Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleve (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-24 ta’ Settembru 2014 – Bayer CropScience SA-NV, Stichting De Bijenstichting vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden

(Kawża C-442/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

College van Beroep voor het bedrijfsleven

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bayer CropScience SA-NV, Stichting De Bijenstichting

Konvenuta: College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden

Domandi preliminari

1. Id-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 1 , tal-Artikolu 63, moqrija flimkien mal-Artikolu 59 tar-Regolament dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 2 (Nru 1107/2009, tal-21 ta’ Ottubru 2009) u tal-Artikolu 19 tad-Direttiva  98/8 3 jimplikaw li jeħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq talba għall-kunfidenzjalità, kif prevista fl-artikoli ċċitati iktar ʼil fuq 14, 63 u 19, minn applikant imsemmi f’dawn l-artikoli, għal kull sors ta’ tagħrif, qabel jew waqt l-għoti tal-awtorizzazzjoni, jew qabel jew waqt it-tibdil tal-awtorizzazzjoni, rispettivament, permezz ta’ deċiżjoni aċċessibbli għal kull terz interessat?

2. F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali 4 għandu jiġi interpretat fis-sens li fin-nuqqas ta’ deċiżjoni bħal dik li hemm riferiment għaliha fid-domanda preċedenti, il-konvenut, fil-kwalità ta’ awtorità nazzjonali, għandu jiżvela t-tagħrif ambjentali mitlub, meta tali talba ssir wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni jew wara emenda ta’ din tal-aħħar rispettivament?

3. Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fl-Artikolu 4(2), tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, fid-dawl ta’ dak li ġie espost mill-partijiet dwar is-suġġett fis-Sezzjoni 5.5 ta’ din is-sentenza interlokutorja, b’kunsiderazzjoni għall-kontenut tad-dokumenti deskritt fis-Sezzjoni 5.2 ?

4. a. Data li tinkludi evalwazzjoni tal-emissjoni ta’ prodott, tas-sustanza attiva/sustanzi attivi tiegħu u ta’ komponenti oħra fl-ambjent bħala konsegwenza tal-użu ta’ prodott tista’ titqies bħala “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”?

4. b. Jekk tingħata risposta pożittiva, il-kwistjoni dwar jekk din id-data inkisbitx permezz ta’ (semi) studji fuq il-post jew studji oħra (bħal, pereżempju, studji tal-laboratorju u studji ta’ trażlokazzjoni) hija rilevanti?

5. L-istudji tal-laboratorju jistgħu jitqiesu bħala “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”, meta l-eżami huwa intiż li jeżamina, f’ċirkustanzi standardizzati, aspetti iżolati, billi jeskludi f’dan il-kuntest għadd ta’ fatturi – bħal, pereżempju, effetti klimatiċi – u billi juża dożi għoljin, meta mqabbla mal-użu fil-prattika?

6. F’dan il-kuntest, ir-residwi li jkun hemm wara l-applikazzjoni ta’ prodott fl-esperiment, pereżempju, fl-arja jew fl-art, fil-weraq, fil-polline jew fil-meraq ta’ pjanta (li jirriżulta minn żerriegħa pproċessata), fl-għasel jew fuq organiżmi mhux fil-mira jeħtieġ li jitqiesu wkoll bħala “emissjonijiet fl-ambjent”?

7. Dan jgħodd ukoll għall-grad tal-kurrent (tas-sustanza) waqt l-applikazzjoni tal-prodott fl-esperiment?

8. It-termini “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”, kif hemm riferiment għalihom fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali għandhom il-konsegwenza li, meta jkun hemm emissjonijiet fl-ambjent, huwa s-sors kollu tat-tagħrif li għandu jiġi żvelat, u mhux sempliċiment id-data (tal-kejl) li tista’, skont il-każ, toriġina minnu?

9. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-motiv ta’ eċċezzjoni marbut mat-tagħrif kummerċjali jew industrijali fis-sens tal-Artikolu 4(2)(d), iċċitat iktar ʼil fuq, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-“emissjonijiet” u min-naħa l-oħra, l-“iskari[k]i u ħruġ ieħor fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332).

2 Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1).

3 Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3).

4 Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).