Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2018 minn České dráhy a.s. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-20 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-621/16, České dráhy vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-539/18 P)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Appellanti: České dráhy a.s. (rappreżentanti: K. Muzikář u J. Kindl, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummisjoni Ewropea

Suġġett

Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-20 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-621/16, České dráhy vs Il-Kummissjoni.

Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 263 TFUE, li permezz tiegħu České dráhy kienet talbet l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3993 finali, tat-22 ta’ Ġunju 2016, fil-każ AT.40401 – Twins. Il-Qorti Ġenerali kkundannat ukoll lil České dráhy għall-ispejjeż tal-kawża.

Talbiet

České dráhy titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-621/16 České dráhy vs Il-Kummissjoni, EU:T:2018:367;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3993 finali, tat-22 ta’ Ġunju 2016, fil-każ AT.40401 – Twins

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ České dráhy relatati mal-proċedura fil-Kawża T-621/16 kif ukoll għall-ispejjeż ta’ České dráhy relatati mal-proċedura f’dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, České dráhy tressaq erba’ aggravji.

1.    L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell ippreżentat minn České dráhy fil-Kawża T-325/16, hija għandha wkoll tilqa’ dan l-appell.

Permezz tal-appell tagħha mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-325/16, České dráhy titlob l-anullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna spezzjoni fis-sede ta’ České dráhy f’April 2016. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 2016, li tagħha České dráhy titlob l-annullament f’din il-kawża, ġiet adottata fuq il-bażi ta’ dokumenti kkonfiskati matul l-ispezzjoni preċedenti. Konsegwentement, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell ippreżentat minn České dráhy fil-Kawża T-325/16 (jiġifieri, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-ispezzjoni preċedenti tal-Kummissjoni kienet totalment illegali), hija għandha wkoll tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 2016.

2.    It-tieni aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali dwar jekk id-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom hija ordnat it-tieni spezzjoni ġew ikkonfiskati fil-kuntest tal-parti illegali tal-ewwel spezzjoni u taċ-ċirkustanza li ddeċidiet bħallikieku l-ewwel spezzjoni kienet ġiet ordnata f’konformità totali mal-liġi.

Id-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom ġiet ordnata t-tieni spezzjoni ġew ikkonfiskati matul l-ispezzjoni preċedenti (l-ewwel spezzjoni) tal-Kummissjoni fis-sede ta’ České dráhy. Permezz tas-sentenza tagħha mogħtija fil-Kawża T-325/16, il-Qorti Ġenerali parzjalment annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ewwel spezzjoni, sa fejn din ma kinitx tirrigwarda l-allegata prattika ta’ prezzijiet predatorji fuq ir-rotta Praga-Ostrava. České dráhy hija konvinta li d-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni ordnat it-tieni spezzjoni ġew ikkonfiskati fil-kuntest tal-parti illegali tal-ewwel spezzjoni (il-Kummissjoni ma kienx ikollha għarfien dwar dawn id-dokumenti li kieku wettqet l-ewwel spezzjoni biss sa fejn legalment permess), b’tali mod din ma setgħetx tintuża bħala bażi biex tiġi ordnata t-tieni spezzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dawn il-kwistjonijiet.

3.    It-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fuq il-bażi ta’ kriterju legali żbaljat, tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dokumenti, li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni ordnat it-tieni spezzjoni, għandhomx relazzjoni ma’ allegata prattika ta’ prezzijiet predatorji fuq ir-rotta Praga-Ostrava.

Il-Qorti Ġenerali bbażat lilha nnifisha fuq kriterju legali żbaljat, skont liema prattikament kull dokument li kien jinsab fis-sede ta’ České dráhy seta’ kellu relazzjoni mal-allegata prattika ta’ prezzijiet predatorji tal-imsemmija kumpannija fuq ir-rotta Praga-Ostrava (skont il-kriterju legali inkwistjoni, l-ispezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ allegata prattika ta’ prezzijiet predatorji hija prattikament mingħajr limiti). Fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju legali żbaljat, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ewwel spezzjoni tagħha, kellha d-dritt tiġbor id-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom hija sussegwentement ordnat it-tieni spezzjoni.

4.    Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq in-natura żbaljata tad-dispożittiv tal-Qorti Ġenerali relatat mal-ispejjeż.

České dráhy issostni li l-Qorti Ġenerali jmissha laqgħet ir-rikors fl-intier tiegħu u li jmissha wkoll ikkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

____________