Language of document : ECLI:EU:C:2018:725

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑13 ta’ Settembru 2018 (1)

Kawża C194/17 P

Georgios Pandalis

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament Nru 207/2009 – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea CYSTUS – Użu ġenwin – Karattru deskrittiv tat-trade mark – Supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi – Direttiva 2002/46/KE”






I.      Introduzzjoni

1.        Ir-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (2) jipprevedi każ fejn trade mark irreġistrata ma jkollhiex karattru distintiv iżda tiġi interpretata bħala deskrizzjoni biss. F’tali każ, it-trade mark tista’ tiġi ddikjarata invalida fuq talba skont l-Artikolu 52, iżda bħala prinċipju lanqas biss kellha tiġi rreġistrata. Barra minn hekk, trade mark tista’ tiġi ddikjarata bħala rrevokata skont l-Artikolu 51 jekk ma tkunx intużat b’mod ġenwin f’perijodu ta’ ħames snin. Din il-kawża tikkonċerna l-kwistjoni dwar il-konsegwenzi li n-natura deskrittiva ta’ trade mark għandha għall-prova tal-użu ġenwin.

2.        Il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-Qorti Ġenerali t-tnejn li huma kkunsidraw li, minħabba n-natura deskrittiva tagħha, it-trade mark ma ntużatx bħala trade mark u għalhekk irrevokawha. L-argument tal-proprjetarju tat-trade mark huwa li b’dan il-mod ġew evitati l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

3.        Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark kontenzjuża ntużatx għall-prodotti korretti, jiġifieri għal supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi. F’dan ir-rigward hija sinjifikattiva d-Direttiva 2002/46 (3) li hija rilevanti għal dawn il-prodotti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jinkludi r-raġunijiet assoluti għar-rifjut:

“1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

(c)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

5.        L-Artikolu 51 tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jirregola r-revoka tat-trade mark:

“1.      Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

(a)      jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; madanakollu, l-ebda persuna ma tista’ titlob li d-drittijiet tal-proprjetarju fit-trade mark Komunitarja jiġu revokati jekk, waqt l-intervall bejn l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin u l-preżentata tal-applikazzjoni jew tal-kontrotalba, użu ġenwin tat-trade mark ikun beda jew issokta; il-bidu jew l-issoktar ta’ użu waqt perjodu ta’ tliet xhur qabel il-preżentata tal-applikazzjoni jew tal-kontrotalba li jkun beda l-iktar kmieni mal-iskadenza tal-perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu għandu, madanakollu, ma jiġix meqjus jekk il-preparamenti għall-bidu jew għall-issoktar iseħħu biss wara li l-proprjetarju jsir jaf li l-applikazzjoni jew il-kontrotalba jistgħu jiġu preżentati;

[…]

2.      Meta r-raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss.”

6.        L-Artikolu 75 tar-Regolament tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jfakkar dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni u s-smigħ:

“Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.”

B.      Id-Direttiva 2002/46

7.        Is-supplimenti tal-ikel huma s-suġġett tad-Direttiva 2002/46. Skont l-Artikolu 2(a), il-kunċett

“‘supplimenti ta’ l-ikel’ ifisser oġġetti ta’ l-ikel li l-għan tagħhom huwa li jissupplementaw id-dieta normali u l- fonti kkonċentrati ta’ nutrijenti jew sustanzi oħrajn b’effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, waħedhom jew f’għaqdiet, mibjugħa b’dożi, jiġifieri forom, bħala kapsuli, pastillji, pirmli, pilloli u forom oħra bħalhom, borżetti tat-terra, ampulli ta’ likwidi, flixkien tal-qtar, u forom oħra ta’ likwidi u trabijiet, intiżi li jkunu meħudin fi kwantitajiet ta’ miżura żgħira”.

8.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/46 jinkludi rekwiżiti dwar l-ittikkettjar:

“1.      Għall-għanijiet ta’ Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/13/KE, l-isem li permezz tiegħu il-prodotti fil-parametri ta’ din id-Direttiva huma mibjugħin għandhom ikunu ‘suppliment tal-ikel’.

2.      L-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-riklamar m’għandhomx jattribbwixxu lis-supplimenti tal-ikel il-kwalità ta’ prevenzjoni, trattament jew kura ta’ xi marda umana, jew jirreferu għal tali kwalitajiet.

