Language of document : ECLI:EU:C:2019:97

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2019(1)

Kawża C391/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji – Deċiżjoni 91/482/KEE – Assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea – Importazzjonijiet ta’ aluminju minn Anguilla – Trasbord – Ċertifikati EXP maħruġa b’mod żbaljat mill-awtoritajiet doganali ta’ pajjiż jew territorju extra-Ewropew (PTEE) – Dazji doganali mhux miġbura mill-Istati Membri ta’ importazzjoni – Responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru li miegħu PTEE jkollu relazzjoni speċjali – Kumpens għal telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li jkun sar fi Stat Membru ieħor”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob li jiġi kkonstatat li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit bl-Artikolu 5 KE (2). Fi kliem ieħor, abbażi tal-fatt li huwa ma kkumpensax għat-telf ta’ ammont ta’ riżorsi proprji li kellhom ikunu disponibbli għall-baġit tal-Unjoni. Dan l-ammont jirrigwarda dazji doganali li ma kinux inġabru meta ġew importati fl-Italja kunsinni ta’ aluminju li oriġinarjament kienu ġejjin minn Stati terzi. Dan l-ammont kien jinġabar li kieku l-awtoritajiet doganali ta’ Anguilla, pajjiż jew territorju extra-Ewropew (PTEE) tar-Renju Unit, ma ħarġux iċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni rilevanti għal esportazzjoni mill-ġdid lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perijodu 1998 sa 2000 bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni 91/482/KEE (3). Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Renju Unit huwa responsabbli skont id-dritt tal-Unjoni għal dan it-telf ta’ riżorsi proprji, li kien ikkawżat minn PTEE tar-Renju Unit. Hija ssostni li, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, dan l-Istat Membru għandu issa jagħmel disponibbli għall-baġit tal-Unjoni l-ammont ta’ dazji doganali li ma kinux inġabru minn Stat Membru ieħor (l-Italja), flimkien mal-interessi.

2.        Permezz ta’ azzjoni parallela fil-Kawża C‑395/17, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dwarha ser nippreżenta konklużjonijiet separati, il-Kummissjoni qiegħda titlob għal dikjarazzjoni simili u għal kumpens għal telf ta’ riżorsi proprji. Dik il-kawża tirrigwarda allegati nuqqasijiet tal-awtoritajiet doganali ta’ Curaçao u Aruba, żewġ PTEE tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

3.        In-natura teknika u kumplessa tar-rikors, li għandu jinqara mill-ġdid bosta drabi sabiex jinftihem x’qiegħda titlob il-Kummissjoni, ma għandhiex taħbi l-fatt li ħafna iktar jinsab taħt is-superfiċji. L-azzjonijiet ma humiex dak li jidhru. Moħbija fi ċpar tat-teknikalitajiet ta’ regoli doganali, ta’ sensiela kumplessi ta’ fatti ta’ każ uniku, u ta’ storja proċedurali pjuttost rikka, li ċ-ċarezza tagħha tfakkarna tabilħaqq fi Twin Peaks, hemm kwistjoni kostituzzjonali u strutturali ta’ sinjifikat kunsiderevoli. Tista’ l-Kummissjoni, permezz ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, titlob li jiġi kkonstatat li Stat Membru (ir-Renju Unit) ikun kiser id-dmir ta’ kooperazzjoni leali għaliex ma jkunx ikkumpensa għat-telf għall-baġit tal-Unjoni li jkun seħħ fi Stat Membru ieħor (l-Italja) minħabba allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn PTEE tiegħu (Anguilla) fl-imgħoddi (pjuttost imbiegħed)? Tista’ l-Kummissjoni titlob kumpens għad-dannu kkawżat lill-Unjoni Ewropea bħala rimedju f’dak ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu? Jekk tali azzjoni hija tabilħaqq ammissibbli skont l-Artikolu 258 TFUE, xi jkun il-piż tal-prova li l-Kummissjoni jkollha tissodisfa sabiex tali azzjoni tirnexxi?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Is-sistema tar-riżorsi proprji

4.        Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1552/89 (4), kif emendat mir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1355/96 (5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1552/89”), japplika għall-fatti ta’ dan il-każ.

5.        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89:

“1. Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, dritt tal-Komunità għar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, għandu ikun stabbiliti malli l-kundizzjonijiet previsti fir-regolamenti doganali jkunu twettqu rigward id-dħul tal-ammont tad-dritt fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.

1a. Id-data ta’ stabbiliment li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-dħul fil-kotba tal-kontijiet prevista fir-regolamenti doganali.

[…]

1b. F’każijiet fejn ma hemmx qbil, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti għandhom jitqiesu, għall-iskopijiet tal-istabbiliment li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, li jkunu jistgħu jikkalkolaw l-ammont tad-dritt mhux iktar tard minn meta tittieħed l-ewwel deċiżjoni amministrattiva li tinnotifika lid-debitur bid-dejn, jew meta jitressqu proċedimenti ġudizzjarji jekk dan iseħħ l-ewwel.

Id-data ta’ stabbiliment li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-deċiżjoni jew tal-kalkolu li għandha ssir wara li jkunu bdew il-proċeduri ġudizzjarji msemmija hawn fuq.”

6.        L-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Nru 1552/89 jgħid li:

“1. Kontijiet għar-riżorsi proprji għandhom jinżammu mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skont it-tipi ta’ riżorsi.

[…]

2. (a) Drittijiet stabbiliti bi qbil mal-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħħlu fil-kontijiet mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu d-dritt ikun ġie stabbilit.

(b) Drittijiet stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta, għandhom jintwerew f’kontijiet separati matul il-perijodu preskritt fil-punt (a). Stati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta d-drittijiet stabbiliti li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta jkunu ġew ikkontestati u jistgħu, mar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, ikunu suġġetti għal tibdil.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1552/89: “Wara tnaqqis ta’ 10 % bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jseħħ mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih id-dritt ikun ġie stabbilit bi qbil mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

Madanakollu, għad-drittijiet murija fil-kontijiet separati permezz tal-Artikolu 6(2)(b), id-dħul għandu jsir mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih id-drittijiet ikunu ġew irkuprati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 jgħid dan li ġej: “Kull dewmien sabiex isir id-dħul fil-kontijiet imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal ħlas ta’ interessi mill-Istat Membru kkonċernat bir-rata ta’ interessi applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat, fid-data ta’ skadenza, għal operazzjonijiet ta’ finanzjament pubbliku għal żmien qasir, miżjuda b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tiżdied bi 0.25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perijodu kollu tad-dewmien.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        L-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1552/89 jgħid li:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont korrispondenti tad-drittijiet stabbiliti permezz tal-Artikolu 2 ikun disponibbli għall-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa mill-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu mad-drittijiet stabbilit biss jekk, għal raġunijiet ta’ forza maġġuri, dawn l-ammonti ma jkunux ġew miġbura. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jinjoraw dan l-obbligu li jqiegħdu tali ammonti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi jekk, wara eżami approfondit taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali, jkun jirriżulta li l-irkupru jkun impossibli fit-tul minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. Dawn il-każijiet għandhom jissemmew fir-rapport previst fil-paragrafu 3 jekk l-ammonti jeċċedu EUR 10 000, ikkonvertiti f’munita nazzjonali bir-rata applikabbli fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru tas-sena kalendarja preċedenti; dan ir-rapport għandu jkun fih indikazzjoni tar-raġunijiet għalfejn Stat Membru ma jkunx jista’ jagħmel disponibbli l-ammonti f’dak il-każ. Il-Kummissjoni għandha sitt xhur żmien sabiex tikkomunika, jekk xieraq, il-kummenti tagħha lill-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

10.      Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (6) issostitwixxa r-Regolament Nru 1552/89. L-Artikolu 2(1), (2) u (3), l-Artikolu 6(1) u (3)(a) u (b), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament essenzjalment jikkorrispondu mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1552/89 iċċitati iktar ’il fuq. L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1552/89 ġie ssostiwit bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, u emendat bir-Regolament Nru 2028/2004 (7).

B.      Id-Deċiżjoni PTEE

11.      L-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE, applikabbli ratione temporis għal dan il-każ, jipprovdi li:

“Prodotti li ma joriġinawx mill-PTEE iżda li jkunu f’ċirkolazzjoni libera f’PTEE u jiġu esportati mill-ġdid bħala tali lejn il-Komunità għandhom jiġu aċċettati fil-Komunità ħielsa minn dazji doganali u minn taxxi li jkollhom effett ekwivalenti sakemm:

–        ikunu tħallsu għalihom, fil-PTEE kkonċernat, dazji doganali jew taxxi li jkollhom effett ekwivalenti ta’ livell ugwali għal jew ogħla mid-dazji doganali applikabbli fil-Komunità għall-importazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti li jkunu joriġinaw minn pajjiżi terzi eliġibbli għall-klawżola tan-nazzjon l-iktar favorit,

–        ma kienux is-suġġett ta’ eżenzjoni minn, jew rimbors ta’, totali jew parzjali, dazji doganali jew taxxi li jkollhom effett ekwivalent,

–        ikollhom magħhom ċertifikat ta’ esportazzjoni.”

III. Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

12.      Anguilla hija wieħed mill-“Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej tar-Renju Unit” elenkati fl-Anness II tat-Trattat KE, li għalihom tapplika l-Parti IV ta’ dak it-Trattat. Id-Deċiżjoni PTEE kienet tapplika wkoll għal dak it-territorju fiż-żmien rilevanti.

13.      Fl-1998, twaqqfet skema ta’ trasbord f’Anguilla sabiex jinkiseb benefiċċju permezz tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE. Aluminju ġie importat minn pajjiżi terzi lejn Anguilla. Id-dazju doganali lokali ta’ 6 % kien tħallas minn importaturi f’Anguilla. Kumpannija bbażata f’Anguilla, Corbis Trading (Anguilla) Limited (iktar ’il quddiem “Corbis”), bħala aġent ta’ importazzjoni, ħallset “allowance għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar għall-finijiet ta’ esportazzjoni” lill-kumpanniji destinatarji sabiex iġorru l-merkanzija billi jgħaddu minn Anguilla. Dan il-ħlas imbagħad intbagħat minn Corbis lill-Gvern ta’ Anguilla għar-rimbors tal-ispiża. L-awtoritajiet ta’ Anguilla mbagħad ħarġu ċertifikati EXP għall-aluminju sabiex jiġi esportat mill-ġdid lejn l-Unjoni Ewropea.

14.      Il-Foreign and Commonwealth Office tar-Renju Unit (il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u għall-Commonwealth, iktar ’il quddiem il-“FCO”) kien imħasseb dwar il-legalità tal-operazzjoni. Huwa talab formalment lill-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“HMRC”) sabiex twettaq investigazzjoni. Din l-investigazzjoni saret f’Novembru 1998. L-HMRC ikkonkludiet li r-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ ċertifikati EXP skont l-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE ma kinux ġew issodisfatti. L-Unità għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (iktar ’il quddiem l-“UCLAF”) (8) ġiet innotifikata bl-eżitu tal-investigazzjoni fil-25 ta’ Novembru 1998.

15.      Iktar tard fl-1998, Corbis bidlet il-prattika tagħha ta’ fatturazzjoni. Il-fatturi maħruġa minn Corbis lill-Gvern ta’ Anguilla kienu juru li kienu nħarġu għal “servizzi pprovduti” minn Corbis. Ma jirreferux iktar għall-“allowance għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar għall-finijiet ta’ esportazzjoni”.

16.      Fis-6 ta’ Jannar 1999, l-HMRC kitbet lill-Kummissjoni sabiex tgħarrafha li l-HMRC ma xtaqitx iktar tiġbed l-attenzjoni tal-UCLAF jew ta’ Stati Membri oħra għal ċertifikati ta’ esportazzjoni maħruġa minn Anguilla. Wara mozzjoni mill-Assemblea Parlamentari ta’ Anguilla tat-22 ta’ Jannar 1999, kull prodott ittrasbordat minn Anguilla lejn l-Unjoni Ewropea skont id-Deċiżjoni PTEE kellu jkun suġġett għal dazju doganali ekwivalenti għad-dazji doganali tal-Unjoni applikabbli għal dak il-prodott.

17.      Fit-18 ta’ Frar 1999, l-UCLAF ħarġet komunikazzjoni (AM 10/1999) skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 515/97/KE (9). Din kienet tgħid li madwar 50 % tas-somom miġbura minn Anguilla f’dazji doganali kienu ġew irrimborsati bħala “allowances għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar għall-finijiet ta’ esportazzjoni” u spejjeż oħra. L-UCLAF ikkonkludiet li dawn il-ħlasijiet kienu marbuta mal-ġbir ta’ dazji doganali. Għalhekk, l-UCLAF irrakkomandat lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri “li ċ-ċertifikati EXP kollha maħruġa mill-awtoritajiet f’Anguilla jiġu rrifjutati u li dazji doganali fuq importazzjonijiet fil-ġejjieni ekwivalenti għar-rata sħiħa ta’ 6 % jittieħdu permezz ta’ depożitu jew fil-forma ta’ garanzija sakemm jitneħħew dawn id-dubji”.

