Language of document : ECLI:EU:F:2010:164

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-74/09

Werner Siegfried Gowitzke

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Europol — Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol — Artikolu 4 tal-politika ta’ determinazzjoni tal-gradi u tal-iskali tal-persunal tal-Europol — Evalwazzjoni mill-ġdid ta’ kariga fi grad ogħla — Klassifikazzjoni fi skala”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 40(3) tal-Konvenzjoni stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) u l-Artikolu 93(1) tar-Regoli tal-Persunal tal-Europol, li permezz tagħhom W. S. Gowitzke jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tal-emenda għall-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, stabbilit mill-Europol fis-16 ta’ Frar 2009, li tevalwa mill-ġdid il-kariga tiegħu mill-grad 6 għall-grad 5 u tiffissa livell ta’ salarju inizjali għall-ewwel skala ta’ dan il-grad.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Evalwazzjoni mill-ġdid ta’ kariga fi grad ogħla — Klassifikazzjoni fl-iskala


La l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol u lanqas id-dokument intitolat “Politika ta’ determinazzjoni tal-gradi u tal-iskali tal-persunal tal-Europol” adottat fis-26 ta’ Awwissu 2008 mid-Direttur tal-Europol (“politika dwar l-iskali”) ma jipprovdu l-grad, kif ukoll l-iskala, li għandha tingħata fl-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ kariga.

F’dan ir-rigward, hija d-dispożizzjoni li tirregola s-sitwazzjoni li hija l-iktar simili ma’ dik inkwistjoni li għandha tiġi applikata b’analoġija, jiġifieri l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-politika dwar l-iskali. Fil-fatt, jekk huwa minnu li din id-dispożizzjoni tiddetermina l-iskali li għandhom jingħataw lill-kandidati interni li, wara proċess ta’ għażla interna, huma maħtura għal kariga oħra fi grad ogħla, din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn il-grad il-ġdid assenjat lill-persuna kkonċernata ma jkunx marbut mas-suċċess tagħha f’proċess ta’ għażla interna, li fi tmiemu kien ikun rikjest sabiex tokkupa kariga differenti, iżda b’evalwazzjoni mill-ġdid fi grad ogħla mill-kariga tagħha.

Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, kandidat intern maħtur għal kariga fi grad ogħla jirċievi l-iskala ogħla li jmiss f’dak il-grad, meta mqabbel mas-salarju bażiku preċedenti tiegħu. Fil-fatt, jirriżulta minn interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjoni li “f’dak il-grad” tirreferi għall-grad il-ġdid. Iżda, għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa ddikjarat f’din id-dispożizzjoni, li għandu jsir paragun mas-salarju bażiku preċedenti tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-iskala li għandha tingħata, huwa neċessarju li wieħed iqabbel is-salarju bażiku preċedenti mas-salarji bażiċi stabbiliti għall-grad ogħla u li tingħata l-iskala li, filwaqt li hija l-iktar baxxa, tipprovdi lill-membru tal-persunal ikkonċernat b’salarju bażiku ogħla minn dik li kien jirċievi fil-grad preċedenti tiegħu. Għalhekk, sabiex jiġi evitat li membru tal-persunal isofri telf fis-salarju bażiku tiegħu meta jingħata grad ogħla, dan ma huwiex awtomatikament l-ewwel skala ta’ grad ogħla minn dak mogħti, iżda l-ewwel skala, fost l-iskali kollha tal-grad ikkonċernat, li jipprovdih b’salarju bażiku ogħla milli kien jirċievi fil-grad preċedenti tiegħu.

(ara l-punti 31, 32, 34 u 36)