3.      Mingħajr preġudizzju ghad-Direttiva 2000/13/KE, l-ittikkettjar għandhom juru il-partikularitajiet segwenti:

(a)      l-ismijiet tal-kategoriji tan-nutrijenti jew tas-sustanzi li jikkaratterizzaw il-prodott jew xi indikazzjoni tan-natura ta’ dawk in-nutrijenti jew sustanzi;

(b)      il-porzjon tal-prodott rakkommandat għal konsum għal kull jum;

(ċ)      twissija biex id-doża rakkommandata għal kuljum ma tinqabiżx;

(d)      dikjarazzjoni li s-supplimenti ta’ l-ikel ma għandhomx jintużaw bħala sostitut għal dieta varjata;

(e)      dikjarazzjoni li l-prodotti għandhom ikunu maħżuna f’post fejn tfal żgħar ma jistgħux jilħquhom.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-tmexxija tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO u l-Qorti Ġenerali

9.        G. Pandalis huwa l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, magħmula mis-sinjal verbali CYSTUS. L-EUIPO rreġistraha fil‑5 ta’ Jannar 2004. L-applikazzjoni saret, inter alia, għal “Supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” fil-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

A.      Il-proċedura quddiem l-EUIPO u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

10.      Fit‑3 ta’ Settembru 2013, LR Health & Beauty Systems GmbH (iktar ’il quddiem “LR Health & Beauty Systems”) ressqet talba għar-revoka tat-trade mark CYSTUS skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001). Il-motivazzjoni sottostanti għat-talba tagħha kienet li t-trade mark ma kinitx intużat b’mod ġenwin għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin.

11.      Meta mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta, G. Pandalis u LR Health & Beauty Systems sostnew li kontra t-trade mark CYSTUS għaddejjin ukoll proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Dawn huma bbażati fuq in-natura deskrittiva tat-trade mark. L-EUIPO ssospenda dawn il-proċedimenti sakemm tiġi konkluża din il-kawża.

12.      B’deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ddeċidiet dwar it-talba għar-revoka. Hija ddikjarat bħala rrevokata t-trade mark għal parti mill-prodotti rreġistrati, fosthom anki s-“supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” li jaqgħu taħt il-klassi 30 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

13.      B’deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2015, l-Ewwel Bord tal-Appell ċaħad l-appell ippreżentat minn G. Pandalis kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

14.      Il-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq żewġ argumenti ewlenin.

15.      L-ewwel nett, G. Pandalis ma użax it-terminu “Cystus” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, iżda bħala deskrizzjoni tal-prodotti tiegħu sabiex jindika li l-prodotti jinkludu estratti tal-ispeċi ta’ pjanti Cistus Incanus L. bħala sustanza attiva essenzjali. Ma huwiex biżżejjed li fuq il-prodotti kien indikat l-isem CYSTUS minflok “Cistus” u li f’ċerti okkażjonijiet intuża s-simbolu “®” sabiex ikun jista’ jiġi dedott l-użu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea. It-trade mark diġà kellha tiġi ddikjarata bħala rrevokata minħabba din ir-raġuni waħedha.

16.      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell kien tal-fehma li G. Pandalis ma pproduċiex prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” tal-klassi 30, peress li l-apparenza tagħha ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/46.

B.      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali

17.      Fl‑14 ta’ Jannar 2016, G. Pandalis ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Bord tal-Appell. Permezz tas-sentenza appellata tal‑14 ta’ Frar 2017, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors.

IV.    L-appell u t-talbiet tal-partijiet

18.      Permezz ta’ applikazzjoni li waslet fl‑14 ta’ April 2017, G. Pandalis ippreżenta appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

19.      Huwa qiegħed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)      tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2017 fil-Kawża T‑15/16, dwar il-proċedimenti ta’ revoka kontra t-trade mark tal-Unjoni Nru 001273119 CYSTUS;

2)      tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑30 ta’ Ottubru 2015 fil-Każ R 2839/2014‑1, dwar il-proċedimenti ta’ revoka kontra t-trade mark tal-Unjoni Nru 001273119 CYSTUS;

3)      tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (4) adottata fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità 8374 C tat‑12 ta’ Settembru 2014, sa fejn din tirrevoka lit-trade mark tal-Unjoni Nru 001273119 CYSTUS għal “Supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” fil-klassi 30;