18.      Bejn Marzu 1999 u Ġunju 2000, aluminju li joriġina minn pajjiżi terzi li kien l-ewwel ġie importat lejn Anguilla kien reġa’ ġie esportat mill-ġdid minn Anguilla u importat fl-Italja.

19.      Fit-23 ta’ Mejju 2003, l-OLAF ippubblika Rapport ta’ Missjoni Konġunta li kien jgħid li l-inċentiv ekonomiku mħallas lil importaturi permezz tal-allowance għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar għall-finijiet ta’ esportazzjoni kien ta’ 25 dollari Amerikani (USD) għal kull tunnellata ta’ aluminju.

20.      Fit-28 ta’ Diċembru 2004, bi tweġiba għal talba mill-Italja, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni REC 03/04. Fis-17 ta’ Marzu 2003, dan l-Istat Membru kien talab il-ħlas ta’ dazji mingħand kumpannija Taljana li fl-1 ta’ April 1999 kienet importat vireg tal-aluminju fl-Italja li magħhom kellhom ċertifikati EXP maħruġa minn Anguilla. Din il-kumpannija kienet applikat għad-dispensa mid-dħul fil-kontijiet jew, sussidjarjament, għall-eżenzjoni mid-dazji inkwistjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għoti ta’ dispensa mid-dħul a posteriori fil-kontijiet ta’ dazji fuq l-importazzjoni kien iġġustifikat f’dan il-każ partikolari, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali (10). Il-Kummissjoni qalet li każijiet simili għal dak eżaminat fid-Deċiżjoni REC 03/04 għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod, sakemm iċ-ċirkustanzi jkunu simili fil-fatt u fid-dritt (11).

21.      Fis-26 ta’ Mejju 2006, bi tweġiba għal talba mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni REM 03/2004. Fl-1998, kumpannija Ġermaniża kienet ġarret bil-baħar aluminju mill-Kanada u importatu fl-Unjoni Ewropea billi għaddietu minn St-Pierre-et-Miquelon (PTEE taħt is-sovranità Franċiża). Fl-20 ta’ Diċembru 2000, l-awtoritajiet Olandiżi talbu l-ħlas ta’ dazji mingħand din l-impriża li, min-naħa tagħha, talbet għal eżenzjoni skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali (12). Il-Kummissjoni ddeċidiet li din kienet sitwazzjoni speċjali skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni u li kien xieraq li tingħata eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni. Il-Kummissjoni qalet li talbiet għal ħlas mill-ġdid jew eżenzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni minn Saint-Pierre-et-Miquelon, minn Anguilla u mill-Antilli Olandiżi, li kienu komparabbli fil-fatt u fid-dritt kienu ser jiġu ttrattati bl-istess mod.

22.      L-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tat-28 ta’ Settembru 2006 u tat-28 ta’ Settembru 2007 li huma kienu ħadu diversi deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni minn dazji abbażi tad-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004, rispettivament. Il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni addizzjonali f’Lulju 2009, li ngħatat fi tweġiba bid-data tal-4 ta’ Settembru 2009.

23.      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2010, li rriferiet għall-informazzjoni li kienet waslet mill-Italja, il-Kummissjoni l-ewwel talbet lir-Renju Unit jagħmel disponibbli EUR 2 619 504.01, u qalet li kull dewmien sabiex l-ammont dovut għal riżorsi proprji jsir disponibbli kien ser jagħti lok għal interessi. Ir-Renju Unit wieġeb permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Settembru 2010, billi nnota n-nuqqas ta’ provi dokumentali. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni tat lill-awtoritajiet tar-Renju Unit iktar informazzjoni u ppreżentat lista ddettaljata tal-każijiet ikkonċernati abbażi tal-ittra tal-awtoritajiet doganali Taljani tal-4 ta’ Settembru 2009. Kien hemm iktar korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-Renju Unit sa Novembru 2011.

24.      Fis-27 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni, u talbet li EUR 2 670 001.29 ikunu disponibbli. Ir-Renju Unit wieġeb permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2013, fejn ċaħad kull responsabbiltà jew ksur tad-dritt tal-Unjoni.

25.      Fis-17 ta’ Ottubru 2014 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata. Ir-Renju Unit wieġeb b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2014, fejn żamm il-pożizzjoni tiegħu.

26.      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtuha d-dettalji tad-dikjarazzjonijiet doganali li kienu taw lok għall-ammonti totali mitluba mingħand ir-Renju Unit. Dawn id-dikjarazzjonijiet, flimkien maċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni, intbagħtu b’nota tat-23 ta’ Diċembru 2015. Abbażi ta’ dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-ammont li kellu jintalab mingħand ir-Renju Unit kien fil-fatt ta’ EUR 1 500 342.31, minħabba li l-ammonti li kien baqa’ u li kienu ntalbu qabel kienu relatati ma’ importazzjonijiet fejn kienu nħarġu ċertifikati ta’ esportazzjoni minn PTEE minbarra Anguilla (jiġifieri St-Pierre-et-Miquelon).

27.      Peress li r-Renju Unit ma għamilx il-ħlas mitlub, il-Kummissjoni bdiet dawn il-proċeduri legali.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 (li wara sar l-Artikolu 10) tat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea (issa l-Artikolu 4(3) TUE) billi ma kkumpensax għat-telf ta’ ammont ta’ riżorsi proprji li kellhom jiġu kkonstatati u jitqiegħdu għad-dispożizzjonij tal-baġit tal-Unjoni skont l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1552/1989 (issa l-Artikoli 2, 6, 10, 12 u 13 tar-Regolament (EU, Euratom) Nru 609/2014) (13), kieku ma nħarġux ċertifikati ta’ esportazzjoni bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni 91/482 għall-importazzjonijiet ta’ aluminju minn Anguilla fl-1999 sal-2000,

–        tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

29.      Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondata,

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 2017, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

31.      Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2018, li fiha ħa sehem ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

V.      Analiżi

32.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej: l-ewwel nett, ser nanalizza n-natura eżatta tat-talba magħmula mill-Kummissjoni (A). It-tieni nett, ser neżamina jekk u taħt liema kundizzjonijiet jista’ jkun possibbli li tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi ta’ nuqqas ta’ kumpens għad-danni kkawżati lill-Unjoni Ewropea minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil Stat Membru (B). It-tielet nett, peress li bħala prinċipju ser insostni li hemm tali possibbiltà, sussegwentement ser neżamina jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għal obbligu li jingħata kumpens f’dan il-każ (C), u nikkonkludi li ma humiex. Għalhekk, ser nissuġġerixxi li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud bħala infondat.

A.      Tlieta f’waħda? In-natura eżatta tat-talba

33.      Il-Kummissjoni qiegħda titlob sabiex jiġi kkonstatat li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 KE meta ma kkumpensax għat-telf ta’ ammont ta’ riżorsi proprji li kellhom jiġu kkonstatati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1552/89 kieku ma nħarġux ċertifikati ta’ esportazzjoni bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE għall-importazzjonijiet ta’ aluminju minn Anguilla mill-1999 sal-2000.

34.      Dan il-każ jippreżenta grad uniku ta’ kumplessità. Dan mhux tant minħabba li huwa relatat ma’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej tal-Unjoni, iżda pjuttost minħabba l-mod li bih il-Kummissjoni ttrattat dan il-każ u strutturat l-argumenti tagħha. Meta wieħed jipprova jara l-kontenut tat-talba magħmula mill-Kummissjoni, jidher ċar li fil-fatt hemm diversi proposti moħbija f’talba waħda.

35.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li ċertifikati EXP kienu nħarġu b’mod żbaljat mill-awtoritajiet ta’ Anguilla, bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE. Meta tissottometti dan l-argument, il-Kummissjoni ma hijiex qed tkun espliċita dwar jekk dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni kienx direttament attribwibbli lir-Renju Unit abbażi tal-fatt li l-awtoritajiet doganali ta’ Anguilla kienu awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru (iktar ’il quddiem il-“ksur oriġinali”).

36.      It-tieni nett, il-Kummissjoni tissottometti li r-Renju Unit huwa responsabbli għall-ksur inkwistjoni minħabba li ma ħax il-miżuri xierqa kollha sabiex jevita “l-ksur oriġinali” u jkun hemm segwitu għalih. Għalhekk, dan jirrappreżenta, b’xi mod, argument alternattiv għal tal-ewwel. Minħabba li ma hemmx bażi legali speċifika fid-Deċiżjoni PTEE għal proposta bħal din, il-Kummissjoni tidentifika ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali f’dan ir-rigward (iktar ’il quddiem il-“ksur intermedju”).

37.      It-tielet nett, is-saff ta’ barra tal-azzjoni tal-Kummissjoni huwa l-argument li r-Renju Unit naqas milli josserva l-obbligu li rriżulta li jikkumpensa l-baġit tal-Unjoni għat-telf imġarrab fl-Italja kkawżat mill-istanzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni msemmija qabel. Fid-dawl tal-assenza ta’ bażi legali espliċita għal dan it-tip ta’ obbligu, dan id-dmir jirriżulta għal darba oħra, skont il-Kummissjoni, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (iktar ’il quddiem il-“ksur ewlieni”).

38.      Tali struttura mtarrġa ta’ “tlieta f’waħda” tat-talba magħmula mill-Kummissjoni tixbah pupa Russa: is-saff ta’ barra (it-tielet saff) tal-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa marbut b’mod intrinsiku ma’ dawk ta’ qablu u huwa bbażat fuqhom. Madankollu, l-identifikazzjoni tas-saffi individwali tal-argumenti ma jsolvix fil-fatt il-problema, iżda pjuttost iżżid il-kumplessità ta’ dan il-każ. Dan huwa minħabba l-fatt li l-livelli differenti tal-allegat ksur huma suġġetti għal sistemi pjuttost differenti rigward: (i) l-obbligu miksur u n-natura tal-illegalità, (ii) kif dan il-ksur għandu jiġi stabbilit f’termini ta’ proċedura (u provi), u (iii) in-natura tal-konsegwenzi tad-dikjarazzjoni ta’ illegalità u r-rimedji disponibbli.

39.      Għal dak li jirrigwarda n-natura ta’ (i) l-obbligi miksura, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jgħaqqad (a) ksur tad-Deċiżjoni PTEE, (b) il-fatt li r-Renju Unit ma evitax li jkun hemm l-applikazzjoni ħażina ta’ din id-deċiżjoni mill-PTEE tiegħu u ma sabx rimedju għal dan, u (c) nuqqas tat-twettiq tal-obbligu ta’ kumpens għat-telf ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni. Fid-dawl tan-nuqqas distint ta’ ċarezza dwar il-bażi legali ta’ tali obbligi u tal-persuni li fuqhom jaqgħu l-obbligi, dawn l-allegati istanzi ta’ ksur kollha tad-dritt tal-Unjoni nġabru flimkien b’riferiment għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, bħallikieku dan il-prinċipju seta’ jtaffi jew anki jneħħi l-ħtieġa li jiġu identifikati, għal kull wieħed minn dawn is-saffi, preċiżament liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru u minn min.

40.      Fir-rigward ta’ (ii), jiġifieri dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita, il-Kummissjoni ressqet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, fejn talbet li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi abbażi li ma ġiex kkumpensat telf għall-baġit tal-Unjoni (u b’hekk tinvoka wkoll b’mod impliċitu l-illegalità taż-żewġ saffi ta’ qabel tal-allegati nuqqasijiet). Madankollu, in-natura ta’ kull waħda mill-proċeduri (u l-provi u t-tip ta’ prova meħtieġa) hija tassew differenti: is-sistema pjuttost oġġettiva tal-Artikolu 258 TFUE, li titlob għal dikjarazzjoni dwar in-nuqqas strutturali ta’ Stat Membru li għandu jiġi rrimedjat fil-futur, tisfa’ mħallta ma’ elementi ta’ talba essenzjalment individwali u individwalizzata sabiex il-baġit tal-Unjoni jiġi kkumpensat għal somom speċifiċi bħala danni. Dan kollu huwa fformulat f’termini ta’ applikazzjoni analoga ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi stabbilit it-telf imġarrab fi Stat Membru ieħor (l-Italja) bħala r-riżultat tal-applikazzjoni minn dak l-Istat Membru tar-regoli tal-Kodiċi Doganali u tas-sistema tar-riżorsi proprji.

