ajruport ta’ oriġini minħabba ċirkustanzi tekniċi. Hija titlob ukoll għajnuna dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” fl‑Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Montréal

2.        Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”) ġiet iffirmata mill‑Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u ġiet approvata minnha fil‑5 ta’ April 2001 (3).

3.        It-tielet premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal tagħraf l‑importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni.

4.        L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprovdi li:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t‑trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

5.        Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 (4), ir-responsabbiltà tat‑trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni fil-konfront tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom hija rregolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montréal li jirrigwardaw din ir-responsabbiltà.

 Ir-Regolament Nru 261/2004

6.        Il-preambolu għar-Regolament jinkludi l-premessi li ġejjin:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(12)      Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom […] jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tal-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ ragonevoli, sabiex il-passġiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn […]

(13)      Passiġġieri li t-titjiriet tagħhom huma kkanċellati għandhom jitħallew jew jiksbu rimbors tal-biljetti tagħhom jew jiksbu arranġament ieħor taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud waqt li qed jistennew titjira ta’ aktar tard.

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montréal , obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. […]”.

7.        Skont l-Artikolu 1(1), ir-Regolament jistabbilixxi drittijiet minimi għall-passiġġieri meta (a) ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom, (b) it-titjira tagħhom hija kkanċellata (ċ) it-titjira tagħhom hija mdewma. Skont l-Artikolu 3(1)(a), ir-Regolament japplika, inter alia, għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru.

8.        L-Artikolu 2(l) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata” (5).

9.        L-Artikolu 5 huwa intitolat “Kanċellazzjoni”. L-Artikolu 5(1)(a) u (b) jipprovdi li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata jiġu offruti assistenza mit-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikoli 8, 9(1)(a) u 9(2). Minbarra dan, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida huwa mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, il-passiġġieri inkwistjoni jkollhom dritt għall-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ).

10.      Skont l-Artikolu 5(1)(ċ), passiġġieri li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata għandhom ukoll id-dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 7, sakemm:

“(i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)      huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

11.      L-Artikolu 5(3) jipprovdi li: “Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

12.      L-Artikolu 7 huwa intitolat “Dritt għall-kumpens”. Il-paragrafi 1 u 2 jipprovdu li:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

(b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilomentru;

(ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.      Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament.

(a)      b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas; jew

(b)      b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(ċ)      b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.”

13.      L-Artikolu 8 huwa intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”. Meta ssir referenza għal dak l-artikolu, l-Artikolu 8(1) jipprovdi li l-passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn (a) rimbors tal-prezz sħiħ tal-biljett għal parti tal-vjaġġ, jew għall-vjaġġ kollu, flimkien ma’, meta rilevanti, titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, mal-ewwel opportunità, (b) rotta differenti, taħt kundizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom mal-ewwel opportunità jew (ċ) tali rotta differenti f’data iktar tard.

14.      L-Artikolu 8(3) jobbliga lit-trasportatur tal-ajru, meta joffri li jittrasporta passiġġier lejn ajruport alternattiv fil-belt jew reġjun tad-destinazzjoni, sabiex iħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qiegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier.

15.      L-Artikolu 9 huwa intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud”. Meta ssir referenza għal dak l-artikolu, l-Artikolu 9(1) jipprovdi li l-passiġġieri għandhom jiġu offruti (mingħajr ħlas, iżda suġġetti għal kundizzjonijiet li jvarjaw skont it-tul tad-dewmien), (a) ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel, (b) akkomodazzjoni f’lukanda u (ċ) trasport bejn l-ajruport u l-post tal-akkomodazzjoni; minbarra dan, skont l-Artikolu 9(2), il-passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-faks, jew posta elettronika.

16.      L-Artikolu 12 huwa intitolat “Kumpens ulterjuri”. L-Artikolu 12(1) jistabbilixxi li: “Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens.”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

17.      Ir-rikorrenti – M. Pato Barreiro, L. A. Rodríguez González u binthom Y. Pato Rodríguez, li għandha erba’ snin (iktar ’il quddiem, il-“familja Pato Rodríguez”); M. López Alonso, A. Sousa Rodríguez u binhom Y. López Sousa, li għandu sitt snin (iktar ’il quddiem, il-“familja López Sousa); u R. M. Puga Lueiro – kellhom reżervazzjoni fuq titjira ta’ Air France minn Pariġi (Charles de Gaulle) għal Vigo (Peinador), li kienet skedata sabiex titlaq fit-19.40 nhar il-25 ta’ Settembru 2008.

18.      It-titjira telqet skont kif kien previst, iżda wara ftit minuti l-pilota ddeċieda li jirritorna fl-Ajruport Charles de Gaulle minħabba problema teknika fl-inġenju tal-ajru.