4)      tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ LR Health & Beauty Systems fil-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u quddiem l-Ewwel Bord tal-Appell tal EUIPO kontra t-trade mark tal-Unjoni Nru 001273119 CYSTUS, sa fejn din tirreferi għall-prodott “Supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” fil-klassi 30;

5)      tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

20.      Min-naħa tagħhom, l-EUIPO u LR Health & Beauty Systems jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)      tiċħad l-appell; u

2)      tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

21.      Il-partijiet ressqu osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2018.

V.      L-analiżi ġuridika

22.      G. Pandalis ressaq tliet aggravji sabiex jiġġustifika l-kontestazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-allokazzjoni ta’ prodotti li huma mmarkati bit-trade mark CYSTUS għall-grupp tas-“supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” (ara taħt B), it-tieni l-kwistjoni dwar jekk G. Pandalis użax it-trade mark CYSTUS sabiex jindika prodotti bħala trade mark (ara taħt C), u t-tielet is-smigħ fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO (ara taħt D). Madankollu, fl-ewwel lok hija xierqa kjarifika preliminari dwar l-ewwel żewġ aggravji.

A.      Kjarifika preliminari

23.      Sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata l-importanza tal-ewwel żewġ aggravji, għandu jitfakkar li l-EUIPO bbaża r-revoka tat-trade mark kontenzjuża fuq l-allegazzjoni li din ma kinitx intużat b’mod ġenwin għall-kategorija ta’ prodotti li fiha kienet ġiet irreġistrata.

24.      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell irrileva li, l-ewwel nett, il-kelma “Cystus” ma kinitx intużat bħala trade mark iżda b’mod deskrittiv biss u li, it-tieni nett, l-ebda prodott imsemmi minn G. Pandalis ma għandu jiġi kkunsidrat bħala “suppliment tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”. B’hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet mirfuda b’mod doppju, jiġifieri kull waħda miż-żewġ katini ta’ argumentazzjoni hija intiża sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, tiġġustifika bis-sħiħ id-deċiżjoni.

25.      Madankollu, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod komprensiv jekk il-motivi ta’ G. Pandalis jikkonfutawx iż-żewġ katini ta’ argumentazzjoni.

26.      Pjuttost, hija limitat ruħha għall-konstatazzjoni li għal parti mill-prodotti elenkati, jiġifieri “Pilots Friend Immunizer®”, “Immun44® Saft” u “Immun44® Kapseln” kif ukoll “il-prodotti l-oħra li għalihom it-terminu ‘Cystus’ intuża esklużivament fil-formulazzjonijiet ‘Cystus 52’ jew ‘Cystus 052’, bis-simbolu ‘®’ jew mingħajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-kelma “Cystus” ma ntużatx bħala trade mark iżda b’mod deskrittiv. G. Pandalis jopponi dawn il-konstatazzjonijiet bit-tieni aggravju tiegħu.

27.      Madankollu, fir-rigward tal-użu għal parti oħra tal-prodotti, jiġifieri pastilji, pastilji tal-griżmejn, dekozzjoni, taħlita likwida għall-gargarizzar u pilloli kontra l-infezzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma għandux jiġi kkunsidrat bħala użu għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”. Din id-deċiżjoni hija s-suġġett tal-ewwel aggravju.

28.      Għaldaqstant, sabiex l-appell ta’ G. Pandalis ikollu suċċess huwa biżżejjed li jintlaqa’ aggravju wieħed fir-rigward ta’ wieħed biss mill-prodotti msemmijin. Infatti, f’tali każ ikollu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tat-trade mark CYSTUS għal dan il-prodott hijiex suffiċjenti għal użu ġenwin.

B.      L-ewwel aggravju – l-ebda “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”

29.      Bl-ewwel aggravju, G. Pandalis qiegħed jikkontesta l-punti 54 sa 59 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti msemmija, li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonstata korrettament li G. Pandalis ma pproduċiex prova li l-prodotti pastilji, pastilji tal-griżmejn, dekozzjoni, taħlita likwida għall-gargarizzar u pilloli kontra l-infezzjonijiet, li huwa kien immarka bit-trade mark CYSTUS, huma “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

30.      G. Pandalis jilmenta, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali applikat skorrettament ir-regoli tad-Direttiva 2002/46 dwar is-supplimenti tal-ikel, u, min-naħa l-oħra, nuqqas ta’ motivazzjoni.