41.      Fir-rigward ta’ (iii), jiġifieri r-rimedji disponibbli, permezz tal-azzjoni tagħha, l-Kummissjoni titlob nominalment sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 5 KE. Madankollu, l-obbligu li allegatament inkiser jikkonsisti f’li ma ġiex ikkumpensat ammont speċifiku ta’ flus li qabel kien ġie kkwantifikat u mitlub mill-Kummissjoni. Hawnhekk ukoll, il-Kummissjoni qiegħda titlob, b’azzjoni waħda, dikjarazzjoni ta’ ksur li tinkludi l-konstatazzjoni ta’ żewġ istanzi ta’ ksur oħra (u differenti) tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll konferma ta’ obbligu għal kumpens permezz ta’ somma eżatta ta’ flus.

42.      F’dan l-istadju, għandi nammetti li ninsab estremament konfuż b’dan l-approċċ li jħallat u jqabbel proċedura/i u rimedji. Dak li l-Kummissjoni fil-fatt qiegħda titlob huwa għal rimedju kompletament ġdid, bl-użu tal-kumdità proċedurali ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, msaħħa iktar b’applikazzjoni analoga ta’ regoli minn sistema speċifika tad-dritt tal-Unjoni (14). Dan ikun ifisser li jkollhom jiġu prodotti ammont żgħir ħafna ta’ provi dwar is-somma eżatta ta’ flus mitluba, sabiex jinkisbu tliet dikjarazzjonijiet ta’ ksur f’azzjoni waħda, tnejn minnhom sempliċement abbażi tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, iżda mingħajr ma tiġi identifikata ebda bażi legali fit-tifsira iktar konservattiva tal-kelma.

43.      Għandi nammetti li nsibha wkoll estremament bi tqila neżamina f’daqqa argumenti li attwalment jappartjenu għal tliet proċeduri differenti, li jeħtieġu l-analiżi ta’ obbligi sostantivi differenti u l-applikazzjoni ta’ regoli u rekwiżiti proċedurali differenti dwar in-natura tal-provi. U dan kollu, filwaqt li nitratta b’mod indifferenti l-assenza ta’ obbligi ċari u ta’ bażijiet legali għall-allegati istanzi ta’ ksur billi jiġi invokat, jew aħjar billi jissemma qiesu b’inkanteżmu, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

44.      Allura x’jista’ u x’għandu jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża? Is-suġġeriment tiegħi huwa li nidentifikaw il-kontenut tal-pupa Russa. Bħala kwistjoni ta’ loġika bażika, kull riżultat għandu jkun ibbażat fuq l-eżistenza tal-illegalità oriġinali. Jekk dan il-ksur oriġinali ma jiġix stabbilit, kull azzjoni li tiġi wara li tkun tiddependi minn dan il-ksur oriġinali ssir irrilevanti. Għalhekk, f’dan il-każ, il-kwistjoni ewlenija tibqa’: iċ-ċertifikati EXP inħarġu bi ksur tad-Deċiżjoni PTEE? Dan il-ksur ikkawża telf fil-forma ta’ riżorsi proprji nieqsa, u jekk huwa hekk, f’liema ammont? Tabilħaqq, jekk tali risposti konnessi mal-ksur oriġinali ma jistgħux jiġu stabbiliti, ma hemmx bażi sabiex wieħed isostni li kien hemm iktar istanzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni f’dawn il-proċeduri (kemm fil-livell tal-“ksur intermedju” – nuqqas ta’ prevenzjoni ta’ xi ħaġa li apparentement ma kinitx illegali fl-ewwel lok – jew f’dak tal-“ksur ewlieni” li loġikament ikun sussegwenti – l-obbligu ta’ kumpens favur il-baġit tal-Unjoni).

45.      Għalkemm dan huwa, fil-fehma tiegħi, il-qofol ta’ din il-kawża, jeħtieġ, madankollu, li tiġi ċċarata kwistjoni preliminari. Il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju Unit kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali minħabba li ma kkumpensax għat-telf imġarrab mill-baġit tal-Unjoni minħabba telf inġarrab fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni kkalkolat li dan it-telf kien ta’ EUR 1 500 342.31. Madankollu, sa issa l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ntużat u primarjament inftehmet bħala proċedura ta’ rimedju, għall-futur, għal istanzi ta’ ksur kurrenti tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, u mhux, kif essenzjalment mitlub f’din il-kawża, sabiex tinkseb dikjarazzjoni retroattiva ta’ ksur (15) flimkien ma’ talba għal kumpens, jiġifieri, somma eżatta u speċifika ta’ flus.

46.      Min-natura tagħha, għalhekk, l-azzjoni tal-Kummissjoni tinkorpora talba għal kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni minn Stat Membru, ippreżentata bħala rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażata fuq l-Artikolu 258 TFUE. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk tali talba hijiex possibbli fid-dawl tal-kliem, tal-għan u tal-istruttura tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Jekk dan ma jkunx il-każ, din l-azzjoni jkollha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

B.      Jista’ jintalab kumpens għad-danni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu?

47.      Fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jista’ jinstab li jkun kiser id-dritt tal-Unjoni talli jkun naqas milli jikkumpensa għat-telf li jkun ikkawża lill-baġit tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, ma nara xejn fit-test, fl-għan jew fis-sistema tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tipprekludi lill-Kummissjoni milli titlob kumpens skont l-Artikolu 258 TFUE (1). Madankollu, jekk tiġi ppreżentata tali azzjoni, l-eżistenza ta’ ħsara reali kkawżata lill-Unjoni Ewropea bi ksur speċifiku tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil Stat Membru għandha tiġi stabbilita skont standard li jkun jixraq l-azzjoni għad-danni (2), u l-azzjoni għandha tosserva wkoll id-differenza bejn tali azzjoni u r-regoli speċifiċi applikabbli fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali (3).

1.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali

48.      Għalkemm ma sostnewx espressament li l-azzjoni hija inammissibbli, ir-Renju Unit u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi opponew il-possibbiltà li Stat Membru jinżamm finanzjarjament responsabbli għat-telf ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni minn PTEE tiegħu. Wieħed mill-argumenti prinċipali mressqa minn dawn l-Istati Membri huwa li tali responsabbiltà finanzjarja ma għandha ebda bażi legali espliċita. Tabilħaqq, la l-Kodiċi Doganali u lanqas is-sistema tar-riżorsi proprji jew xi dispożizzjoni oħra tad-dritt primarju jew sekondarju ma għandhom xi dispożizzjoni espressa dwar ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ Stat Membru għal telf ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni mġarrab fi Stat Membru ieħor.

49.      In-nuqqas ta’ bażi legali ċara għal talba li jkollha l-għan li żżomm Stati Membri responsabbli għal telf f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ ma jistax jiġi miċħud. Madankollu, qabel ma tiġi indirizzata tali lakuna materjali (allegata jew reali), jeħtieġ li tiġi indirizzata kwistjoni iktar proċedurali u ġenerali li hija l-bażi tan-natura vera tal-azzjoni f’dawn il-proċeduri: huwa possibbli li tintalab, permezz tal-Artikolu 258 TFUE, dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba nuqqas ta’ kumpens għal telf ikkawżat minn Stat Membru minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni?

50.      Il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-Istati Membri lejn l-Unjoni Ewropea ma hijiex xi ħaġa li qatt ma nstemgħet. Għall-inqas teoretikament kienet ikkontemplata mill-Qorti tal-Ġustizzja meta qalet li “meta jkun hemm kemm dewmien fit-twettiq ta’ obbligu kif ukoll ċaħda definittiva, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fi [proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu] tista’ tkun ta’ interess sostantiv sabiex tiġi stabbilita l-bażi ta’ responsabbiltà li Stat Membru jista’ jkollu minħabba n-nuqqas tiegħu, fir-rigward tal-Istati Membri, tal-Komunità jew ta’ individwi” (16). Il-possibbiltà li jintużaw proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħala l-bażi ta’ talba għal kumpens f’isem l-Unjoni Ewropea kontra Stat Membru ġiet diskussa wkoll fi studji legali (17).

51.      L-Artikoli 258 sa 260 TFUE jikkostitwixxu qafas sabiex jiġi identifikat u issanzjonat ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-Istati Membri. L-Artikolu 258 TFUE jagħmel riferiment biss għal Stat Membru li “jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond dan it-Trattat”. Fi kliem ieħor, it-Trattat huwa sieket dwar in-natura eżatta ta’ rimedju għal ksur li jista’ jintalab mill-Kummissjoni. Minħabba dan is-skiet, ma narax għalfejn azzjoni għal kumpens imressqa mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni Ewropea kontra Stat Membru skont l-Artikolu 258 TFUE għandha tiġi eskluża, u dan għaliex jeżistu argumenti sistemiċi pjuttost konvinċenti sabiex tiġi aċċettata tali possibbiltà.

52.      L-ewwel nett, meta nifli l-kliem tat-Trattati, ma hemm xejn fl-Artikoli 258 sa 260 TFUE – jew wara kollox f’xi dispożizzjoni oħra tat-Trattat – li jipprekludi l-possibbiltà ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-ksur ta’ tali obbligu ta’ kumpens permezz ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Azzjoni ta’ dik ix-xorta tkun taqbel fil-kuntest tal-għan u tal-limitazzjonijiet proċedurali tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minħabba li tkun qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq obbligu ta’ kumpens u ma tkunx, tabilħaqq, tammonta għal kundanna għal ħlas (18).

53.      It-tieni nett, fuq livell sistemiku, bilkemm huwa kkontestat li l-obbligu ta’ kumpens għal telf potenzjali kkawżat lill-Unjoni Ewropea huwa l-espressjoni iktar speċifika tal-obbligu ġenerali li wieħed jagħmel tajjeb għal kull ħaġa ħażina, fejn dan tal-aħħar huwa prinċipju ta’ gwida ta’ kull sistema ta’ dritt pubbliku, privat u internazzjonali (19).

54.      Fid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 340 TFUE jgħid li l-Unjoni għandha, “skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri”, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet jew mill-impjegati tagħha. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll, billi tislet mill-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri u billi tistrieħ fuq id-dmir ta’ kooperazzjoni leali (20), il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkaġunati lil individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni bħala inerenti fis-sistema tat-Trattati (21).

55.      Naħseb li huwa vitali, madankollu, fir-rigward ta’ din l-aħħar dikjarazzjoni, li nenfasizza b’mod ċar differenza waħda ewlenija. Id-dikjarazzjoni li tgħid li l-assenza ta’ bażi legali espliċita (proċedurali jew sostantiva) ma hijiex raġuni suffiċjenti biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ obbligu ta’ kumpens saret b’mod ċar fir-rigward tal-istabbiliment tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri għal dannu kkawżat lil individwi (livell sistemiku). Hija ma saritx għal dak li jirrigwarda d-dmir li jiġi kkonstatat obbligu legali ċar fil-każ individwali, li huwa mistenni jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Istat (livell ta’ każ speċifiku) (22).

56.      It-tielet nett, il-possibbiltà li l-Istati Membri jinżammu responsabbli finanzjarjament għal ksur tad-dritt tal-Unjoni lejn l-Unjoni tista’ titqies ukoll bħala li timla ċertu vojt fis-sistema ta’ responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Tabilħaqq, diġà ngħataw il-possibbiltajiet l-oħra fil-kostellazzjoni ta’ responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea hija żgurata permezz tal-Artikolu 340 TFUE. L-Istati Membri jistgħu wkoll, fit-teorija, jużaw din il-bażi legali sabiex jibdew proċeduri għad-danni kontra l-Unjoni (23). Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri lejn individwi hija żgurata permezz tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istati msemmi iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, ir-responsabbiltà individwali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi għal ksur tad-dritt tal-Unjoni hija suġġetta għal regoli nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili (24).

57.      Fil-fatt, l-unika ipoteżi li tibqa’ hija, għalhekk, ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-Unjoni Ewropea minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu wieħed jista’ jargumenta li ma hemmx lakuna f’dan ir-rigward, minħabba li dik is-sistema ta’ responsabbiltà tista’ tkun koperta mis-sistema ġenerali ta’ responsabilità tal-Istat tal-Istati Membri (25). Skont tali approċċ, l-Unjoni Ewropea għandha tħarrek fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru, għar-responsabilità tal-Istat ta’ dak l-Istat Membru, bl-istess mod bħall-individwi.

58.      Għalkemm wieħed jista’ jikkonċepixxi tali ipoteżi għal każijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili ta’ Stat Membru barra mid-dmirijiet u l-obbligi tiegħu (tad-dritt pubbliku) bħala Membru tal-Unjoni lejn l-Unjoni (26), ikun jagħmel ftit sens jew aktarx xejn f’każijiet bħal dan, li jkunu ta’ tilwim effettivament istituzzjonali u kostituzzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, li jkollhom biss ċerti implikazzjonijiet monetarji għall-Istat Membru. Dawn l-aħħar tipi ta’ każijiet huma tabilħaqq id-dominju inerenti tal-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, huwa wkoll minnu li, fi kliem formali, l-azzjoni tressqet mill-Kummissjoni bħala azzjoni ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ċertament għandha ġurisdizzjoni.