19.      Kien biss R. M. Puga Lueiro li ġie offrut assistenza jew inkella akkomodazzjoni f’lukanda għal-lejl mill-persunal ta’ Air France. L-oħrajn raqdu f’terminal ieħor tal-Ajruport Charles de Gaulle billi t-terminal minn fejn kellha titlaq it-titjira tagħhom għalaq f’nofsillejl.

20.      Air France pprovdiet rotta differenti lill-familja Pato Rodríguez billi għamlitilhom reżervazzjoni fuq titjira għal Porto, li telqet minn Pariġi (Orly) fis-07.05 fis‑26 ta’ Settembru. Huma waslu fil-belt tagħhom ta’ Vigo bit-taxi minn Porto, u ħallsu EUR 170.

21.      Il-familja López Sousa saritilha reżervazzjoni ġdida fuq it-titjira minn Pariġi għal Vigo li kienet skedata li titlaq fit-19.40 fis-26 ta’ Settembru. Huma ma rċevew ebda assistenza fil-frattemp.

22.      R. M. Puga Lueiro qabad titjira minn Pariġi għal Bilbao għal Vigo fl-għodwa tas-26 ta’ Settembru.

23.      Ir-rikorrenti kollha flimkien ippreżentaw rikors kontra Air France quddiem il-qorti tar-rinviju li fih huma għamlu allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratti tagħhom tat-trasport bl-ajru. Huma talbu EUR 250 kull wieħed skont l-Artikolu 7 tar-Regolament.

24.      Il-familja Pato Rodríguez talbet EUR 170 addizzjonali sabiex tkopri l-ispejjeż tat-taxi mill-ajruport ta’ Porto għal Vigo. Il-familja López Sousa qiegħda titlob il-ħlas tal-ispejjeż li jammonta għal EUR 20.50 għall-ikliet fl-ajruport u EUR 23.20 għal jum addizzjonali f’ċentru fejn żammew il-kelb tagħhom. Fl-aħħar nett, kull wieħed mir-rikorrenti qiegħed jitlob somma ulterjuri ta’ EUR 650 għad-danni morali, għajr għal R. M. Puga Lueiro, li qiegħed jitlob EUR 300 għal dawn id-danni.

25.      Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti nazzjonali tosserva li l-kawża mressqa quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament. Hija tafferma li hemm differenzi ta’ interpretazzjoni bejn il-partijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “kanċellazzjoni”, liema differenzi ma jistgħux jiġu ċċarati b’riferiment għal-leġiżlazzjoni. Hija għaldaqstant irreferiet is-segwenti domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“a.      Il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” iddefinit fl-Artikolu 2(l) [tar-Regolament] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi esklużivament għan-nuqqas ta’ tluq ta’ titjira fil-ħin previst jew ukoll fis-sens ta’ kwalunkwe ċirkustanza fejn din it-titjira b’reżervazzjonijiet tkun telqet iżda ma tkunx laħqet id-destinazzjoni tagħha, inkuż fil-każ ta’ ritorn imġiegħel fl-ajruport ta’ oriġini minħabba ċirkustanzi tekniċi?

b.      Il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” msemmi fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali, f’każ ta’ kanċellazzjoni, li tagħti kumpens għal danni, inklużi danni morali minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali dwar in-nuqqas ta’ twettiq kuntrattwali jew (jekk), bil-kontra, dan il-kumpens għandu jingħata biss għal spejjeż debitament sostanzjati minn passiġġieri u li ma humiex ikkumpensati suffiċjentement mit-trasportatur tal-ajru skont ma jirrikjedu l-Artikoli 8 u 9 [tar-Regolament], mingħajr ma dawn id-dispożizzjonijiet ġew invokati jew, fl-aħħar nett, dawn il-kunċetti ta’ kumpens ulterjuri huma kompatibbli bejniethom?”

26.      Ir-rikorrenti, il-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Italja, tal-Polonja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-qorti tar-rinviju. Air France ssottomettiet osservazzjonijiet tard iżda, billi dawn ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija ma reġgħetx ippruvat toffri l-verżjoni tagħha billi titlob seduta. Peress li ebda parti oħra ma talbet seduta, ma nżammet ebda seduta.

 Kunsiderazzjonijiet

 L-ewwel domanda

27.      Il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob kjarifika tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament. Hija tindika żewġ possibbiltajiet. Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” jista’ jagħmel riferiment “esklużivament għan-nuqqas ta’ tluq ta’ titjira fil-ħin previst”. Fit-tieni lok, dan jista’ jfisser “kwalunkwe ċirkustanza fejn din it-titjira […] tkun telqet iżda ma tkunx laħqet id-destinazzjoni tagħha, inkuż fil-każ ta’ ritorn imġiegħel fl-ajruport ta’ oriġini minħabba ċirkustanzi tekniċi”.