1.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju – il-kunċett ta’ suppliment tal-ikel

31.      G. Pandalis jibbaża l-ewwel parti tal-ewwel aggravju fuq allegat ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Huwa jilmenta li waqt li kienet qiegħda tanalizza jekk ċerti prodotti humiex supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi fi ħdan it-tifsira tal-kategorija ta’ prodotti tad-dritt dwar it-trade marks, il-Qorti Ġenerali kellha tirreferi biss għad-definizzjoni ta’ supplimenti tal-ikel skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/46 iżda mhux għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva dwar l-ittikkettjar ta’ supplimenti tal-ikel.

32.      Madankollu, dan l-argument ma jiħux inkunsiderazzjoni l-funzjoni tad-definizzjoni tad-Direttiva 2002/46. Din ma sservix sabiex tiddelimita l-kategorija ta’ prodotti tad-dritt dwar it-trade marks, iżda sempliċement tiftaħ il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar.

33.      Madankollu, l-apparenza tas-supplimenti tal-ikel, ikkaratterizzata mid-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar, hija pjuttost rilevanti għall-kategorija ta’ prodotti tad-dritt dwar it-trade marks, għaliex l-apparenza tiddetermina għal liema kategorija ta’ prodotti jiġi attribwit il-prodott mill-konsumaturi.

34.      Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-prodotti inkwistjoni ma ssodisfawx id-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar tad-dritt tal-Unjoni għas-supplimenti tal-ikel hija indikazzjoni b’saħħitha li l-prodotti ma humiex ikkunsidrati bħala supplimenti tal-ikel.

35.      Għandha tkun evalwazzjoni tal-fatti li tistabbilixxi jekk id-deroga mid-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar hijiex determinanti biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-prodotti ma humiex “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

36.      L-istess jgħodd għas-sinjifikat li l-Qorti Ġenerali attribwixxiet lill-fatt li għall-prodotti inkwistjoni jeżisti numru tar-reġistrazzjoni farmaċewtika, li jinbiegħu fl-ispiżeriji u li huma kkummerċjalizzati bl-avviż li jipproteġu kontra l-irjiħat u l-influwenzi u li jgħinu f’każ ta’ infjammazzjonijiet fil-ħalq jew fil-griżmejn.

37.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tivverifika u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, għalhekk, kwistjoni ta’ liġi li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati (5).

38.      Madankollu, G. Pandalis jilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, żnaturat fatti fir-rigward ta’ pastilji “Cystus” għaliex dawn il-pastilji ma kinux iġorru l-avviż promozzjonali msemmi ta’ effetti li jtejbu s-saħħa. Tali lment huwa ammissibbli fil-proċedura tal-appell.

39.      Madankollu, kif l-EUIPO jissostanzja korrettament, dan l-ilment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Infatti, fil-punt 59 il-Qorti Ġenerali ma tikkonstatax li l-pastilji “Cystus” huma kkummerċjalizzati flimkien ma’ dan l-avviż, iżda tikkonferma l-evalwazzjoni tal-provi tal-Bord tal-Appell. Madankollu, il-Bord tal-Appell għaraf li dan il-prodott ġie kkummerċjalizzat mingħajr l-avviż u dan ikkunsidrah fl-evalwazzjoni tiegħu (6).

40.      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda parzjalment bħala inammissibbli u fil-kumplament tagħha bħala infondata.

2.      Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju – nuqqas ta’ motivazzjoni

41.      Bit-tieni parti tal-ewwel aggravju G. Pandalis jilmenta dwar nuqqasijiet ta’ motivazzjoni.

42.      Skontu, l-ewwel nuqqas huwa li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx għal liema kategorija għandhom jiġu attribwiti l-prodotti tiegħu.

43.      Madankollu, G. Pandalis qiegħed jinjora s-suġġett tal-kawża. Il-kwistjoni hija esklużivament jekk setax jipproduċi prova tal-użu ġenwin tat-trade mark CYSTUS għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”. Għal din il-kwistjoni ma huwiex ta’ rilevanza għal liema kategorija oħra għandhom jiġu attribwiti l-prodotti tiegħu.

44.      G. Pandalis jilmenta wkoll li mis-sentenza appellata ma jistax jiġi dedott għalfejn il-Qorti Ġenerali, waqt l-eżami tagħha skont l-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, ma eżaminatx b’mod iddifferenzjat jekk it-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni ntużatx għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” fir-rigward tal-pastilji “Cystus”.