59.      Barra minn hekk, jista’ jingħad ukoll li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tan-nuqqas tal-Istati Membri li jikkumpensaw telf ikkawżat minnhom ikun jidher li jidħol sewwa fl-istruttura u fil-kuntest tal-Artikoli 258 sa 260 TFUE. B’mod partikolari, possibbiltà bħal din hija konformi mal-għan aħħari ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li huwa li “jiġi eliminat b’mod effettiv in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Istati Membri u mill-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas”, futur u eventwali (27).

60.      Eventwalment, il-possibbiltà li wieħed jitlob mhux biss għad-dikjarazzjoni ta’ ksur tat-Trattat, iżda wkoll għad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kumpens minħabba dak il-ksur speċifiku tat-Trattat, iżżid ukoll mal-koerenza tas-sistema. Tabilħaqq, huwa minnu li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu iktar “tradizzjonali” immirat lejn il-ksur inkwistjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkun ta lok għad-dannu (28), ma jkunx jagħmel wisq sens fil-kostellazzjoni partikolari ta’ dan il-każ u ta’ każijiet simili, għal żewġ raġunijiet.

61.      Minn naħa, il-proċedura ta’ “tnejn f’waħda” tkun iktar effettiva f’każijiet fejn il-ħsara tkun ġiet ikkawżata minn avveniment jew prattika, li tkun diġà ntemmet fil-mument meta tkun ingħatat l-opinjoni motivata. F’dawn is-sitwazzjonijiet, dikjarazzjoni ta’ ksur li tkun limitata għall-ksur tal-obbligu materjali (f’dan il-każ, il-ksur oriġinali jew intermedju) ikollha ftit skop. Dan huwa partikolarment il-każ fil-qasam speċifiku tar-riżorsi proprji, fejn ma tantx jagħmel sens li ssir talba dwar ksur materjali tad-dritt tal-Unjoni separatament mill-konsegwenzi finanzjarji tiegħu (29). Dan spiss joħloq il-ħtieġa, fil-każijiet speċifiċi f’dan il-qasam, li jinbdew azzjonijiet fejn il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni jkunu jikkostitwixxu mill-bidu nett is-suġġett proprju tal-ksur. Iżda dan għal darba oħra huwa għalkollox loġiku, u b’mod ċar marbut mal-istruttura ta’ każ bħal dan: rikors għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġi kkumpensat telf, bħal dak f’dan il-każ, ikun funzjonalment ekwivalenti għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li r-riżorsi proprji dovuti minn Stat Membru jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni.

62.      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li l-Artikolu 260(1) TFUE jimplika l-obbligu tal-Istat Membru li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun sabet li kien hemm ksur. Dawn il-miżuri jistgħu eventwalment jinkludu l-obbligu ta’ kumpens għat-telf li jkun irriżulta (30). Madankollu, huwa minnu wkoll li n-natura ta’ dawn il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex itemmu n-nuqqas tagħhom li jħarsu l-obbligi tal-Unjoni ma tkunx tista’ tiġi ffissata mill-Qorti tal-Ġustizzja (31), u għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru (32). Għalhekk il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ obbligu ta’ kumpens tkun għadha pendenti.

63.      Minn perspettiva formali, huwa wkoll minnu li azzjoni sussegwenti abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE tista’ toffri l-possibbiltà li jiġi eżaminat jekk Stat Membru jkunx issodisfa d-dmirijiet tiegħu skont sentenza preċedenti, inkluż obbligu li jikkumpensa għal telf. Dan is-suġġeriment, madankollu, jinjora l-loġika ta’ azzjoni għal nuqqas ta’ kumpens għal telf ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni minn Stat Membru, fejn l-istabbiliment u l-kwantifikazzjoni tat-telf huma, bħal f’kull azzjoni oħra għal kumpens, parti mid-deċiżjoni fuq il-mertu tal-każ. Tali evalwazzjoni hija differenti ħafna minn kull eżami sussegwenti possibbli dwar jekk kienx hemm konformità jew le ma’ sentenza preċedenti (bħala kwistjoni ta’ infurzar) (33), bħalma huwa l-każ ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 260 TFUE. Barra minn hekk, jekk il-kwistjoni ta’ kumpens għal telf tinqala’ biss bħala kwistjoni ta’ eżekuzzjoni inkorretta ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru jkun iffaċċjat għall-ewwel darba bil-kwistjoni ta’ kumpens għal telf għall-Unjoni Ewropea f’dan l-istadju, filwaqt li fl-istess waqt ikollu quddiemu sanzjonijiet li jistgħu joħorġu mill-applikazzjoni ta’ dak l-artikolu (li ma jkollhomx l-għan, f’kull każ, ta’ kumpens għal danni jew telf).

64.      Fl-aħħar nett, minn eżami usa’ tas-sistema tal-Unjoni tar-rimedji disponibbli, jekk jiġi ammess li l-Istati Membri ma jistgħux jikkontestaw il-validità ta’ ittri ta’ intimazzjonijiet li, bħal f’dan il-każ, jitolbu lil Stat Membru jagħmel disponibbli somma skont il-kunċett ta’ riżorsi proprji mitlufa fi Stat Membru ieħor (34), l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt jikkontestaw il-mertu ta’ tali obbligu quddiem il-qrati tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (35). Għalhekk, fl-istadju ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, kull ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni, inkluż dak oriġinali inkwistjoni, għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizjarju.

2.      Elementi li għandhom jiġu stabbiliti

65.      Għalhekk, ma nara xejn, la fit-test tat-Trattati u lanqas fit-Trattati kkunsidrati flimkien, li jipprekludi, per se, lill-Kummissjoni milli titlob għal approċċ ta’ “tnejn f’waħda” fil-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE. Jiġifieri dan ikun għad-dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ ċerta mġiba attribwibbli lil Stat Membru u, simultanjament, għad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ kumpens għal telf għall-baġit tal-Unjoni li jkun jirriżulta minn dik l-illegalità.

66.      Madankollu, jekk titressaq tali talba, in-natura ta’ tali azzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE tinbidel. Tali azzjoni ma tkunx għadha d-dikjarazzjoni astratta “tradizzjonali” ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn Stat Membru. Ikun każ speċifiku ta’ illegalità li allegatament tkun ikkawżat ammont speċifiku ħafna ta’ danni lill-baġit tal-Unjoni. Bażikament issir azzjoni għal danni allegatament ikkawżati minn Stat Membru lill-Unjoni Ewropea.

67.      Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tkun qed titlob, f’isem l-Unjoni Ewropea, għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġi kkumpensat ammont speċifiku ta’ danni għal ksur speċifiku tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil Stat Membru li jkun seħħ fil-passat, din it-talba għandha tkun suġġetta għall-istandards u għall-provi applikabbli għal azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

68.      Il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni kkonverġew matul is-snin (36), u bir-raġun. Jekk il-Kummissjoni tkun fil-fatt qiegħda titlob għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat Membru, anki jekk il-mezz formali għall-preżentata ta’ tali azzjoni jkun għadu l-Artikolu 258 TFUE, ma narax raġuni għaliex dawn il-kundizzjonijiet għandhom jerġgħu jvarjaw. Għalhekk, b’mod ġenerali, sabiex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali fid-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li jkun hemm ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet. Dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu, barra minn hekk, ikun suffiċjentement serju. Id-dannu għandu jkun stabbilit. Għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu impost fuq l-awtur tal-att u d-dannu li tkun ġarrbet il-parti leża.

69.      Din hija r-raġuni għaliex fil-fehma tiegħi l-argumenti magħmula fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, abbażi ta’ nuqqas ta’ kumpens għal telf ikkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. In-natura ta’ “tnejn f’waħda” ta’ dawn il-proċeduri jagħmilhom partikolarment suxxettibbli għal konfużjoni dwar ir-rekwiżiti legali li jikkorrispondu maż-żewġ stadji. B’mod partikolari, ikun hemm riskju li l-karatteristiċi ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiddaħħlu b’mod selettiv fl-evalwazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li bla dubju jagħti lok għall-obbligu li jingħata kumpens.

70.      L-ewwel nett, rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma oġġettivi fin-natura tagħhom: is-sempliċi nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu tal-Unjoni huwa fih innifsu biżżejjed sabiex jikkostitwixxi ksur (37). Elementi suġġettivi, bħal ħtija jew negliġenza ma għandhomx x’jaqsmu fl-evalwazzjoni tal-ksur (38). Min-naħa l-oħra, dan ma jkunx il-każ meta wieħed jiġi sabiex jistabbilixxi jekk ksur tad-dritt tal-Unjoni jagħtix lok għal obbligu ta’ kumpens. Mhux kull illegalità tagħti lok b’mod awtomatiku għal responsabbiltà. Jeħtieġ ikun hemm ksur suffiċjentement serju sabiex ikun hemm lok għal obbligu ta’ kumpens. Ikun jeħtieġ li l-Istat Membru jkun injora b’mod ċar u serju l-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu (39). Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni jinkludu “iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura, il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni mħollija minn dik ir-regola lill-awtoritajiet nazzjonali jew [tal-Unjoni], in-natura intenzjonali jew involontarja tal-ksur imwettaq u tal-ħsara kkawżata, jekk żball ta’ liġi eventwali kienx skużabbli jew mhux skużabbli, il-fatt li l-pożizzjoni meħuda minn istituzzjoni [tal-Unjoni] setgħet ikkontribwixxiet għall-ommissjoni, u l-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta’ miżuri jew ta’ prattiki nazzjonali kuntrarji għad-dritt [tal-Unjoni]” (40).

71.      It-tieni nett, meta titressaq talba “tradizzjonali” skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn turi li jkun hemm interess speċifiku sabiex titressaq azzjoni: il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma humiex maħsuba sabiex jipproteġu d-drittijiet proprji tal-Kummissjoni (41). Għall-kuntrarju, meta jintalab id-dritt għal kumpens għal ammont iddeterminat li jkun seħħ bħala riżultat ta’ ksur speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, ikun jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dritt speċifiku tal-Unjoni Ewropea (42) u l-obbligu korrelattiv u ddefinit b’mod ċar tal-Istati Membri li seta’ nkiser u kkawża dak id-dannu speċifiku li għalih ikun qiegħed jintalab kumpens.

72.      It-tielet nett, fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi prova tan-nuqqas allegat tal-Istat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu, billi tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tistabbilixxi li ma jkunx wettaq l-obbligu tiegħu, mingħajr ma tistrieħ fuq preżunzjonijiet biss (43). Madankollu, peress li l-għan ewlieni ta’ azzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE huwa li l-Istati Membri jinġiebu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni (44), l-assenza jew l-eżistenza ta’ dannu jew ta’ effetti ħżiena hija irrilevanti (45). Għal darba oħra, kuntrarjament għal dan, meta l-Kummissjoni titlob kumpens għal ammont eżatt ta’ danni, ikun meħtieġ mhux biss li tiġi stabbilita l-illegalità, iżda wkoll li jiġu stabbiliti d-dannu u r-rabta kawżali diretta bejn l-illegalità u dan id-dannu (46). Tabilħaqq, hija l-parti li tixtieq tistabbilixxi l-eżistenza ta’ responsabbiltà li għandha tipproduċi prova konklużiva dwar l-eżistenza u l-portata tad-dannu allegat, kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-imġiba kkontestata u d-dannu allegat (47).

73.      Għalhekk, il-konklużjoni ġenerali hija straordinarjament sempliċi: jekk ir-rikorrent jitlob kumpens għal dannu, huwa għandu jistabbilixxi d-dannu abbażi tal-istandards applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni għal dik ix-xorta ta’ talba b’mod ġenerali. Parti mill-konfużjoni mifruxa f’dan il-każ hija kkawżata mill-fatt li l-Kummissjoni qiegħda titlob għal dikjarazzjoni ta’ “illegalità tripla” u għall-ħlas li jirriżulta ta’ ammont eżatt ta’ kumpens, filwaqt li ssostni li dan kollu jkun bla ħsara għar-rekwiżiti proċedurali tal-Artikolu 258 TFUE, u b’mod ġenerali tibqa’ fuq livell astratt, mingħajr ma jkollha tipproduċi prova dwar id-dannu speċifiku, tikkwantifika l-ammont preċiż ta’ kumpens meħtieġ jew turi rabta kawżali bejn dak l-ammont u l-allegati illegalitajiet.