28.      Madankollu, jiena nosserva li l-każ fil-kawża prinċipali fil-fatt huwa speċifikament każ ta’ ritorn imġiegħel fl-ajruport ta’ oriġini minħabba ċirkustanzi tekniċi – wara, apparentement, ftit minuti biss. Għalhekk, jiena naqbel mar-rikorrenti ta’ din il-kawża li d-domanda li għaliha l-qorti tar-rinviju għandha bżonn risposta hija jekk dak is-sett ta’ ċirkustanzi partikolari jikkostitwixxix kanċellazzjoni skont it-tifsira ta’ dan ir-regolament. Għall-finijiet attwali ma hemmx bżonn, u fil-fehma tiegħi jkun imprudenti, li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra ċirkustanzi oħra possibbli li fihom titjira titlaq mill-ajruport ta’ oriġini tagħha kif previst iżda tintemm f’post ieħor li ma jkunx id-destinazzjoni skedata tagħha. Kwalunke tentattiv li tingħata risposta waħda għaċ-ċirkustanzi kollha x’aktarx tonqos milli tikkunsidra sett wieħed jew iktar ta’ ċirkustanzi.

29.      Minbarra dan, mill-fatti deskritti fid-digriet tar-rinviju, ma hemm ebda indikazzjoni li t-titjira inkwistjoni kompliet fi kwalunkwe mument wara r-ritorn fl-arjuport ta’ oriġini. Eventwalment ir-rikorrenti kollha waslu fid-destinazzjoni tagħhom permezz ta’ titjiriet oħra (6). Għalhekk ma hemmx bżonn jiġi kkunsidrat, f’każ ipotetiku li t-titjira reġgħet telqet wara dewmien, jekk dak id-dewmien jistax ikun ewkivalenti għal kanċellazzjoni u, jekk iva, kemm għandu jkun twil dak id-dewmien għal dak il-għan.

30.      Minbarra dan, jiena naqbel mal-Kummissjoni li r-raġuni tar-ritorn hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk titjira hijiex ikkanċellata jew le. F’każ ta’ kanċellazzjoni, ir-raġuni tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk din tkunx ġiet “[i]kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament, f’liema każ ma jkun dovut ebda kumpens. Ir-raġuni tal-kanċellazzjoni ma hijiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita s-sempliċi eżistenza ta’ kanċellazzjoni, la fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u lanqas fi kwalunkwe ċirkustanzi oħra. F’din il-kawża, ma ngħataw ebda dettalji taċ-ċirkustanzi li wasslu għar-ritorn fl-ajruport ta’ oriġini, u ma ġiex mistoqsi jekk dawk iċ-ċirkustanzi setgħux kienu “straordinarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3).

31.      Għalhekk, jiena nqis li l-ewwel domanda għandha tiġi indirizzata f’din il-forma riveduta, jiġifieri: il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament, ifisser biss in-nuqqas ta’ tluq ta’ titjira fil-ħin previst jew inkella jinkludi wkoll il-każ ta’ ritorn ta’ titjira fl-ajruport ta’ orġini li ma tkomplix fi triqitha?

32.      Ma nsibx diffikultà sabiex inwieġeb li titjira tiġi kkanċellata skont it-tifsira tar-Regolament jekk, wara li tkun telqet kif previst, hija ma tasalx fid-destinazzjoni skedata tagħha iżda tirritorna fl-ajruport ta’ oriġini u ma terġax taqbad triqitha.

33.      Fir-Regolament, ma hemmx definizzjoni tal-kunċett ta’ “titjira”, iżda l‑Qorti tal‑Ġustizzja interpretat dan il-kunċett b’tali mod li “jikkonsisti, essenzjalment, f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, ‘unità’ ta’ dan it-trasport, magħmula minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu” (7). Għalhekk il-qofol tiegħu huwa t-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom mill-ajruport A sal-ajruport B (8).

34.      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” ta’ titjira huwa ddefinit. Dan ifisser “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata”. Din id-definizzjoni hija oġġettiva. Hija tagħmel riferiment għal meta fil-fatt ikun hemm nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira, mhux għal meta tittieħed deċiżjoni sabiex ma ssirx it-titjira – u inqas u inqas għall-mument li fih tittieħed tali deċiżjoni.

35.      Fl-opinjoni tiegħi, meta titjira tkun prevista ġġorr passiġġieri u l-bagalji tagħhom minn A għal B, u titlaq minn A kif ikun previst iżda mbagħad tirritorna f’A u ma terġax titlaq, u kulma tagħmel huwa li tniżżel lill-passiġġieri u l-bagalji tagħhom fil-punt minn fejn ikunu telqu, dik it-titjira ma tistax titqies li tkun saret. Fil-fatt, ma twettqet ebda parti mill-“unità ta’ transport” li kellha titwettaq mit-trasportatur tal-ajru skont ir-rotta stabbilita minn dak it-trasportatur. Xejn tanġibbli mill-operazzjoni ma twettaq. It-trasportatur ma ġarr lil ħadd, u xejn, imkien. Il-passiġġieri jinsabu fl-istess sitwazzjoni daqslikieku baqgħu fis-sala tat-tluq, b’ebda tama li jaqbdu t-titjira prevista tagħhom. Għandu jinstab mezz ieħor sabiex jittieħdu f’B, peress li t-titjira li kienet ippjanata qabel ma hijiex se teħodhom hemmhekk.