45.      Madankollu, f’dan ir-rigward ukoll huwa deċiżiv li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tadotta, b’mod relattivament ġenerali, l-analiżi tal-Bord tal-Appell, għaliex b’dan il-mod tiċħad, għall-inqas impliċitament, l-oġġezzjonijiet ta’ G. Pandalis fir-rigward ta’ dan il-prodott.

46.      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

C.      Fuq it-tieni aggravju – użu bħala trade mark

47.      Bit-tieni aggravju tiegħu, G. Pandalis jallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 43 u 46, ikklassifikat awtomatikament it-trade mark tal-Unjoni Ewropea kontenzjuża CYSTUS bħala indikazzjoni deskrittiva b’riferiment għall-isem tal-pjanta “Cistus”, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni n-natura konkreta tal-użu tat-trade mark. Dan jikkostitwixxi żball ta’ liġi ieħor fl-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għaliex, skont G. Pandalis, l-użu tat-trade mark kellu jiġi rrikonoxxut bħala ġenwin. Barra minn hekk, jallega li f’dawn il-punti l-motivazzjoni hija kontradittorja.

48.      F’dan ir-rigward għandhom jiġu ttrattati, qabelxejn, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata li, prima facie, tassew jidhru li huma vvizzjati minn żball ta’ liġi, u sussegwentement il-kunsiderazzjonijiet l-oħra tiegħu dwar dan il-motiv.

1.      Fuq il-punt 46 tas-sentenza appellata – natura deskrittiva tat-trade mark CYSTUS

49.      Fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Bord tal-Appell seta’ jassumi, mingħajr żball ta’ liġi, li l-pubbliku rilevanti kien qiegħed jipperċepixxi t-terminu “CYSTUS” bħala indikazzjoni deskrittiva b’riferiment għall-isem tal-pjanta “Cistus” u mhux bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma dan wassal sabiex jafferma l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għar-rifjut fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

50.      G. Pandalis jopponi korrettament li dawn il-kunsiderazzjonijiet, meta kkunsidrati waħedhom, huma kontradittorji. Infatti, jekk il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark bħala ta’ natura deskrittiva biss, huwa eskluż l-użu bħala trade mark. U, fl-istess waqt, dan ikun ifisser li, irrispettivament mid-dikjarazzjoni opposta tal-Qorti Ġenerali, tkun mogħtija r-raġuni assoluta għar-rifjut skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

51.      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni tkun dubjuża minħabba l-fatt li tantiċipa l-eżitu ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka. Prima facie, dan ikun f’kunflitt mas-sentenza Formula One Licensing vs UASI. Din tipprovdi li fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni kontra trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata fir-rigward ta’ sinjal identiku għal trade mark protetta fi Stat Membru, ma huwiex possibbli li tiġi kkonstatata raġuni assoluta għar-rifjut, bħall-assenza ta’ karattru distintiv. Madankollu, id-deskrizzjoni ta’ sinjal bħala deskrittiv jew bħala terminu ġeneriku tkun ekwivalenti għan-negazzjoni tal-karattru distintiv tiegħu (7).

52.      Huwa minnu li, kontra t-trasferiment tal-imsemmija ġurisprudenza għal din il-kawża, wieħed jista’ jopponi li l-Qorti tal-Ġustizzja targumenta li la l-EUIPO u lanqas il-Qorti Ġenerali ma għandhom is-setgħa jivverifikaw trade mark nazzjonali (8). Min-naħa l-oħra, is-setgħat istituzzjonali jeżistu fir-rigward tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kontenzjuża – dawn sempliċement ikollhom jiġu eżerċitati fi proċedimenti differenti.

53.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tassumi wkoll li, fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jattribwixxi lit-trade mark preċedenti ċertu grad ta’ karattru distintiv (9). Dan il-ħsieb jista’ jiġi ttrasferit bla problemi għall-verifika tal-użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata.

54.      Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar din il-kwistjoni tista’ tibqa’ miftuħa.

55.      Infatti, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tippreċiża x’riedet tfisser tassew bil-formulazzjoni sfortunata tal-punt 46. Il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, ma tinnegax kull karattru distintiv tat-terminu “Cystus”, xi ħaġa li tkun applikabbli għal terminu sempliċement deskrittiv (10), iżda tikkonċedilu mill-inqas karattru distintiv dgħajjef. Dan jissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija (11).