3.      Is-sistema tar-riżorsi proprji

74.      Fl-aħħar nett, l-aħħar element li għandu jiġi ċċarat hija r-rilevanza li għandha tingħata, f’każ bħal dan, għall-fatt li l-kumpens mitlub (u waħda mill-illegalitajiet allegati) huwa relatat mal-qasam speċifiku tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

75.      Skont is-sistema tar-riżorsi proprji, l-Istati Membri għandhom jikkonstataw ir-riżorsi proprji tal-Unjoni malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikunu f’qagħda li jikkalkolaw l-ammont ta’ dazji li jkun jirriżulta minn dejn doganali u li jindikaw min ikun id-debitur, indipendentement minn jekk il-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali ġewx issodisfatti (48). Hija biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89 (forza maġġuri jew meta jkun hemm ammonti li ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati għal raġunijiet li ma jkunux attribwibbli lill-Istat Membru) li tippermetti lil Stat Membru jeħles lilu nnifsu minn dan l-obbligu (49).

76.      L-argument li għamlet il-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri essenzjalment jinġabar fis-suġġeriment li din is-sistema għandha tkun applikabbli wkoll għar-Renju Unit, u/jew għal Anguilla, li hija taħt il-kontroll ta’ dan l-Istat Membru.

77.      Insib dan l-approċċ dubjuż ħafna. Il-Kummissjoni qiegħda sempliċement titlob għal applikazzjoni ex post ta’ sistema speċifika ħafna b’analoġija doppja: mhux biss li taqleb is-sistema mill-mument meta normalment iseħħ id-dejn doganali (fil-mument ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni) iżda wkoll billi tagħmel din is-sistema applikabbli għal Stat Membru ieħor minn dak li normalment ikollu jġorr il-piż (jiġifieri l-Istat Membru li mit-territorju tiegħu jkunu saru l-importazzjonijiet).

78.      Ma naħsibx li analoġija bħal din hija possibbli. L-ewwel nett, il-kawżi msemmija mill-Kummissjoni sabiex issostni din il-proposta kollha jirreferu għal sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu stess skont is-sistema tar-riżorsi proprji (50). Fi kliem ieħor, kien bla dubju d-dmir tal-Istat Membru inkwistjoni, li kien ukoll l-Istat Membru ta’ importazzjoni, li jagħmel disponibbli l-ammont ta’ riżorsi proprji dovuti. Madankollu, dan il-każ ma huwiex dwar l-obbligi imposti fuq ir-Renju Unit permezz tad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni (51). Dan il-każ huwa dwar obbligu ta’ kumpens, abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fir-rigward ta’ telf li seħħ fi Stat Membru ieħor.

79.      Permezz tal-azzjoni tagħha, il-Kummissjoni titlob li tiġi applikata ġurisprudenza għal sitwazzjoni lil hinn mill-obbligi stabbiliti kemm fil-Kodiċi Doganali kif ukoll fir-Regolament Nru 1552/1989 (52). Hija titlob li, permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 220(2)(b) u Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, jiġi attribwit lir-Renju Unit it-telf ta’ riżorsi proprji li kien seħħ fl-Italja, aktarx (53) meta wieħed iżomm f’moħħu li l-Italja ma setgħetx tirkupra d-dazji għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lilha, skont it-tifsira tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1522/98.

80.      Dan jippreżenta problema doppja. L-ewwel nett, l-obbligu previst mid-dritt tal-Unjoni għal Stat Membru wieħed essenzjalment jinqaleb għal għand ieħor. It-tieni nett, dan ifisser ukoll awtomatikament u mingħajr ebda verifika ulterjuri li jkun impost fuq Stat Membru l-obbligu ta’ ħlas ta’ somom iddeterminati minn Stat Membru ieħor.

81.      Bil-mod kif irraġunat dan il-punt, il-Kummissjoni tidher li qed tinsa l-fatt li obbligu eventwali ta’ kumpens għal telf imġarrab fi Stat Membru ieħor ma huwiex irregolat mir-regoli speċifiċi tar-regolament dwar ir-riżorsi proprji. Peress li l-każ jinsab ’il barra mill-portata tal-obbligi espliċitament stabbiliti mis-sistema tar-riżorsi proprji, għandhom japplikaw ir-regoli ġenerali dwar kif jiġi ddeterminat d-dannu. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tagħmel riferiment għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji, applikabbli għal sitwazzjoni differenti, sabiex tagħmel telf (u l-kwantifikazzjoni tiegħu) awtomatikament attribwibbli lil Stat Membru ieħor.

82.      Nifhem sew id-diffikultajiet tal-oneru tal-prova li jistgħu jinqalgħu għall-Kummissjoni sabiex tifformula talba bħal din, l-iktar jekk din it-talba jkollha titqies li tirreferi għal responsabbiltà ta’ Stat Membru, kif issuġġerit fil-paragrafu preċedenti. Tabilħaqq, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali li jgħidu li dazji doganali jistgħu jitħallsu lura jew ma jinġabrux (54), kif ukoll li jkun hemm lok għall-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/1989 (55), tkun tiddependi ħafna mill-evalwazzjoni tal-Istat Membru li missu kellu jistabbilixxi r-riżorsi proprji inkwistjoni.

83.      B’hekk, fl-aħħar mill-aħħar, jekk il-Kummissjoni tkun tixtieq tressaq talba għal kumpens kontra Stat Membru ieħor, f’dak il-każ hija tkun obbligata toqgħod fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru fejn ikun seħħ it-telf (56). Imbagħad ikun imiss lill-Kummissjoni li tistaqsi dwar u tivverifika tali informazzjoni, sabiex jitħarsu r-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq (57). Dak li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex madankollu possibbli, huwa li jiġu applikati awtomatikament ir-riżultati tas-sistema oġġettiva tar-riżorsi proprji maħluqa minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, li għaliha ma jkunux japplikaw la l-obbligi tal-Kodiċi Doganali u lanqas is-sistema tar-riżorsi proprji f’każ partikolari.

84.      Fil-qosor, l-impożizzjoni fuq Stat Membru wieħed tal-istimi magħmula minn Stat Membru ieħor kemm dwar il-komparabbiltà ta’ deċiżjonijiet dwar eżenzjoni minn jew rinunzja għal ġbir ta’ dazji doganali, kif ukoll l-awtoevalwazzjoni tal-impossibbiltà definittiva ta’ rkupru ta’ riżorsi proprji, flimkien ma’ livell potenzjalment dubjuż ta’ prova dokumentali li tistabbilixxi l-ammont ta’ dejn inkwistjoni, mhux biss tkun nieqsa minn kull bażi legali, iżda timplika wkoll riskji konsiderevoli għall-funzjonament bla diffikultajiet tas-sistema tar-riżorsi proprji li tirriżulta minn ġbir doganali, peress li ma tosservax il-loġika tagħha stess u l-attribuzzjoni ta’ obbligi u responsabbiltà li jinsabu f’dik is-sistema. Fl-aħħar nett, hija toħloq ukoll kwistjonijiet serji fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru inkwistjoni, minħabba li l-evalwazzjoni u l-istimi magħmula mill-Istat Membru oriġinali ma jkunux fil-fatt jistgħu jiġu kkontestati.

C.      Applikazzjoni għal dan il-każ

85.      Il-Kummissjoni tgħid li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbigi tiegħu taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Dan peress li ma kkumpensax għat-telf ta’ ammont ta’ riżorsi proprji, li kellu jiġi kkonstatat u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni, skont ir-Regolament Nru 1552/89, li kieku ma nħarġux ċertifikati EXP bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE għal importazzjonijiet ta’ aluminju minn Anguilla mill-1999 sal-2000.

86.      Sabiex jiġi stabbilit jekk tabilħaqq kienx hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jingħata kumpens għal telf ta’ riżorsi proprji, kif sostniet il-Kummissjoni, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi aċċertat jekk kienx jeżisti tali obbligu ta’ kumpens, li l-ksur tiegħu kien suffiċjentement serju (1), li mbagħad ikkawża dannu speċifiku u kwantifikabbli (2), u jekk kienx hemm rabta kawżali bejn l-illegalità u d-danni konsegwenti.

87.      Fil-fehma tiegħi, l-azzjoni tal-Kummissjoni ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni ma wrietx in-natura illegali taċ-ċertifikati EXP li hija l-qofol tat-tilwima, aħseb u ara s-serjetà tal-ksur attribwit lir-Renju Unit li jikkonsisti fil-fatt li huwa ma evitax jew ma kkontrollax il-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati (1). Barra minn hekk, hemm ukoll b’mod ċar nuqqasijiet għal dak li jirrigwarda l-istabbiliment u l-kwantifikazzjoni tad-dannu (2).

1.      Illegalità (li tammonta għal ksur suffiċjentement serju)

88.      Il-Kummissjoni targumenta li huwa stabbilit li ċ-ċertifikati EXP kienu nħarġu ħażin mill-awtoritajiet doganali f’Anguilla. Ir-Renju Unit kien naqas milli jieħu l-miżuri xierqa sabiex jevita li dan iseħħ. Ir-responsabbiltà tar-Renju Unit toħroġ mis-sovranità li huwa għandu fuq Anguilla. Il-Kummissjoni tenfasizza li r-Renju Unit għandu ċerti setgħat fuq Anguilla skont id-dritt kostituzzjonali ta’ dak l-Istat Membru, iżda li dan l-Istat Membru ma kienx ħa azzjoni tajba biżżejjed. Inter alia, il-fatt li l-FCO kien talab lill-HMRC tagħmel investigazzjoni juri li r-Renju Unit kellu s-setgħa jieħu azzjoni. Barra minn hekk, anki għalkemm l-FCO sar jaf bis-sitwazzjoni fi Frar 1998, ir-Renju Unit għarraf lill-UCLAF biss f’Novembru 1998. Kieku r-Renju Unit aġixxa fil-pront meta l-UCLAF ħarġet il-komunikazzjoni ta’ assistenza reċiproka fi Frar 1999, it-telf seta’ ġie evitat. Azzjoni xierqa mir-Renju Unit kienet twassal għal intervent sabiex jiġi evitat telf ta’ riżorsi proprji.

89.      Ir-Renju Unit ikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni. Qabelxejn, huwa jikkontesta li ċ-ċertifikati EXP kienu nħarġu bi żball f’Anguilla. L-arranġamenti bejn il-Gvern ta’ Anguilla u Corbis kienu ġew immodifikati f’Diċembru 1998. Għalhekk, fatturi li nħarġu wara din id-data ma kinux jagħmlu iktar riferiment għal allowances għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar għall-finijiet ta’ esportazzjoni. Ir-Renju Unit kien ħa għadd ta’ miżuri: kien hemm investigazzjoni mill-HMRC u wara kien ġie adottat rapport fid-19 ta’ Novembru 1998. Dettalji sħaħ ta’ dak li kien instab kienu ġew trażmessi lill-UCLAF sitt ijiem wara din id-data. L-importazzjonijiet rilevanti ta’ aluminju kienu saru fi u wara l-1 ta’ April 1999 u sa dak iż-żmien ir-rapport tar-Renju Unit kien diġà nħareġ u l-komunikazzjoni ta’ assistenza reċiproka tal-UCLAF kienet fiċ-ċirkolazzjoni sitt ġimgħat qabel dan. Il-bidla fil-prattika ta’ fatturazzjoni kienet xejnet kull dubji li kien għad baqa’ min-naħa tar-Renju Unit.

90.      Barra minn hekk, dwar id-dimensjoni proċedurali, ir-Renju Unit jgħid li l-proċedura ta’ sħubija prevista fl-Artikolu 7(7) tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE kienet ġiet invokata mill-Gvern ta’ Anguilla, li dak iż-żmien kellu laqgħat tripartitiċi mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet Taljani. Il-Kummissjoni kien imissiha segwiet il-miżuri preskritti mid-Deċiżjoni PTEE sabiex tindirizza l-iżbalji, inkluża l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim prevista fl-Artikolu 235 tad-Deċiżjoni PTEE jew billi tadotta miżuri ta’ ħarsien. Fid-dawl tat-tilwima li, dak iż-żmien, ma kinitx riżolta dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rimbors ta’ dazji doganali” bejn il-Gvern ta’ Anguilla u l-Kummissjoni, ma kienx ikun xieraq għar-Renju Unit li jieħu xi azzjoni ulterjuri.

a)      L-obbligu ewlieni, li l-ksur tiegħu għandu jiġi stabbilit

91.      Ir-rikors tal-Kummissjoni ma huwiex ċar dwar il-kwistjoni jekk il-ksur tad-Deċiżjoni PTEE għandux ikun attribwibbli direttament lir-Renju Unit. Minkejja li xi punti fir-rikors tagħha pjuttost jissuġġerixxu l-kuntrarju (58), il-Kummissjoni ma tidhirx li qiegħda tgħid b’mod espliċitu li l-awtoritajiet doganali ta’ Anguilla għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet Brittaniċi, u li l-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EXP huwa attribwibbli direttament lir-Renju Unit. Tabilħaqq, fir-risposta tagħha għan-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi f’din il-kawża, il-Kummissjoni ċċarat li ma kinitx qiegħda tikkontendi li l-ksur allegat jistrieħ fuq il-premessa li Anguilla hija parti integrali mir-Renju Unit. Meta ġiet mistoqsija espliċitament għal kjarifika dwar dan il-punt fis-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li ma kienx l-għan tal-azzjoni tagħha li jiġi ddeterminat min kien kiser id-Deċiżjoni PTEE.