36.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li dan jikkostitwixxi “nuqqas ta’ operazzjoni” tat-titjira inkwistjoni.

37.      Madankollu, il-Gvern Franċiż u r-Renju Unit qajmu oġġezzjonijiet għal kwalunkwe interpretazzjoni tar-Regolament li skontha titjira tista’ titqies bħala kkanċellata wara li tkun telqet.

38.      Ir-Renju Unit jagħmel riferiment, l-ewwel nett, għad-dikjarazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Sturgeon et (9) li skontha “titjira mdewma, indipendentement mit-tul tad-dewmien, anki jekk ikun sinjifikattiv, ma tistax titqies li hija titjira kkanċellata meta jkun hemm tluq skont l-iskeda inizjalment stabbilita”. Hija tikkonkludi li jekk titjira titlaq skont kif ippjanat oriġinarjament mill-operatur, fl-ebda każ ma tista’ titqies bħala kkanċellata.

39.      Fl-opinjoni tiegħi ma tistax issir tali konklużjoni. Id-dikjarazzjoni ċċitata tikkonċerna titjiriet imdewma – jiġifieri li jitilqu, u għaldaqstant jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, iktar tard mill-ħin skedat. Hija ma tikkonċernax titjiriet li jkunu ġew abortiti – jiġifieri li jirritornaw fl-ajruport ta’ oriġini tagħhom b’tali mod li r-riżultat ikun identiku għal dak ta’ titjira li ma tkunx bdiet assolutament.

40.      Anki l-Gvern Franċiż jagħmel riferiment għas-sentenza Sturgeon et, b’mod partikolari għad-dikjarazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (10) li skontha “bħala regola, huwa possibbli li jiġi konkluż li hemm kanċellazzjoni meta t-titjira inizjalment skedata u mdewma tinbidel f’titjira oħra, jiġifieri meta l-iskeda tat-titjira inizjali tiġi abbandunata”. Il-Gvern Franċiż jikkonkludi, a contrario, li ma jistax ikun hemm kanċellazzjoni meta l-iskeda tat-titjira inizjali ma tkunx ġiet abbandunata.

41.      Għal darba oħra, fl-opinjoni tiegħi, dik il-konklużjoni ma hijiex iġġustifikata. Kif osservajt qabel, is-sentenza Sturgeon et kienet tikkonċerna titjira li kienet sempliċement imdewma, u mhux ikkanċellata, filwaqt li f’din il-kawża ma hemm ebda indikazzjoni ta’ xi allegazzjoni bħal din. Minbarra dan, minn naħa, il-fatt li huwa possibbli li jiġi konkluż li hemm kanċellazzjoni f’ċerti ċirkustanzi ma jfissirx li qatt ma jista’ jkun hemm kanċellazzjoni f’ċirkustanzi oħra. Min-naħa l-oħra jidher li r-reżervazzjonijiet, għall-inqas għal uħud mir-rikorrenti, fil-fatt inbidlu f’titjira oħra. Minbarra dan, l-iskeda kollha tat-titjira inizjali, għajr it-tluq, fil-fatt ġiet abbandunata. Ir-rotta u l-wasla fid-destinazzjoni (li ovvjament jikkostitwixxu l-qofol ta’ kwalunkwe operazzjoni tat-trasport bl-ajru jew unità tiegħu) ġew ikkanċellati u ssostitwiti b’ritorn fl-ajruport ta’ oriġini, bir-riżultat li ebda parti sinjifikattiva tal-iskeda inizjali ma twettqet.

42.      Ir-Renju Unit isostni wkoll li, mit-tliet ċirkustanzi li għalihom ir-Regolament jippreskrivi kundizzjonijiet minimi, il-fatt li persuna ma titħalliex titla’ u d-dewmien fit-tluq jirrigwardaw, min-natura tagħhom, is-sitwazzjoni qabel it-tluq. Għalhekk, huwa jsostni li anki l-kanċellazzjoni għandha tkun tirrigwarda s-sitwazzjoni qabel it-tluq.

43.      Fl-opinjoni tiegħi, dak huwa non sequitur loġiku. Jista’ jiġi argumentat daqstant ieħor li l-fatt li persuna ma titħalliex titla’ u l-kanċellazzjoni jwasslu sabiex il-passiġġier ma jkunx jista’ jaqbad it-titjira li jkollu reżervazzjoni għaliha, b’tali mod li anki d-dewmien jista’ jwassal għal tali sitwazzjoni – u din tkun xi ħaġa assurda, peress li f’każ ta’ dewmien, il-passiġġier fil-fatt jaqbad it-titjira li jkollu reżervazzjoni għaliha.