56.      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tippermetti wkoll il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Bord tal-Appell ma għamel l-ebda stqarrija dwar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

57.      Għaldaqstant, l-oġġezzjonijiet ta’ G. Pandalis kontra l-punt 46 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li, wieħed irid jikkonċedi, xejn ma huma ċari.

2.      Fuq il-kunsiderazzjonijiet l-oħra evalwazzjoni tal-użu attwali tat-trade mark CYSTUS

58.      Il-kunsiderazzjonijiet l-oħra ta’ G. Pandalis dwar it-tieni aggravju wkoll huma bbażati b’mod sinjifikattiv fuq interpretazzjoni selettiva u għaldaqstant żbaljata tal-evalwazzjoni tal-motiv korrispondenti mill-Qorti Ġenerali, inklużi l-punti kkontestati.

59.      Infatti, kif diġà nnotajt, l-ewwel nett il-Qorti Ġenerali proprju ma kkonstatatx b’mod ġenerali li t-trade mark CYSTUS tista’ tintuża esklużivament b’mod deskrittiv. Pjuttost, il-karattru distintiv dgħajjef ifisser li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li t-trade mark bħala prinċipju tista’ tintuża bħala tali; jiġifieri skont il-Qorti Ġenerali huwa possibbli li t-trade mark tintuża b’tali mod li l-konsumaturi jipperċepixxuha bħala indikazzjoni ta’ oriġini għal prodott u mhux sempliċement bħala deskrizzjoni tal-ingredjenti tiegħu.

60.      It-tieni nett, kif tistabbilixxi wkoll LR Health & Beauty Systems, jirriżulta, mill-punt 37 u mis-sentenzi introduttorji tal-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 39 sa 48, ħadet inkunsiderazzjoni l-użu konkret tal-kelma “Cystus” fuq l-imballaġġ tal-prodotti “Pilots Friend Immunizer®”, “Immun44® Saft” u “Immun44® Kapseln”.

61.      It-tielet nett, f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-eżitu tal-Bord tal-Appell li dan l-utilizzar kien deskrittiv, jiġifieri li proprju ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ użu bħala trade mark.

62.      Din l-argumentazzjoni ssostni l-konstatazzjoni li G. Pandalis ma użax it-trade mark CYSTUS b’mod ġenwin għat-tliet prodotti msemmijin.

63.      Infatti, meta jkun qed jiġi eżaminat jekk kienx hemm użu ġenwin tat-trade mark, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-esplojtazzjoni kummerċjali tat-trade mark hijiex reali, b’mod partikolari fil-forma ta’ użu kkunsidrat bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżamm jew jinħoloq sehem fis-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark (12).

64.      Iżda użu jista’ jiġi rrikonoxxut bħala ġenwin biss jekk ikun konsistenti mal-funzjoni essenzjali ta’ trade mark li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini ta’ prodotti jew servizzi lill-konsumatur jew lill-utent finali billi tagħtih il-kapaċità, mingħajr probabbiltà ta’ konfużjoni, li jiddistingwi l-prodott jew servizz minn oħrajn li jkollhom oriġini differenti (13).

65.      Konsegwentement, mhux kull użu ta’ trade mark irid isir konformement mal-funzjoni ta’ oriġini (14). Barra minn hekk, mhux kull użu kummerċjali pprovat irid jiġi awtomatikament ikklassifikat bħala użu ġenwin mit-trade mark inkwistjoni (15). Pjuttost, trade mark tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ użi konformi ma’ funzjonijiet oħra, bħal dik li tikkonsisti fil-garanzija tal-kwalità jew dawk ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ reklamar (16).

66.      Għalhekk, huwa biss permezz ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jista’ jiġi stabbilit kif trade mark intużat fil-każ individwali. Madankollu, kif spjegajt diġà, din ma taqax taħt il-verifika fil-proċedura tal-appell.

3.      Fuq l-inklużjoni ta’ prodotti addizzjonali

67.      Wieħed jista’ jopponi, kontra l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li fil-punt 50 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-użu tat-trade mark CYSTUS fir-rigward tal-“prodotti l-oħra li għalihom it-terminu ‘Cystus’ intuża esklużivament fil-formulazzjonijiet ‘Cystus 52’ jew ‘Cystus 052’, bis-simbolu ‘®’ jew mingħajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jistax jiġi rrikonoxxut. B’dan il-mod il-Qorti Ġenerali qiegħda testendi l-analiżi tagħha lil hinn mit-tliet prodotti msemmijin.

