Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2019 minn Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA, Cassandra Holding Company SIA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-6 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża T-283/18, Bernis et vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

(Kawża C-552/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA, Cassandra Holding Company SIA (rappreżentanti: O.H. Behrends, M. Kirchner, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża T-283/18;

tiddikjara t-talba għal annullament ammissibbli;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar it-talba għal annullament; u

tordna lill-BĊE iħallas l-ispejjeż tal-appellant u l-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jinvokaw żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

Li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 263 TFUE billi naqset milli tibbaża d-digriet tagħha fuq id-deċiżjoni attwalment adottata mill-BĊE.

Li d-digriet appellat huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 18(1) SRMR 1 .

____________

1 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1)