92.      Mingħajr ma nixtieq nidher wisq formalista fuq il-livell legali, insibha xi ftit bi tqila nittratta l-kwistjoni ta’ obbligu ta’ kumpens mingħajr ma jgħiduli espliċitament min suppost huwa responsabbli (is-suġġett tar-responsabbiltà) u eżattament għal xiex (l-obbligu legali miksur). Il-fatt li din l-inċertezza hija mgeżwra fl-obbligu, li mid-dehra jħaddan kollox, ta’ kooperazzjoni leali, fl-opinjoni tiegħi dan ma jagħmilx differenza sabiex titnaqqas din l-inċertezza.

93.      Madankollu, nifhem ukoll għaliex il-Kummissjoni setgħet xtaqet tibqa’ vaga dwar din il-kwistjoni. In-natura legali kumplessa tar-relazzjoni ta’ PTEEs mad-dritt tal-Unjoni ma jagħmilhiex ħaġa ħafifa għall-Kummissjoni li targumenta dwar dan il-każ. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 355(2) TFUE, ir-Raba’ Parti tat-Trattat, li abbażi tiegħu kienet adottata d-Deċiżjoni PTEE, jistabbilixxi “arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni” li japplikaw għall-PTEE. Dan l-isfond kostituzzjonali mhux ċar ġie interpretat bħala li jagħti lok għal “stat ibridu” (59). Minn naħa, PTEE ma jistgħux jitqiesu bħala parti mill-Unjoni Ewropea (għall-finijiet relatati mal-moviment liberu ta’ merkanzija u mal-applikazzjoni ta’ regoli doganali, fost oħrajn) (60) u, fin-nuqqas ta’ referenza espliċita, id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat ma japplikawx għall-PTEE (61). Min-naħa l-oħra, il-liġi tal-PTEE ma hijiex sistema legali separata, protetta mis-sistema ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (62). Dan jimplika l-applikabbiltà ta’ prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattati li huma meħtieġa għal funzjonament operattiv tagħha bħala parti mid-dritt tal-Unjoni (63), jew li jiddefinixxu l-iskop tagħhom b’riferiment għas-suġġetti li għalihom japplikaw (64).

94.      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni ta’ responsabbiltà għall-azzjonijiet amministrattivi ta’ PTEE hija partikolarment kumplessa, meta wieħed jikkunsidra, b’mod partikolari, li d-Deċiżjoni PTEE tistabbilixxi modi speċifiċi sabiex jiġu ttrattati tilwim u nuqqas ta’ qbil li joħorġu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-ewwel nett, fuq il-livell ġenerali, hemm stabbilit mekkaniżmu ta’ sħubija (65). It-tieni nett, fis-sistema partikolari ta’ kummerċ preferenzjali hemm sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam doganali, b’obbligi speċifiċi fir-rigward ta’ verifika imposta fuq PTEE u fuq l-Istat Membru ta’ importazzjoni (66). Minn naħa, jiġu allokati kompetenzi speċifiċi lill-awtoritajiet amministrattivi tal-PTEE u, min-naħa l-oħra, lill-Istat Membru kkonċernat.

95.      Huwa f’dan il-kuntest speċifiku li l-Kummissjoni għażlet li ma tattribwixxix il-ksur tad-Deċiżjoni PTEE (minħabba l-ħruġ ta’ ċertifikati EXP żbaljati) lir-Renju Unit direttament. Il-ksur li l-Kummissjoni tattribwixxi lir-Renju Unit bħala l-bażi tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu sabiex jikkumpensa għat-telf inkwistjoni huwa dak li naqas milli jieħu l-miżuri xierqa sabiex jevita u jagħti segwitu għall-ksur tad-Deċiżjoni PTEE mill-awtoritajiet doganali ta’ Anguilla.

96.      Fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għall-argumenti tar-Renju Unit, ftit jista’ jkun hemm dubju li Stati Membri li għandhom relazzjonijiet speċjali ma’ PTEE għandhom obbligu li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jevitaw u jagħtu segwitu għal ksur tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jseħħ minħabba l-imġiba tal-awtoritajiet ta’ PTEE fil-kuntest tas-sistema ta’ assoċjazzjoni. Dan l-obbligu ġenerali fil-fatt jirriżulta mill-prinċipju kostituzzjonali ta’ kooperazzjoni leali (67). Bħala prinċipju ġenerali li jirregola r-relazzjoni reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, huwa għandu japplika kull meta japplika d-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-każ fil-kuntest tad-Deċiżjoni PTEE. Ma jistax ikun mod ieħor, u dan qabel kollox fid-dawl tal-fatt li kien fuq l-inizjattiva ta’ dak l-Istat Membru li dak il-PTEE kien ġie elenkat fl-Anness II li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 355(2) TFUE, u li l-Istat Membru li jkollu relazzjoni speċjali mal-PTEE iżomm sovranità ġenerali fuqu. Barra minn hekk, ir-Renju Unit stess iqajjem il-kwistjoni tar-rilevanza tal-Artikolu 4 TUE meta jiġi sabiex jirrikonoxxi d-dmir tal-Unjoni, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tiegħu, li tħares l-identità nazzjonali tal-Istati Membri (68). Ikun, għalhekk, aktarx kontradittorju li wieħed isostni li din id-dispożizzjoni tapplika fir-rigward tar-Raba’ Parti tat-TFUE u tad-Deċiżjoni PTEE u li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fil-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni, ma japplikax.

97.      L-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha xierqa, ġenerali jew speċifiċi, sabiex jiġi żgurat li jitwettqu l-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni PTEE jorbot lir-Renju Unit. Din ir-responsabbiltà ġenerali allura loġikament testendi għall-obbligi kollha imposti fuq il-PTEE. Dan huwa il-każ anki meta ma jkunx hemm dispożizzjoni espressa f’dik id-deċiżjoni li timponi espliċitament dmir ta’ kontroll (jew pjuttost ta’ eżami doppju) tal-awtoritajiet doganali tal-PTEE fil-ħruġ ta’ ċertifikati EXP.

98.      Ir-Renju Unit issottometta argumenti kostituzzjonali kontra din ir-responsabbiltà ġenerali, billi sostna li, skont l-arranġamenti kostituzzjonali tar-Renju Unit, huwa ma għandux setgħa, hi x’inhi, li jilleġiżla b’mod ġenerali għal Anguilla jew li jikkontrolla deċiżjonijiet amministrattivi individwali maħruġa minn dawk l-awtoritajiet. Minkejja dawn l-argumenti, jista’ jiġi sempliċement innotat li l-fatti ta’ dan il-każ li, sa dak il-punt, ma ġewx ikkontestati (iktar ’il fuq, il-punti 14, 16 u 89 ukoll), juru realtà differenti. Kienu l-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-ewwel għamlu investigazzjonijiet f’Anguilla, li abbażi tagħhom il-prattika tal-awtoritajiet ta’ Anguilla tidher li nbidlet. Bħala riżultat tal-bidla f’dawn il-prattiki ta’ fatturazzjoni, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma baqgħux iktar iħossu l-ħtieġa li jieħdu xi azzjoni ulterjuri.

99.      Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u tal-mod kif seħħew l-affarijiet, huwa pjuttost diffiċli li jintlaqa’ s-suġġeriment li r-Renju Unit, bħala Stat Membru li fil-fatt għandu relazzjoni speċjali mal-PTEE inkwistjoni, bl-ebda mod ma kien responsabbli sabiex jikkontrolla indirettament jew jagħti segwitu għal ksur potenzjali tad-Deċiżjoni PTEE li allegatament twettaq mill-awtoritajiet ta’ Anguilla.

100. Madankollu, fir-realtà ma hemmx ħtieġa ta’ soluzzjoni definittiva għal din il-kwistjoni, għal raġuni pjuttost sempliċi: il-kwistjoni ta’ responsabbiltà għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali minħabba nuqqas li jiġux adotti miżuri xierqa ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tqum biss jekk jiġi stabbilit li fl-ewwel lok l-imġiba kkritikata kienet tabilħaqq illegali. Għalhekk, f’konformità ma’ dak li diġà ġie ssuġġerit (69), hija n-natura illegali taċ-ċertifikati EXP inkwistjoni li tikkostitwixxi l-ewwel pass preliminari, flimkien mal-eżistenza ta’ dannu speċifiku kkawżat mill-illegalità inkwistjoni.

b)      Il-ksur oriġinali

101. Fil-fehma tiegħi, ir-Renju Unit għandu raġun jinnota li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet, għall-grad ta’ prova meħtieġ, li t-tnax-il ċertifikati EXP maħruġa fl-1999, mehmuża mar-rikors tagħha, kienu invalidi abbażi tal-għoti mill-Gvern ta’ Anguilla ta’ “eżenzjoni minn, jew rimbors ta’, totali jew parzjali, dazji doganali”.

102. Kif ġie ċċarat mill-Kummissjoni fis-seduta, l-evalwazzjoni ta’ jekk il-ħlasijiet li jikkorrispondu mas-“servizzi mogħtija minn Corbis” wara Diċembru 1998 jikkostitwixxux rimborsi mingħajr permess li jivvizzjaw iċ-ċertifikati EXP rilevanti, huwa bbażat biss fuq dak li sab l-OLAF fir-rapport tiegħu tal-2003.

103. Ovvjament ma hemmx dubju li b’mod ġenerali rapport tal-OLAF jikkostitwixxi prova li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, hemm diversi stadji neċessarji ta’ produzzjoni ta’ provi u/jew ta’ tressiq ta’ argumenti bejn tali rapport ġenerali u li jintwera li ċerti ċertifikati ta’ esportazzjoni kienu nħarġu illegalment. Dan huwa partikolarment il-każ minħabba li l-Istat Membru konvenut, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkontesta ripetutament l-fatt li dawn iċ-ċertifikati, maħruġa wara l-bidla, f’Diċembru 1998, fil-prattiki ta’ fatturazzjoni, kienu qabelxejn inħarġu illegalment.

104. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx, sal-grad ta’ prova meħtieġa, li dawn iċ-ċertifikati partikolari annessi mar-rikors tagħha sabiex issostni t-talba tagħha għal kumpens kienu ġew affettwati minn rimborsi mingħajr permess.

105. Fi ftit kliem, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-illegalità tal-ħruġ ta’ ċertifikati EXP wara Diċembru 1998. Peress li ma ġietx stabbilita l-illegalità li tifforma l-bażi tat-talba għal kumpens, l-azzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tirnexxi, kemm f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ kumpens għat-telf inkwistjoni, kif ukoll għan-nuqqas ta’ ħlas ta’ interessi.

106. Fl-opinjoni tiegħi, il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-talba mressqa kontra r-Renju Unit tista’ tintemm f’dan l-istadju. Madankollu, għal finijiet ta’ kompletezza u wkoll minħabba t-talba parallela kontra l-Pajjiżi l-Baxxi (70), fejn dawn il-kwistjonijiet huma ta’ rilevanza ikbar, nixtieq inżid żewġ osservazzjonijiet ta’ għeluq ukoll dwar in-natura suffiċjentement serja tal-ksur u dwar il-klassifikazzjoni tad-dannu f’dan il-każ.

c)      Ksur suffiċjentement serju

107. F’kull każ, anki jekk jitqies li twettqet illegalità fil-livell “oriġinali” jew potenzjalment f’dak “intermedju”, insibha tabilħaqq diffiċli nissuġġerixxi li l-imġiba tar-Renju Unit f’dan il-każ tilħaq il-limitu ta’ ksur suffiċjentement serju.

108. Is-sottomissjonijiet tal-partijiet (71), kif ukoll il-fatti ta’ dan il-każ (72), juru li fiż-żmien tal-avvenimenti rilevanti kien hemm għaddejja tilwima legali dwar x’jikkostitwixxi “rimbors” ta’ dazji doganali skont it-tifsira tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE. In-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kunċett ta’ “rimbors” saret saħansitra iktar evidenti permezz ta’ verżjoni sussegwenti tad-Deċiżjoni PTEE, li stabbilixxiet metodu sabiex jiġi evalwat x’tikkostitwixxi għajnuna finanzjarja pubblika permissibbli skont il-proċedura ta’ trasbord (73).