68.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali tiġġustifika din il-konstatazzjoni fil-punt 47 tas-sentenza appellata.

69.      Hemmhekk tiddiskuti l-kwistjoni dwar jekk l-użu tal-kunċett “Cystus” fit-termini “Cystus 052” u “Cystus 52” għandux jiġi rrikonoxxut bħala użu tat-trade mark CYSTUS. F’dan ir-rigward, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li, bħala prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark tgħodd ukoll il-prova li t-trade mark intużat f’forma li kienet tiddevja biss f’ċerti kostitwenti minn dik irreġistrata, mingħajr ma ġie influwenzat il-karattru distintiv tat-trade mark.

70.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali dan tirrifjutah għall-użu msemmi minħabba l-karattru distintiv dgħajjef tat-terminu “Cystus”, għaliex din il-forma ta’ użu hija ta’ natura li ssaħħaħ b’mod kunsiderevoli l-karattru distintiv tat-trade mark. Allura, f’tali każ, il-karattru distintiv ikun qiegħed jiġi influwenzat, bi ksur tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Din il-motivazzjoni tikkorrispondi wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-użu ta’ trade marks bħala element ta’ trade marks oħra (17).

71.      Konsegwentement, l-argumenti tal-Qorti Ġenerali fil-punti 47 u 50 tas-sentenza appellata – li ma ġewx ikkontestati minn G. Pandalis – għandhom suġġett differenti mill-punti 43 u 46 ikkontestati minnu. Għaldaqstant, l-argumenti tal-ewwel ma jikkonfutawx l-analiżi tat-tieni aggravju.

4.      Konklużjoni intermedjarja

72.      It-tieni aggravju għalhekk huwa parzjalment inammissibbli – sa fejn jimmira għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti – u l-kumplament tiegħu huwa infondat.

D.      It-tielet aggravju – id-dritt għal smigħ

73.      Bit-tielet aggravju, G. Pandalis jilmenta li, fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

74.      G. Pandalis isostni li l-Bord tal-Appell ikkonstata tassew li t-trade mark CYSTUS hija deskrittiva fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Huwa allegatament ma kellux ċans li jressaq kummenti dwar dan.

75.      Min-naħa l-oħra, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Bord tal-Appell ma kienx ikkummenta dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għar-rifjut, jiġifieri dwar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

76.      Konsegwentement, jekk il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija korretta, l-EUIPO ma kellux lok jisma’ lil G. Pandalis dwar jekk it-trade mark CYSTUS hijiex deskrittiva fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

77.      Għalhekk, għal dan l-aggravju hija taċita l-oġġezzjoni li l-Qorti Ġenerali rriproduċiet skorrettament il-motivazzjoni tal-Bord tal-Appell, xi ħaġa li tkun tikkostitwixxi żball ta’ liġi, peress li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’tagħhom stess (18).

78.      Kif issostanzjat diġà f’okkażjonijiet oħra, dan jirrifletti n-natura ta’ kassazzjoni ta’ rikors għal annullament. Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa (Artikolu 261 TFUE), il-qorti tal-Unjoni ma tistax tirriforma l-att ikkontestat iżda għandha tiddikjarah null jekk u sa fejn ir-rikors għal annullament huwa fondat (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE). L-istituzzjoni, l-organu jew il-korp ikkonċernat huwa allura obbligat jieħu l-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE) (19).

79.      Għalkemm, skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali mhux biss tista’ tannulla iżda wkoll temenda d-deċiżjoni kontenzjuża, is-setgħa ta’ riforma tagħha ma għandhiex bħala effett li tagħtiha s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO u, lanqas, li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex (20).

80.      Fil-punt 32 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Appell irrileva “li l-isem ġeneriku xjentifiku ta’ pjanta ma jirrappreżentax biss l-isem tal-ispeċi ta’ pjanti (bil-konsegwenza li f’sens iktar wiesa’ huwa isem ta’ prodott jiġifieri indikazzjoni deskrittiva fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7(1)(c) tar-[Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea] […]), iżda jiddeskrivi wkoll il-prodotti li l-ingredjent ewlieni tagħhom huwa prodott minn pjanti ta’ din l-ispeċi.”