44.      Sussegwentement, ir-Renju Unit jipprova juri li sempliċi varjazzjoni fl-iskeda preċedenti tat-titjira – bħal bidla fil-pjan tat-titjira jew inkella devjazzjoni mid-destinazzjoni finali – ma tammontax għal kanċellazzjoni ta’ dik it-titjira, la fis-sens normali tal-kelma u lanqas skont id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament. Ir-Renju Unit jargumenta wkoll li jekk jiġi applikat il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” f’każijiet ta’ titjira li sempliċement ma tkunx segwiet ir-rotta ppjanata tagħha, iżda tkun kopriet biss parti mid-distanza, ikun diffiċli jew impossibbli li jiġi applikat il-kunċett ta’ “determinazzjoni tad-distanza” għall-kumpens skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament.

45.      Madankollu, jiena diġà esprimejt l-opinjoni tiegħi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tikkonċerna ebda ċirkustanza oħra għajr dik ta’ ritorn ċar u definittiv fl-ajruport ta’ oriġini, mingħajr il-wasla f’ebda destinazzjoni oħra, u li l‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tillimita d-deċiżjoni tagħha għal tali ċirkustanzi. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, is-sottomissjonijiet tar-Renju Unit f’dak ir-rigward ma humiex rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

46.      Tressqu għadd ta’ argumenti oħra f’dan is-sens kemm mill-Gvern Franċiż kif ukoll mir-Renju Unit.

47.      L-ewwel nett, huma jenfasizzaw il-fatt li l-għan tar-Regolament huwa dak li t-trasportaturi jiġu mħeġġa jinformaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet kemm jista’ jkun qabel id-data ppjanata (11) u li jiġu skoraġġuti milli jikkanċellaw titjiriet minħabba raġunijiet purament kummerċjali (preżumibbilment, f’każijiet fejn minħabba n-numru ta’ reżervazzjonijiet, it-titjira ma tkunx profittabbli) (12). Ladarba titjira tkun telqet, ovvjament ma hemmx skop li l-passiġġieri jiġu informati b’xi “kanċellazzjoni” qabel il-ħin skedat tat-tluq, u l-linja tal-ajru lanqas ma jkollha xi raġuni kummerċjali sabiex ma tkomplix bit-titjira. Għalhekk huwa inkonsistenti mal-intenzjoni u mal-iskop tar-Regolament li tiġi kklassifikata bħala kanċellazzjoni kwalunkwe ħaġa li tinqala’ f’titjira wara t-tluq skedat tagħha.

48.      Jiena naqbel li l-għan li jiġu skoraġġuti l-kanċellazzjonijiet u li jiġi mħeġġeġ in-notifikar minn qabel tagħhom huwa wieħed mill-għanijiet tar-Regolament. Huwa minnu wkoll li l-kumpens f’każ ta’ kanċellazzjonijiet huwa relatat, fil-premessa 12 tal-preambolu, man-nuqqas li l-passiġġieri jiġu informati minn qabel, nuqqas li jista’ ma jkunx rilevanti jekk titjira tiġi kkanċellata wara li tkun telqet. Kieku dak kien l-uniku għan fir-rigward tal-kanċellazzjonijiet, is-sottomissjonijiet taż-żewġ gvernijiet jista’ jkollhom ftit tal-mertu. Madankollu, ir-Regolament għandu għanijiet oħra – qabelxejn dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri (13). Fil-fatt, jidher li huwa ċar li l-iskoraġġiment tal-kanċellazzjonijiet u t-tħeġġiġ ta’ notifika minn qabel ta’ dawn il-kanċellazzjonijiet huma sempliċement uħud mill-mezzi sabiex jintlaħaq l-għan ewlieni tal-protezzjoni tal-passiġġieri. Il-kumpens fir-rigward ta’ kanċellazzjonijiet fl-aħħar minuta huwa mezz ieħor sabiex jintlaħaq dan l-għan; huwa daqstant ieħor mhux xieraq għal dak il-għan li l-kanċellazzjoni sseħħ fl-aħħar minuta.

49.      Huwa ċar li s-sitwazzjoni li esperjenzaw ir-rikorrenti f’din il-kawża ma kinitx dik li ma tħallewx jitilgħu. Lanqas ma jirriżulta – għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fis-sentenza Sturgeon et – li t-trasportatur tal-ajru sostna li kien hemm dewmien. Jekk lanqas ma kienet kanċellazzjoni, hemm nuqqas notevoli f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-passiġġieri. Trasportatur jista’ jsostni li ma għandu assolutament ebda responsabbiltà skont dan ir-regolament, lanqas dik li joffri assistenza jew li jieħu ħsieb il-passiġġieri (fil-fatt, jidher li qajla ġie offrut li jittieħed ħsieb jew li tingħata assistenza lir-rikorrenti f’din il-kawża). Tali lakuna ċarissima tmur totalment kontra l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. Dan ifisser li l-passiġġieri li jsibu ruħhom f’tali ċirkustanzi jkollhom dritt għal trattament inqas tajjeb mhux biss minn dawk li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata qabel it-tluq iżda anki minn dawk li t-titjira tagħhom tkun suġġetta għal dewmien ta’ ftit sigħat – għalkemm fil-fatt is-sitwazzjoni tagħhom tkun ta’ inkonvenjenza kunsiderevolment ikbar.