109. In-nuqqas ta’ ċarezza dwar x’kien jitqies bħala “rimbors” fiż-żmien rilevanti jipprekludi l-konstatazzjoni li l-allegat ksur imwettaq mir-Renju Unit huwa suffiċjentement serju. Fil-fatt, l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jinstab “ksur suffiċjentement serju”, jinkludu ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura, jekk xi żball ta’ liġi kienx skużabbli jew mhux skużabbli, jew jekk il-fatt li l-pożizzjoni meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni setgħetx tikkontribwixxi għal dik l-ommissjoni (74).

110. Fl-aħħar nett, jekk, kif ġie ssuġġerit iktar ’il fuq (75), abbażi tal-fatti ta’ dan il-każ, ma jidhirx li r-Renju Unit ma kellux is-setgħa jaġixxi sabiex jikkontrolla u jagħti segwitu għal ksur potenzjali tad-Deċiżjoni PTEE minn awtoritajiet ta’ Anguilla, l-istess fatti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll għall-benefiċċju tal-istess Stat Membru. Għandu jiġi rrikonoxxut li dan l-Istat Membru, malli sar jaf bi ħruġ potenzjali taċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni f’Anguilla, aġixxa b’mod relattivament malajr. Huwa wettaq investigazzjoni kif ukoll ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri l-oħra, u b’hekk ma kkontribwixxiex għal jew saħħaħ (bl-inattività jew bin-negliġenza tiegħu) ksur li mbagħad seta’ jiġi kkwalifikat bħala suffiċjentement serju.

111. Bħala riżultat, anki li kieku tiġi stabbilita n-natura illegali taċ-ċertifikati EXP għall-perijodu rilevanti, quid non f’dan l-istadju, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lir-Renju Unit ma huwiex ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jagħti lok għall-obbligu tar-Renju Unit li jikkumpensa għal dannu finanzjarju.

2.      Kwantifikazzjoni tad-dannu u r-rabta kawżali

112. Ir-Renju Unit issottometta li l-Kummissjoni ma rrikonċiljatx eżenzjonijiet jew rimborsi partikolari mogħtija mill-Gvern ta’ Anguilla ma’ ċertifikati EXP iddeterminati ppreżentati lill-awtoritajiet Taljani sabiex tistabbilixxi r-rabta kawżali bejn l-allegat nuqqas ta’ konformità mad-Deċiżjoni PTEE u mat-telf imġarrab fl-Italja. Ir-Renju Unit sostna wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li ċ-ċertifikati EXP inkwistjoni kienu wasslu għat-telf ta’ riżorsi proprji minħabba li, inter alia, il-Kummissjoni ma pproduċietx prova sabiex tistabbilixxi li l-importazzjonijiet kollha milquta jissodisfaw il-kriterji stabbiliti bid-Deċiżjoni REC 03/2004 li għandhom jiġu applikati għal każijiet komparabbli.

113. In-nuqqasijiet fl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, innotati mir-Renju Unit, jikkonċernaw mhux biss l-istabbiliment u l-kwantifikazzjoni tad-dannu nnifsu, iżda wkoll il-kwistjoni tar-rabta kawżali. Dawn in-nuqqasijiet imorru parzjalment lura għan-nuqqas ta’ ċarezza f’dak li għandu x’jaqsam mal-obbligu legali preċiż miksur u l-illegalità li tirriżulta (76), iżda parzjalment jikxfu wkoll kwistjonijiet addizzjonali tagħhom stess. L-avvenimenti qabel u matul il-proċedura prekontenzjuża huma eżempju tal-isfidi li jinħolqu sabiex jiġi stabbilit u kkwantifikat id-dannu f’din il-kawża.

114. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit l-ammont ta’ EUR 2 670 001.29 bħala riżultat tal-informazzjoni mogħtija mill-Italja dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet REM 03/2004 u REC 03/2004. Kien biss fl-2015, wara li kienet ħarġet l-opinjoni motivata u wara li r-Renju Unit kien indika ripetutament l-assenza ta’ dokumenti, li l-Kummissjoni fil-fatt talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtuha d-dettalji tad-dikjarazzjonijiet doganali. Din it-talba għal informazzjoni addizzjonali żvelat ineżattezzi fl-evalwazzjonijiet preċedenti peress li, abbażi tal-informazzjoni ġdida, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-ammont li kellu jintalab mingħand ir-Renju Unit kien ta’ EUR 1 500 342.31.

115. Filwaqt li rrikonoxxiet li r-rapport tal-OLAF tal-2003 ma kienx fih elementi biżżejjed sabiex tikkwantifika t-telf u tivverifika dak l-ammont, il-Kummissjoni annettiet mar-rikors tagħha diversi dokumenti: lista ta’ dazji mhux miġbura mill-Italja; ċertifikati ta’ esportazzjoni maħruġa minn Anguilla bid-dikjarazzjonijiet doganali għall-importazzjonijiet fl-Italja; u fatturi mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani.

116. Fuq talba mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni fittxet li tipprovdi kjarifika ulterjuri dwar kif dawn id-dokumenti kienu relatati ma’ xulxin. Madankollu, il-Kummissjoni kkonfermat li l-verifiki u l-provi dokumentali miġjuba ma kinux ikopru l-ammonti korrispondenti ma’ kull waħda mill-operazzjonijiet ta’ importazzjoni li kkostitwixxu s-suġġett tal-azzjoni tal-Kummissjoni.

117. Fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet li hija ma hijiex obbligata tipproduċi prova ta’ rikonċiljazzjoni bejn ir-rimborsi mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Anguilla u ċ-ċertifikati EXP speċifiċi, u li hija ma ġġorrx l-oneru tal-prova sabiex tistabbilixxi l-ħlas lura (totali jew parzjali) ta’ tariffi. Lanqas ma għandha tkun obbligata tivverifika d-deċiżjonijiet ta’ eżenzjonijiet meħuda mill-Italja. Il-Kummissjoni tislet sostenn għall-argument tagħha minn kunsiderazzjonijiet sistematiċi bbażati fuq il-funzjonament tal-unjoni doganali. L-istima tal-ammonti mhux miġbura hija, skont il-Kummissjoni, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru fejn seħħ it-telf, li ma huwiex obbligat jikkomunika f’kull każ id-dokumentazzjoni lill-Kummissjoni.

118. Sakemm il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u, fuq kollox, talba għal kumpens magħmula mill-Unjoni Ewropea kontra Stat Membru moħbija f’dik il-proċedura, ma tkunx ikkonċepita bħala sessjoni (pjuttost parzjali) ta’ impressjoniżmu legali, jiena kostrett ma naqbilx b’mod profond mal-Kummissjoni dwar dan il-punt. Il-Kummissjoni, bħala rikorrenti, iġġorr l-oneru tal-prova. Il-Kummissjoni, jekk tixtieq tikseb kumpens f’ammont partikolari għal ċerta illegalità speċifika allegatament imwettqa minn Stat Membru, iġġorr l-oneru li tipproduċi prova kemm tal-illegalità, u tiġġustifika l-ammonti mitluba, kif ukoll turi r-rabta kawżali bejn it-tnejn.

119. Barra minn hekk, din is-sekwenza ta’ avvenimenti turi wkoll b’mod ċar il-problemi prattiċi deskritti ġeneralment fil-qosor iktar ’il fuq (77): l-applikazzjoni awtomatika ta’ stimi u kalkoli ta’ ammonti speċifiċi magħmula minn Stat Membru skont is-sistema tar-riżorsi proprji ma tistax tkun aċċettata minflok ma jiġi stabbilit u kkwantifikat it-telf skont l-istandards xierqa abbażi tar-rekwiżiti sabiex jiġi stabbilit obbligu ta’ kumpens.

VI.    Spejjeż

120. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Ir-Renju Unit talab il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

121. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jkunu intervjenew fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

VII. Konklużjoni

122. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(1)      tiċħad ir-rikors;

(2)      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

(3)      tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż rispettivi tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Li sussegwentement sar l-Artikolu 10 KE u issa huwa l-Artikolu 4(3) TUE.


3      Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1991 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1991, L 263, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PTEE”).


4      Regolament tal-Kunsill Nru 1552/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU 1989 L 155, p. 1).


5      Regolament tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 1996 li jemenda r-Regolament Nru 1552/89 li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU 1996 L 175, p. 3).


6      Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000 tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).


7      Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Novembru 2004 li jemenda r-Regolament Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU 2006, L 153M, p. 162, rettifika fil-ĠU 2006, L 105, p. 64).


8      Din l-Unità ġiet issostitwita inizjalment mit-Task Force għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi u, sussegwentement, mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li Twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 110).


9      Ir-Regolament tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217).


10      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307). Skont l-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan ir-regolament, ikun hemm eżenzjoni għad-dħul fil-kontijiet a posteriori meta l-ammont tad-dazji legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali, liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din tal-aħħar tkun aġixxiet in bona fide u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali.


11      B’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrikjedi li “l-persuni kkonċernati ma għandhom ikunu involuti bl-ebda mod fit-trasport tal-merkanzija mill-pajjiż ta’ esportazzjoni, via Anguilla, sal-punt ta’ dħul fit-territorji doganali Komunitarju. Huma jridu jkunu xtraw il-merkanzija bis-saħħa ta’ kuntratt DDP (delivered duty paid). Ma għandhomx ikunu involuti bħala importatur tal-merkanzija fil-Komunità jew bħala rappreżentant ta’ tali importatur. Finalment, ma għandhomx jitqiesu li huma persuni relatati mal-fornitur tagħhom, mal-esportatur f’Anguilla, ma’ persuni li jkunu involuti fit-trasport tal-merkanzija mill-pajjiż ta’ esportazzjoni sal-Komunità jew mal-Gvern ta’ Anguilla. […]”.


12      Skont din id-dispożizzjoni “[d]azji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237 u 238 […] li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata […].”


13      Regolament tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU 2014, L 168, p. 39).


14      Kif ser jiġi deskritt fil-qosor iktar ’il quddiem fit-Taqsima B.3 (punti 74 sa 84) ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-taħlita tad-dispożizzjonijiet tas-sistema tar-riżorsi proprji u tal-Kodiċi Doganali tabilħaqq toħloq sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva, (kważi) mingħajr ħtija għal dak li jirrigwarda d-djun doganali. Madankollu, f’dan il-każ, hija tkun tapplika biss għall-Istat Membru ta’ importazzjoni. Li jittieħed l-istess standard ta’ responsabbiltà u jiġi applikat b’mod awtomatiku għal Stat Membru ieħor huwa wieħed mill-ħafna argumenti oriġinali mressqa mill-Kummissjoni f’din il-kawża.


15      Ċertament, abbażi tas-“saff” ta’ allegat ksur li wieħed jagħżel, jista’ jiġi ssuġġerit li t-talba tal-Kummissjoni hija prospettiva, minħabba li r-Renju Unit għadu ma ħallasx is-somma mitluba mill-Kummissjoni. Iżda argument bħal dan ireġġa’ d-diskussjoni lura għan-natura pjuttost ikkumplikata, ta’ x’qed titlob eżattament il-Kummissjoni.


16      Sentenza tas-7 ta’ Frar 1973, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja  (39/72, EU:C:1973:13, punt 11). Ara wkoll is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑361/88, EU:C:1991:224, punt 31); tat-30 ta’ Mejju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑59/89, EU:C:1991:225, punt 35); jew tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja  (C‑207/00, EU:C:2001:340, punt 28). Din il-motivazzjoni nżammet konsistentement fir-rigward tal-possibbiltà li jinbdew proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, anki jekk in-nuqqas inkwistjoni jkun instablu rimedju wara t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni.


17      Ara, pereżempju, Ehlermann, C. D., “Die Verfolgung von Vertragsverletzungen der Mitgliedstaaten durch die Kommission”, f’Europäische Gerichtsbarkeit und nationale Verfassungsgerichtsbarkeit. Festschrift zum 70. Geburgstag von H. Kutscher, 1981, p. 135 sa 153, f’p. 151; Schwarze, J., “Das allgemeine Völkerrecht in den innergemeinschaftlichen Rechtsbeziehungen”, Europarecht 1983 (1), p. 1 sa 39, f’p. 24; u Wyatt, D., “New Legal Order, or Old?”, European Law Review 1982 (7), p. 147 sa 166, f’p. 160 et seq.


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 33), b’kont meħud tal-fatt li tali azzjonijiet huma esklużi fil-kuntest ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑104/02, EU:C:2005:219, punt 49), u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑105/02, EU:C:2006:637, punti 44 u 45).


19      Ara, fid-dritt internazzjonali, pereżempju Chorzów Factory, il-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali, sentenza Nru 13 tat-13 ta’ Settembru 1928, Rapporti PCJR, Serje A, Nru 17, p. 4.


20      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 36).