81.      Barra minn hekk, skont il-punt 34 tad-deċiżjoni kontenzjuża, iż-żieda tas-simbolu “®” “għandu jinftiehem b’tali mod li, fl-aħħar mill-aħħar, [G. Pandalis] jikkomunika permezz tar-reklamar tiegħu li akkwista dritt ta’ trade mark għal indikazzjoni deskrittiva […].”

82.      Tassew jista’ jiġi ssuġġerit li dawn l-argumenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Bord tal-Appell jiddetermina li t-trade mark CYSTUS hija deskrittiva fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

83.      Madankollu, din l-interpretazzjoni ma hijiex neċessarja.

84.      Tant huwa hekk li l-Bord tal-Appell jikkwalifika l-istqarrija tiegħu fil-punt 32 tad-deċiżjoni kontenzjuża fis-sens li isem ġeneriku f’“sens iktar wiesa’” huwa indikazzjoni deskrittiva fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan jimplika li r-rekwiżiti tar-regola msemmija huma ssodisfatti b’mod imperattiv minn terminu biss li fis-sens proprju huwa deskrittiv, u trade mark korrispondenti jkollha tiġi annullata.

85.      Barra minn hekk, l-argumenti fil-punt 34 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jinkludux daqstant konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar is-sinjifikat tal-użu tas-simbolu “®”, iżda iktar interpretazzjoni tal-komunikazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark.

86.      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kontenzjuża għadha aċċettabbli u ma jistax jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, indebitament, issostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess mal-motivazzjoni tal-Bord tal-Appell.

87.      Konsegwentement, l-argument ewlieni ta’ G. Pandalis għat-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. Peress li, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet iġġustifikati tal-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell ma kkummentax dwar l-eżistenza tar-raġunijiet assoluti tar-rifjut skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, ma kienx hemm għalfejn jiġi kkonsultat G. Pandalis f’dan ir-rigward.

88.      Minn dan isegwi li t-tielet aggravju huwa infondat.

VI.    Fuq l-ispejjeż

89.      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

90.      Peress li G. Pandalis huwa l-parti telliefa bl-appell tiegħu u l-EUIPO kif ukoll LR Health & Beauty Systems għamlu talbiet korrispondenti, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż (21).

VII. Konklużjoni

91.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Georgios Pandalis huwa kkundannat għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), fil-verżjoni tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21). Sadanittant issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 490).


4      Il-Bord tal-Appell hekk irrefera għad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fid-deċiżjoni tiegħu.


5      Sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI (C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 39), tas‑17 ta’ Lulju 2014, Reber vs UASI (C‑141/13 P, EU:C:2014:2089, punt 35), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen vs EUIPO (C‑471/16 P, EU:C:2017:602, punt 34).


6      Punt 57 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


7      Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punt 41).


8      Sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punti 40, 44 u 45), u tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO (C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 66), kif ukoll digrieti tat‑30 ta’ Mejju 2013, Wohlfahrt vs UASI (C‑357/12 P, EU:C:2013:356, punt 46), u tas‑16 ta’ Ottubru 2013, medi vs UASI (C‑410/12 P, EU:C:2013:702, punt 34).


9      Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punti 46 u 47).


10      Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punt 41).


11      Sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punt 47), u tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO (C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 67).


12      Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 38).


13      Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 36) u tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Verein Radetzky-Orden (C‑442/07, EU:C:2008:696, punt 13).


14      Digriet tal‑20 ta’ Mejju 2014, Reber Holding vs UASI (C‑414/13 P, EU:C:2014:812, punt 54).


15      Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Reber vs UASI (C‑141/13 P, EU:C:2014:2089, punt 32).


16      Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze (C‑689/15, EU:C:2017:434, punti 42 u 45).


17      Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2016, Klement vs EUIPO (C‑642/15 P, EU:C:2016:918, punt 29).


18      Sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni (C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punti 38 u 48), tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 73).


19      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2012:535, punti 92 u 93).


20      Sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72), u tal‑21 ta’ Lulju 2016, Apple and Pear Australia u Star Fruits Diffusion vs EUIPO (C‑226/15 P, EU:C:2016:582, punt 67).


21      Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen vs EUIPO (C‑471/16 P, EU:C:2017:602, punt 65), u tad‑19 ta’ April 2018, Fiesta Hotels & Resorts vs EUIPO (C‑75/17 P, EU:C:2018:269, punt 71).