50.      Peress li, kif tosserva l-Kummissjoni, xejn fir-Regolament ma jindika li “kanċellazzjoni” tista’ sseħħ biss qabel ma titlaq it-titjira, fl-opinjoni tiegħi ebda limitazzjoni bħal din ma tista’ tirriżulta mill-kliem ta’ dan ir-regolament b’mod li jmur b’mod flagranti kontra l-għan ta’ dan ir-regolament.

51.      Madankollu, nixtieq nosserva li kanċellazzjoni ta’ titjira wara t-tluq hija iktar probabbli li tkun ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament minn kanċellazzjoni li tippermetti lit-trasportatur jinnotifika lill-passiġġieri minn qabel. Għalhekk, it-trasportatur għandu biss iħallas kumpens għal kanċellazzjoni wara t-tluq jekk il-kawża tkun waħda li setgħet tiġi evitata kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Madankollu, jekk il-kawża setgħet tiġi evitata b’dan il-mod, ikun hemm lok għal responsabbiltà skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament, il-kumpens dovut skont l-Artikoli 5(1)(ċ) u 7 tar-Regolament jista’ jitnaqqas mis-somma dovuta għal dik ir-responsabbiltà.

52.      It-tieni nett, il-Gvern Franċiż u r-Renju Unit iwissu li hemm ir-riskju li jekk ir-ritorn ta’ inġenju tal-ajru fl-ajruport ta’ oriġini jitqies bħala kanċellazzjoni tat-titjira, il-piloti jkunu taħt pressjoni sabiex ikomplu t-titjira, minflok jirritornaw, sabiex jevitaw li t-trasportatur ikollu jħallas il-kumpens skont ir-Regolament. Tali pressjoni tista’ tpoġġi s-sigurtà tal-inġenju tal-ajru f’riskju.

53.      Dak is-suġġeriment ma jidhirx li huwa plawżibbli. Anki bis-suppożizzjoni improbabbli li linja tal-ajru tkun sfaċċatament indifferenti għas-sigurtà tal-passiġġieri tagħha, jiena tal-opinjoni li ebda trasportatur ma jippreferi jieħu r-riskju ta’ inċident, bil-possibbiltà li jinkorri somom potenzjalment enormi kemm bħala telf materjali tiegħu stess u kemm bħala kumpens għall-vittmi, milli jkollu jħallas kumpens ċert iżda limitat skont ir-Regolament. Dan huwa inqas u inqas probabbli jekk ir-ritorn b’urġenza minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jkun ikkawżat minn ċirkustanzi straordinarji skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (kif preżumibbilment ikun il-każ, għajr jekk it-trasportatur ikun naqas milli jieħu l-miżuri kollha raġonevoli), u f’tali każ it-trasportatur ikun eżentat mill-obbligu ta’ kumpens skont l-Artikolu 7. Barra minn dan, indipendentement mill-obbligu impost fuq il-piloti li jikkonformaw mal-proċeduri u r-rekwiżiti tas-sigurtà maqbula fil-livell internazzjonali, jiena tal-opinjoni li x’aktarx dawn jagħtu importanza ikbar lis-sigurtà tagħhom, u dik tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri tagħhom, milli lill-benesseri kummerċjali tat-trasportatur li jkun qiegħed jimpjegahom.

54.      Fl-aħħar nett, iż-żewġ gvernijiet jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-passiġġieri xorta jistgħu jagħmlu talbiet inkonformità mat-termini tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża.

55.      Fil-fatt hekk hu. Madankollu, jiena ma nistax nara kif dan jista’ jkun rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk jeżistix dritt għal kumpens skont ir-Regolament.

56.      Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-kunċett ta’ “kanċellazzjoni”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament, ikopri każijiet li fihom titjira titlaq iżda mbagħad tirritorna fl-ajruport ta’ oriġini u ma terġax titlaq.

 It-tieni domanda

57.      It-tieni domanda tal-qorti nazzjonali hija bbażata fuq il-premessa li ġie stabbilit li hemm kanċellazzjoni. Hija tistaqsi dwar l-implikazzjonijiet tal-użu tal-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament li, tajjeb li jiġi mfakkar, jipprovdi li: “Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens.”