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur and Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 29) li tipprevedi li “ir-responsabbiltà tal-Komunità hija biss espressjoni tal-prinċipju ġenerali magħruf fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, li jgħid li azzjoni jew ommissjoni illegali twassal għall-obbligu li d-dannu kkawżat jiġi rrimedjat”.


22      Għalhekk, pereżempju, fil-każ tipiku ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva li seta’ wassal sabiex il-persuni jġarrbu dannu, l-obbligu legali ċar miksur minn Stat Membru f’dan il-każ partikolari huwa, mill-inqas, id-dispożizzjoni finali/ta’ għeluq tad-direttiva inkwistjoni, li tippreċiża t-terminu għat-traspożizzjoni, eventwalment flimkien mal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 288 TFUE u forsi flimkien mad-dmir ta’ kooperazzjoni leali. Madankollu, ma hemmx dubju li jeżisti obbligu pjuttost speċifiku li d-direttiva tiġi trasposta sa data speċifika.


23      Kif innotat minn Lenaerts, K., Maselis, I., u Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press 2014, p. 495. Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni u Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑593/15 P u C‑599/15 P, EU:C:2017:441, punt 108) ukoll jinnotaw din il-possibbiltà. Talbiet għal kumpens jidhru li kienu saru fil-passat (għall-inqas minn entitajiet tal-Istat), iżda sa fejn naf jien apparentament qatt ma laħqu l-istadju ta’ sentenza. Ara, pereżempju, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 1998, Antilli Olandiżi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑163/97 u T‑179/97, EU:T:1998:260).


24      Flimkien mal-eċċezzjoni loġika tar-responsabbiltà personali tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-Unjoni Ewropea, prevista wkoll fl-Artikolu 340 TFUE.


25      Peress li skont l-Artikolu 274 TFUE, “[m]ingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea fit-Trattati, it-tilwim li fih l-Unjoni tkun parti, m’għandhomx għal dik ir-raġuni jkunu esklużi mill-kompetenza ta’ qrati jew tribunali nazzjonali.”


26      B’mod simili għal każijiet miġjuba mill-Kummissjoni quddiem il-qrati nazzjonali li essenzjalment jitolbu danni fi proċeduri ċivili kontra partijiet privati. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684).


27      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 68). Enfasi miżjuda minni.


28      Kemm jekk ikun il-ksur “oriġinali” jew dak “intermedju” imsemmija fil-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑377/03, EU:C:2006:638, punt 36). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “teżisti rabta inevitabbli bejn l-obbligu li jiġu stabbiliti r-riżorsi proprji Komunitarji, li jiġu rreġistrati fil-kotba tal-kontijiet tal-Kummissjoni fit-termini imposti u, fl-aħħar, li jiġu mħallsa l-imgħaxijiet ta’ dewmien”.


30      Ġiet diskussa l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 260(1) TFUE jitlobx kumpens għad-danni bħala miżura li għandha tkun adottata f’kull każ. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑299/01, EU:C:2002:243, punt 23 et seq.). Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawżi magħquda Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:221, punt 57 et seq.). F’kull każ, kumpens għad-danni per se ma jimplikax li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jitneħħa. Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑265/95, EU:C:1997:595, punt 60).


31      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑104/02, EU:C:2005:219, punt 49), u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑105/02, EU:C:2006:637, punti 44 u 45). Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑36/08, mhux ippubblikata, EU:C:2008:536, punti 8 u 9).


32      Dwar dan ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑503/04, EU:C:2007:432, punt 15). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑503/04, EU:C:2007:190, punt 41).


33      Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 92).


34      Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni (C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 75 et seq.).


35      Ara b’mod estensiv dwar din id-diskussjoni l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni u Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑593/15 P u C‑599/15 P, EU:C:2017:441, punt 101 et seq.).


36      Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C-352/98 P, EU:C:2000:361, punt 39 et seq.). Ara għal iktar eżempji reċenti, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman Ewropew vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 31), rigward is-sistema ta’ responsabbiltà tal-Unjoni; u s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 94), dwar il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lil individwi.


37      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit  (C‑140/00, EU:C:2002:653, punt 34); jew tat-30 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑226/01, EU:C:2003:60, punt 32); jew tat-13 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑61/05, EU:C:2006:467, punt 32).


38      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Spanja  (C‑227/01, EU:C:2004:528, punt 58), jew tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑297/08, EU:C:2010:115, punt 82).


39      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C-571/16, EU:C:2018:807, punt 105). Dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman Ewropew vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 37).


40      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 56).


41      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punti 43 u 44).


42      Ċertament, la l-Unjoni Ewropea u lanqas il-Kummissjoni waqt li taġixxi f’isimha ma jista’ jingħad li tkun mogħnija bi “drittijiet individwali”. Madankollu, din il-kundizzjoni tista’ wkoll titqies (u naturalment tkun adattata) b’mod li tkun titlob l-identifikazzjoni tad-dispożizzjoni legali li biha r-rikorrent ikun intitolat jitlob ċerta mġiba mingħand il-konvenut u li l-ksur tagħha jkun jingħad li kien ta lok għad-danni. Dwar ir-rekwiżit li r-regola tad-dritt tal-Unjoni għandha tagħti drittijiet lil individwi, ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 106).


43      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑179/06, EU:C:2007:578, punt 37), u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja  (C‑416/07, EU:C:2009:528, punt 32).


44      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑456/05, EU:C:2007:755, punt 25).


45      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑175/97, EU:C:1998:89, punt 14); u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑377/03, EU:C:2006:638, punt 38).


46      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 117).


47      Ara, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, pereżempju s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Equipolymers et vs Il‑Kunsill (C‑363/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:402, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 68).


49      Ibid.


50      Il-Kummissjoni tiċċita, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑96/89, EU:C:1991:213, punt 37); tal-15 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑348/97, EU:C:2000:317, punt 64); tal-15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 60); u tas-17 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 60).


51      Ara, għall-kuntrarju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:142, punti 46 u 47).


52      Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Kummissjoni għamlet tali argument. Ara l-fatti li fuqhom hija bbażata s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C-599/15 P, EU:C:2017:801).


53      “Aktarx” minħabba li l-Kummissjoni ma għamlitx dan l-argument b’mod espliċitu fis-sottomissjonijiet tagħha. Madankollu, jista’ jkun hemm ukoll spekulazzjoni dwar x’seta’ jkun dan l-argument kieku, fil-fatt, l-Italja setgħet tirkupra d-dazji inkwistjoni: f’dak il-każ, ma kinitx tinħoloq tali responsabbiltà “sussidjarja” tar-Renju Unit? Jew il-Kummissjoni, imbagħad, setgħet iddur kontra r-Renju Unit irrispettivament minn jekk l-ammonti setgħux jiġu rkuprati fl-Italja? X’kien jiġri kieku n-nuqqas ta’ rkupru kien ikun parzjalment għal raġunijiet attribwibbli lill-Italja?


54      Ara d-digriet tal-21 ta’ April 2016, Makro autoservicio mayorista u Vestel Iberia vs Il‑Kummissjoni (C‑264/15 P u C‑265/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:301, punt 47).


55      Ara d-digriet tal-14 ta’ Settembru 2015, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (T‑784/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:659, punti 27 sa 29) (din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermeta bis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017,  Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑599/15 P, EU:C:2017:801)).


56      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 10 KE jagħmilha ċara li l-Istati Membri huma mitluba jikkooperaw in bona fide fl-inkjesti tal-Kummissjoni skont il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha mitluba għal dak l-għan (ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑478/01, EU:C:2003:134, punt 24). Fil-fehma tiegħi, dan huwa wkoll validu meta l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun tikkonċerna Stati Membri oħra.


57      Taqsima B(2) ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Barra minn hekk, fis-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑263/88, EU:C:1990:454). Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-ġurisprudenza li tgħid li “Stat Membru ma jistax jeċċepixxi sitwazzjonijiet fis-sistema legali interna tiegħu” sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza mal-obbligi tal-Unjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummisjoni vs L‑Awstrija (C‑358/03, EU:C:2004:824, punt 13).


59      Ara, għal analiżi estensiva, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Prunus  (C‑384/09, EU:C:2010:759, punt 23 et seq.).


60      Pereżempju s-sentenzi tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni (C‑390/95 P, EU:C:1999:66, punt 36); tal-21 ta’ Settembru 1999, DADI u Douane-Agenten (C‑106/97, EU:C:1999:433, punti 37 u 38) u tat-8 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar (C‑17/98, EU:C:2000:70, punt 29).


61      Ara, pereżempju fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1992, Leplat  (C‑260/90, EU:C:1992:66, punt 10); tat-22 ta’ Novembru 2001, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kunsill (C‑110/97, EU:C:2001:620, punt 49); u tat-28 ta’ Jannar 1999, van der Kooy (C‑181/97, EU:C:1999:32, punt 37). Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital, ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, Prunus u Polonium (C‑384/09, EU:C:2011:276, punti 29 sa 31) u tal-5 ta’ Ġunju 2014, X u TBG  (C‑24/12 u C‑27/12, EU:C:2014:1385, punt 45). Fir-rigward ta’ liġi sekondarja adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, TDC (C‑327/15, EU:C:2016:974, punti 77 u 78). Fir-rigward ta’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C.2006:545; punt 46).


62      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Prunus  (C‑384/09, EU:C:2010:759, point 33).


63      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1990, Kaefer u Procacci (C‑100/89 u C‑101/89, EU:C:1990:456), li tgħid li l-qrati ta’ PTEE jistgħu jirrinvjaw domandi għal deċiżjoni preliminari.


64      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545, punti 27 sa 29), li tiddikjara li persuni li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru li jirrisjedu f’PTEE jistgħu jinvokaw id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Unjoni.


65      Ara l-Artikoli 234 sa 236 tad-Deċiżjoni PTEE.


66      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE. Skont il-punt 7 ta’ din id-dispożizzjoni, tilwimiet mhux riżolti bejn l-awtoritajiet doganali għandhom jintbagħtu quddiem il-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali.


67      L-Artikolu 5 KE “huwa l-espressjoni tar-regola iktar ġenerali li timponi fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali u assistenza.” Sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986,  Hurd (44/84, EU:C:1986:2, punt 38). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tal-29 ta’ April 2004, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑278/00, EU:C:2004:239, punt 114) jew tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑99/02, EU:C:2004:207, punt 17).


68      Dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 4(2) TUE, ara l-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑395/17, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi.


69      Iktar ’il fuq, punti 44 u 87.


70      Kawża C‑395/17, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi.


71      Iktar ’il fuq, punt 90. Ir-rapport tal-OLAF tal-2003 jirreferi koll għall-interpretazzjoni inċerta ta’ x’jista’ eżattament jitqies bħala “rimbors ta’ dazji doganali”. Bl-istess mod il-Komunikazzjoni tal-UCLAF tal-1999 indikat il-ħtieġa li tintalab interpretazzjoni tal-Artikolu 101 tad-Deċiżjoni PTEE. Provi miġjuba mill-partijiet ukoll jixhdu dwar din l-inċertezza, bħall-Abbozz tal-Minuti tal-laqgħa tal-kumitat tax-xogħol tas-sħubija skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni PTEE tal-1 ta’ Diċembru 2003.


72      Iktar ’il fuq, punti 15 u 16.


73      Artikolu 36(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea (‘Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea’) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 319, rettifika fil-ĠU 2014, L 365, p. 165) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PTEE tal-2001”). Din id-dispożizzjoni tgħid b’mod espliċitu li l-għajnuna “trid tieħu l-forma ta’ għajnuna għat-trasport ta’ merkanzija li titqiegħed f’ċirkolazzjoni ħielsa, inkluż spejjeż leġittimi fl-operat appoġġjati f’relazzjoni mal-proċedura ta’ trasbord”. Din id-dispożizzjoni tgħid ukoll b’mod espliċitu li, fuq talba tal-awtoritajiet tal-PTEE, kumitat tax-xogħol tas-sħubija msemmi fl-Artikolu 7(3) għandu jiġi mlaqqa’ sabiex jirrisolvi kull kwistjoni li tinħoloq mill-amministrazzjoni tal-proċedura ta’ trasbord. In-nuqqas ta’ ċarezza tad-Deċiżjonijiet PTEE preċedenti huwa rrikonoxxut, peress li, skont il-premessa 15 ta’ din id-deċiżjoni “[i]l-proċedura għat-trasbord ta’ merkanzija li ma toriġinax fil-PTEE imma li hi f’ċirkolazzjoni ħielsa hemmhekk għandha titlesta u tiġi klarifikata, bil-ħsieb li jiġi żgurat qafas legali trasparenti u ta’ min joqgħod fuqu għal operaturi u amministrazzjonijiet”.


74      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


75      Iktar ’il fuq, punt 98.


76      Iktar ’il fuq, punti 101 sa 105.


77      Iktar ’il fuq, punti 74 sa 84.