Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Paris (Franza) fid-9 ta’ Lulju 2020 – A – Parti oħra: Autorité des marchés financiers

(Kawża C-302/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Parti oħra fil-proċedura: Autorité des marchés financiers

Domandi preliminari

1)    Fl-ewwel lok,

a)    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 li timplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ġejjiena ta’ artiklu fl-istampa li jittrażmetti xniegħa dwar is-suq rigward emittent ta’ strument finanzjarju tista’ tissodisfa r-rekwiżit ta’ preċiżjoni meħtieġ minn dawn l-artikoli għall-klassifikazzjoni bħala informazzjoni minn ġewwa (“insider information”)?

b)    Il-fatt li l-artiklu fl-istampa, li l-pubblikazzjoni ġejjiena tiegħu tikkostitwixxi l-informazzjoni inkwistjoni, isemmi – inkwantu xniegħa dwar is-suq – il-prezz ta’ offerta pubblika ta’ xiri jaffettwa l-evalwazzjoni tan-natura preċiża tal-informazzjoni inkwistjoni?

c)    Ir-reputazzjoni tal-ġurnalist li ffirma l-artiklu, ir-reputazzjoni tal-korp ta’ stampa li ppubblikah, u l-effett effettivament kunsiderevoli (“ex post”) ta’ din il-pubblikazzjoni fuq il-prezz tat-titoli li hija tirreferi għalihom huma elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura preċiża tal-informazzjoni inkwistjoni?

2)    Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta fis-sens li informazzjoni bħal dik inkwistjoni tista’ tissodisfa r-rekwiżit ta’ preċiżjoni meħtieġ:

a)    L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE 3 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar minn ġurnalist, lil wieħed mis-sorsi tas-soltu tiegħu, ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ġejjiena ta’ artiklu bil-firma tiegħu li jittrażmetti xniegħa dwar is-suq jsir “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”?

b)    Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi, fost l-oħrajn, mill-kwistjoni dwar jekk il-ġurnalist kienx informat bix-xniegħa dwar is-suq minn dan is-sors jew jekk l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ġejjiena tal-artiklu kinitx utli sabiex jinkisbu, minn dan is-sors, kjarifiki rigward il-kredibbiltà tax-xniegħa?

3)    Fit-tielet lok, l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, anki meta informazzjoni minn ġewwa tiġi żvelata minn ġurnalist “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens tal-Artikolu 21, in-natura legali jew illegali tal-iżvelar teżiġi evalwazzjoni dwar jekk dan sarx “waqt it-twettiq normali [tal-]professjoni [ta’ ġurnalist]”, fis-sens tal-Artikolu 10?

4)    Fir-raba’ lok, l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex iseħħ fil-kuntest normali tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ ġurnalist, l-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa għandu jkun strettament neċessarju għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni u għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 348.

3     ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320.