Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2019 minn BP mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) fil-11 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-888/16, BP vs FRA

(Kawża C-601/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: BP (rappreżentant: E. Lazar, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u konsegwentement

tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (AHCC) tal-21 ta’ April 2016 li ma ġġeddidx il-kuntratt tax-xogħol tagħha;

tagħti kumpens għad-dannu materjali u morali sostnut mill-appellanti bħala riżultat tad-deċiżjoni illegali li, minn naħa ma ġġeddidx il-kuntratt u min-naħa l-oħra li teżegwixxi s-sentenza fil-Kawża T-658/13 P;

tagħti kumpens għad-dannu materjali u morali sostnut mill-appellanti minħabba li l-appellata naqqset milli tadotta r-regoli legali għall-evalwazzjoni, għall-klassifikazzjoni mill-ġdid u għat-tiġdid u l-ħsara relatata li tirriżulta mill-assenza ta’ dawn ir-regoli legali;

tiddeċiedi li l-Linji Gwida tal-FRA għall-evalwazzjoni u għall-klassifikazzjoni mill-ġdid u d-deċiżjoni tad-Direttur tal-FRA 2009/13 dwar it-tiġdid ta’ kuntratti ta' xogħol huma illegali safejn dawn ir-regoli ġew adottati wara proċedura illegali minn awtur nieqes minn kompetenza xierqa;

teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tagħha;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas interessi awtomatiċi bir-rata prinċipali tal-Bank Ċentrali Ewropew b’żieda ta’ żewġ punti perċentwali fuq l-ammont eventwalment mogħti jew kull għotja oħra ta’ pagament ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali jidhrilha ġusta u xierqa;

tikundanna lill-FRA għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tat-tieni motiv relatat mal-illegalità tar-regoli tal-FRA u tar-raba’ talba relatata mal-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mill-appellanti skont l-Artikolu 277 TFUE. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi, żnaturat is-sens ċar tal-provi, wettqet żball ta’ liġi, kisret id-dmir li tagħti raġunijiet u kisret id-dritt għal smigħ.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar it-tielet talba u ma eżerċitatx ġurisdizzjoni sħiħa kif mitlub taħt il-ħames talba. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżit li tkun issalvagwardjata l-legalità kif previst fl-Artikolu 19(1) TUE u kisret l-Artikolu 268 TFUE.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 35, 36, 64 u 65 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju; naqset milli tinnotifika lill-FRA l-ittra tal-25 ta’ Settembru 2017 u naqset milli tinnotifika lill-appellant dwar dan; kisret il-produzzjoni tal-prova relatata mar-replika u kisret ir-regoli dwar il-provi; ċaħdet b’mod żbaljat ir-Rapport tal-OLAF fil-każijiet magħquda OF/2014/0192 u OF/2015/0167; kisret id-dritt għal smigħ; kisret id-dritt għal smigħ xieraq; u kisret l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tad-difiża u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta u pproduċiet motivazzjoni tad-deċiżjonijiet mhux xierqa.

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 134 u 135 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha dwar l-ispejjeż. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali naqset mid-dmir tagħha li tagħti raġunijiet.

____________