58.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk qorti nazzjonali tistax tagħti kumpens għal danni (inklużi danni morali) minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali dwar in-nuqqas ta’ twettiq kuntrattwali. Sussegwentement, hija tistaqsi jekk inkella l-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” huwa limitat għal spejjeż inkorsi minn passiġġieri u li ma humiex ikkumpensati suffiċjentement mit-trasportatur tal-ajru skont ma jirrikjedu l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament, mingħajr ma dawn id-dispożizzjonijiet ġew invokati. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk dawn il-kunċetti ta’ kumpens ulterjuri humiex kompatibbli bejniethom.

59.      Ma huwiex diffiċli li tingħata risposta għall-ewwel parti ta’ dik id-domanda. L-Artikolu 12(1) ma jagħmel ebda restrizzjoni tat-tip ta’ dannu li għalih il-passiġġieri jistgħu jagħmlu talba. Dik il-kwistjoni taqa’ taħt il-liġi nazzjonali, li min-naħa tagħha għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Montréal. F’dak ir-rigward, jista’ jiġi osservat li fis-sentenza Walz (14), il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu “dannu”, imsemmi fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, għandu jinftiehem bħala li jinkludi kemm id-danni ta’ natura materjali kif ukoll dawk ta’ natura morali.

60.      Jidher li tali risposta tittratta wkoll it-tieni parti tad-domanda. Il-fatt li huwa dovut kumpens skont l-Artikoli 5(1)(ċ) u 7 tar-Regolament ma jipprekludix il-passiġġieri milli jitlobu kumpens ulterjuri għall-ispejjeż inkorsi minħabba li t-trasportatur ikun naqas milli jikkonforma mad-doveri tiegħu skont l-Artikoli 8 jew 9. Għalkemm tali kumpens ma huwiex stipolat espliċitament, huwa ċar li l-obbligu tat-trasportatur li jieħu ħsieb il-passiġġieri u li jipprovdilhom assistenza jkun ineffettiv jekk ma jkunx jista’ jiġi infurzat.

61.      Madankollu, il-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll jekk jistax jintalab kumpens għall-ispejjeż inkorsi meta t-trasportatur ikun naqas milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 8 jew 9 “mingħajr ma dawn id-dispożizzjonijiet ġew invokati”. Ma huwiex ċar x’inhuwa mifhum eżattament b’dan. Ir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitaw partijiet mir-rikors tagħhom imressaq quddiem il-qorti nazzjonali li juru li huma bbażaw ruħhom speċifikament fuq in-nuqqas ta’ assistenza li hija rikjesta mir-Regolament, u msemmija espliċitament fl-Artikolu 9 tiegħu. Madankollu, irrispettivament mid-diffikultajiet li jista’ jkun hemm fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali nazzjonali, ċertament ma hemm xejn fir-Regolament innifsu li jipprekludi l-għoti ta’ kumpens, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħsieb u assistenza skont l-Artikoli 8 u 9, sempliċement għaliex dawk id-dispożizzjonijiet ma ġewx iċċitati espliċitament mir-rikorrent. Fil-fatt, regola nazzjonali li twassal għal tali riżultat ma tkunx permissibbli peress li tiċħad lir-rikorrenti mid-drittijiet mogħtija lilhom bir-Regolament.

62.      Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ faċilment jimmaġina li l-qorti nazzjonali qed tistaqsi jekk ir-rikorrent għandux ikun talab lit-trasportatur, fil-mument rilevanti, sabiex dan tal-aħħar jieħu ħsiebu u jipprovdilu assistenza skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament sabiex tali talba tkun ammissibbli. Jekk dan huwa l-każ, ir-risposta għandha tkun le. Għalkemm l-Artikolu 14 tar-Regolament jirrikjedi lit-trasportaturi jinformaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament, l-obbligu li jieħdu ħsieb il-passiġġieri u li jipprovdulhom assistenza bl-ebda mod ma jiddependi mit-talba tal-passiġġieri. Il-kliem tal-Artikoli 8 u 9 huwa ċar: il-“passiġġieri għandhom jiġu offruti […]”.

63.      Tinqala’ diffikultà oħra f’każ li l-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” fl‑Artikolu 12(1) tar-Regolament jiġi interpretat bħala li jinkludi kumpens għall‑ispejjeż inkorsi minħabba li t-trasportatur ikun naqas milli jissodisfa l‑obbligi tiegħu skont l-Artikoli 8 jew 9. It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tippermetti li l-kumpens “mogħti taħt dan ir-Regolament” jiġi mnaqqas minn kwalunkwe “kumpens ulterjuri”. Kieku l-kumpens mogħti skont dan ir‑regolament kellu jiġi interpretat b’mod strett bħala dak il-kumpens dovut biss skont l-Artikolu 7, dan jista’ jfisser li dak il-kumpens jista’ jagħmel tajjeb għall‑kumpens dovut f’każ ta’ nuqqas ta’ ħsieb u assistenza li, bħala tali, ma huwiex “mogħti taħt dan ir-Regolament”.

