Language of document : ECLI:EU:F:2016:67

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)

17 ta’ Marzu 2016

Kawża F‑76/11 DEP

Diana Grazyte

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż – Aċċess għall-ġustizzja – Solvenza tad-debitur tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, imressqa mill-Kummissjoni Ewropea insegwitu għas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il‑Kummissjoni (F‑76/11, EU:F:2012:173).

Deċiżjoni:      L-ammont totali ta’ spejjeż li għandu jiġi rrimborsat minn D. Grazyte lill-Kummissjoni Ewropea bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑76/11, Grazyte vs Il‑Kummissjoni, huwa stabbilit għal EUR 4 675.32. Is-somma msemmija fil-punt 1 tiżdied bl-interessi moratorji mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-ħlas effettiv tagħha, imħallsa bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-trażazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fis-seħħ fl-ewwel jum tal-kalendarju tax-xahar mill-iskadenza għall-ħlas, miżjuda bi tliet punti u nofs perċentwali. Il-kumplament tat-talba hija miċħuda.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Assistenza mill-istess avukat waqt il-fażi prekontenzjuża rilevanti għat-tilwima – Tnaqqis fil-ħin neċessarju għall-preparazzjoni għall-proċedura prekontenzjuża – Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (2007), Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż tal-avukat tal-istituzzjonijiet jew tal-organi tal-Unjoni – Tariffi fis-siegħa applikabbli fil-qasam tas-servizz pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 103(5))

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Spejjeż inkorsi minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni – Kundanna tal-kontroparti għar-rimbors tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru – Teħid inkunsiderazzjoni tas-solvenza ta’ din il-parti – Ammissibbiltà

(L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom – Teħid inkunsiderazzjoni tas-solvenza tad-debitur tal-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (2007), Artikolu 91(b), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(2), u l-Artikolu 98(1))

1.      Il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta mal-kalkolu ppreżentat mill-parti li jkollha l-intenzjoni tiġbor l-ispejjeż. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss in-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru li jkunu oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura.

Barra minn hekk, l-ammont ta’ onorarji tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata li jistgħu jinġabru ma tistax tiġi evalwata b’mod iżolat mix-xogħol magħmul mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni, anki qabel mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġetta għat-tressiq ta’ lment u għaċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, id-dipartimenti tal-istituzzjoni huma, bħala prinċipju, involuti fit-trattament tat-tilwim anki qabel ma dan jitressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Madankollu, f’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda preżunzjoni assoluta li x-xogħol tal-avukat ta’ istituzzjoni jonqos, speċjalment meta dan l-avukat ma pparteċipax fit-tfassil tar-risposta għall-ilment.

Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata ibbażata fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument fejn din ġiet adottata, b’tali mod li l-kompitu tal-avukat ta’ istituzzjoni huwa li jiddefendi l-motivi u d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, hekk kif jirriżultaw minnha, ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn l-amministrazzjoni kienet f’sitwazzjoni ta’ kompetanza relatata, motiv ieħor jista’ jiġi ssostitwit għal dak li fuqu l-amministrazzjoni kienet inizjalment ibbażat ruħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-avukat ta’ istituzzjoni għandu, bħala regola, jiddependi fuq ix-xogħol li sar preċedentement mid-dipartimenti ta’ din tal-aħħar kemm waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża.

(ara l-punti 21 sa 23 u 25)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti tas-16 ta’ Ottubru 2014, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑69/10 DEP, EU:F:2014:238, punt 21, u tal-25 ta’ Novembru 2014, Loukakis et vs Il‑Parlament, F‑82/11 DEP, EU:F:2014:253, punt 32

2.      Fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku, tariffa fis-siegħa ta’ EUR 250 tista’ bħala prinċipju tiġi aċċettata bħala li tirrifletti r-remunerazzjoni raġonevoli tal-avukat ta’ istituzzjoni.

(ara l-punt 32)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti tal-25 ta’ Ġunju 2014, Buschak vs Eurofound, F‑47/08 DEP, EU:F:2014:175, punt 53, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑69/10 DEP, EU:F:2014:238, punt 28

3.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta tad-Dirttijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati. Minn dan isegwi li r-regoli ta’ saħħa vinkolanti li huma inqas b’saħħithom mill-Karta għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod konformi ma’ din. Preċiżament, ir-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom jiġu interpretati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta li jiggarantixxi dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-impożizzjoni ta’ piż finanzjarju konsiderevoli, anki wara l-konklużjoni tal-proċedura, jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal qorti li huwa komponent tad-dritt għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem u li issa huwa ggarantit fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mill-Artikolu 47 tal-Karta. Preċiżament, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-ammont ta’ spejjeż, evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku, inkluż is-solvenza tar-rikorrent u l-fażi tal-proċedura li fiha r-restrizzjoni inkwistjoni hija imposta, huwa fattur li għandu jiġi kkunsidrat għad-determinazzjoni ta’ jekk il-persuna kkonċernata bbenefikatx mid-dritt tagħha ta’ aċċess għal qorti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-solvenza tal-parti kkundannata għall-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tassazzjoni ta’ dawn la tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter u lanqas eċċess ta’ ġurisdizzjoni.

(ara l-punti 38, 40 u 43)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti tal-25 ta’ Ġunju 2014, Buschak vs Eurofound, F‑47/13 DEP, EU:F:2015:2453, punt 47, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑69/14 DEP, EU:F:2014:655, punt 49

4.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tassazzjoni tal-ispejjeż, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jieħu inkunsiderazzjoni s-solvenza tal-parti li għanda tbati dawn l-ispejjeż meta jkun qed jiddetermina l-ammont li bih l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom stess jistgħu jiġu rkuprati mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż.

Fil-fatt, id-dritt ta’ aċċess għal qorti ma jkunx protett b’mod adegwat jekk il-prospett, għal parti, li jkollha tbati jew le spejjeż konsiderevoli għall-eżitu tal-kawża kien jitħalla biss għad-diskrezzjoni tal-kontroparti tagħha. Għall-kuntrarju hija għall-qorti, fil-każ ta’ diffikultà, li tiffissa l-ispejjeż skont ċirkustanzi bħas-solvenza tal-parti kkonċernata.

Barra minn hekk, jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(1), mill-Artikolu 97(3) kif ukoll mill-Artikolu 98(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-25 ta’ Lulju 2007 li l-għajnuna legali tista’ biss tkopri l-ispejjeż relatati mal-assistenza u mar-rappreżentanza tal-benefiċjarji tagħha. L-għajnuna legali mogħtija skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 97(2) tal-istess regolament ma jistax għalhekk ikopri l-kwistjoni ipotetika tal-ammont tal-ispejjeż li r-rikorrenti, f’każ li jitilfu, għandhom iħallsu lura lill-konvenuti fir-rigward tal-onorarji tal-avukati ta’ dawn.

(ara l-punti 46, 50 u 53)