64.      Tali interpretazzjoni tkun assurda. L-obbligu li jitħallas kumpens skont l‑Artikolu 7 u l-obbligu li t-trasportatur jieħu ħsieb il-passiġġieri u jipprovdilhom assistenza huma konkurrenti u kumulattivi. Trasportatur ma jistax jaħrab minn wieħed minn dawn l-obbligi billi jpattih mal-obbligu l-ieħor. Madankollu, anki jekk tiġi segwita dik l-interpretazzjoni, l-Artikolu 12(1) jipprovdi biss li l‑kumpens mogħti taħt dan ir-regolament jista’ jiġi mnaqqas mill-kumpens ulterjuri. Ma hemm ebda obbligu ta’ tnaqqis, u hija dejjem responsabbiltà tal-qorti kompetenti li tiddetermina jekk tnaqqis ikunx ekwu fiċ-ċirkustanzi tal-kawża. Ovvjament, fiċ-ċirkustanzi attwali, tali tnaqqis ma jkunx ekwu.

 Konklużjoni

65.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, bħala risposta għad-domandi mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra, nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja twieġeb kif ġej:

–        Il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tar‑Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jkopri każijiet ta’ titjira li titlaq iżda li terġa’ tirritorna fl-ajruport ta’ oriġini u ma terġax titlaq.

–        Il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” msemmi fl-Artikolu 12(1) tar‑Regolament Nru 261/2004 għandu jinkludi l-kumpens mogħti, inkonformità mal-leġiżlazzjoni u mal-ġurisprudenza nazzjonali, għal danni (inklużi danni morali) fir-rigward ta’ kanċellazzjoni li tirriżulta minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru.

–        Meta trasportatur jonqos milli jissodisfa l-obbligi imposti fuqu fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, il-passiġġieri milquta jistgħu jitolbu rimbors tal-ispejjeż kollha inkorsi minħabba dak in-nuqqas, indipendentement minn jekk ikunux talbu li jiġu sodisfatti dawn l-obbligi fil-mument rilevanti. Il-kumpens mogħti skont l-Artikolu 7 tal-istess regolament ma jistax jiġi mnaqqas minn tali rimbors.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament”).


3 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001, dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl‑Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montréal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491). Il-Konvenzjoni ta’ Montréal daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2004 f’dak li jirrigwarda l‑UE, Franza u Spanja; issa hija fis-seħħ fl-Istati Membri kollha.


4 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2002, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246).


5 – Din id-definizzjoni tinkludi wkoll il-kundizzjoni “u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”. Madankollu, din il-kawża ma tikkonċernax titjiriet ikkanċellati qabel ma ġew irreżervati postijiet.


6 – Ċertament ma jistax jiġi kkunsidrat li t-titjira li kienet skedata sabiex titlaq, u li fil-fatt telqet, fit-19.40 nhar is-26 ta’ Settembru 2008, fuq liema titjira l-familja López Sousa kellha reżervazzjoni, kienet l-istess titjira bħal dik li kienet skedata sabiex titlaq, u li fil-fatt telqet, fit-19.40 tal-25 ta’ Settembru.


7 – Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, Ġabra p. I‑5237, punt 40).


8 – Ovvjament hemm każijiet fejn inġenji tal-ajru kummerċjali (ġeneralment żgħar) jistgħu jieħdu lill-passiġġieri fuq ġiti qosra, pereżempju għal żjara panoramika mill-ajru jew sabiex jipprovdulhom esperjenza ta’ tajran, u jippjanaw li jirritornaw, għal raġunijiet evidenti, fl-ajruport ta’ oriġini. Mhux biss tali titjiriet huma irrilevanti għall-finijiet attwali iżda ma huwiex aċċertat jekk dawn jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.


9 – Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923, punt 34).


10 – Sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36.


11 – Ara l-premessa 12 tal-preambolu tar-Regolament, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(ċ), li jistipulaw li t-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera għandu jinforma lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet, u b’hekk jiġi evitat kwalunkwe obbligu ta’ kumpens jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet oħra.


12 – Ara l-punt 1 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal Regolament, COM(2001) 784 finali, li skontu: “Il-fatt li persuna ma titħalliex titla’ u l-kanċellazzjoni ta’ titjiriet minħabba raġunijiet kummerċjali joħolqu diżappunt qawwi, mhux biss għaliex jikkawżaw ħafna dewmien u jħarbtu l-pjanijiet tal-ivvjaġġar iżda anki għaliex jirrappreżentaw in-nuqqas tat-trasportatur li jonora l-impenn tiegħu li jġorr lill-passiġġieri b’effiċjenza raġonevoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


13 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1 u 2 tal-preambolu tar-Regolament, u s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 69).


14 – Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, Ġabra p. I‑4239), punt 29).