Language of document : ECLI:EU:F:2011:41

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

13 ta’ April 2011

Kawża F‑105/09

Séverine Scheefer

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S. Scheefer titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tat-12 ta’ Frar 2009, li tikkonferma li l-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju ser jispiċċa fil-31 ta’ Marzu 2009 u l-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2009 li tiċħad l-ilment tagħha, kif ukoll il-kumpens tad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-aġir tal-Parlament.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tat-12 ta’ Frar 2009 fejn is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew informa lir-rikorrenti, minn naħa, li l-ebda soluzzjoni ġuridikament aċċettabbli li biha hija tkun tista’ tkompli bl-attività tagħha fl-uffiċċju mediku fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) ma setgħet tinstab u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju kien ser jintemm fil-31 ta’ Marzu 2009, hija annullata. Il-Parlament huwa kkundannat iħallas lir-rikorrenti d-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tar-remunerazzjoni li hija kienet tkun intitolata għaliha li kieku baqgħet impjegata fi ħdanu, u, min-naħa l-oħra, l-ammont tar-remunerazzjoni, tal-onorarji, tal-allowances tal-qgħad jew ta’ kull allowance alternattiva oħra li hija fil-fatt irċeviet mill-1 ta’ April 2009, minflok ir-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi bħala membru tal-persunal temporanju. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Suġġett — Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Data tal-firma ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Politika soċjali — Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra; Direttiva tal-Kunsill 1999/70)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Tiġdid wara l-ewwel proroga tal-kuntratt għal żmien determinat — Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra; Artikolu 2(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 5(1)(ċ) u (2)(b))

5.      Uffiċjali — Rikors — Ġurisdizzjoni sħiħa — Tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra)

6.      Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Għalkemm il-kwalifika ġuridika ta’ att issir esklużivament mill-Qorti tal-Unjoni u mhux mir-rieda tal-partijiet, din tal-aħħar tista’ tannulla biss atti li joħolqu preġudizzju u mhux, bħala tali, il-kwalifika li l-awtur tagħhom ikun assenjalhom b’mod żbaljat. It-talbiet sabiex, fid-dispożittiv tas-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħmel klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju huma, għaldaqstant, inammissibbli.

(ara l-punti 24, 25)

2.      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mument meta seħħ l-att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri l-iffissar tad-data li minnha għandu jkun ikkalkolat it-terminu għall-preżentata tal-ilment, għandu jiġi osservat li huwa mill-iffirmar tiegħu li kuntratt għandu effett u, għaldaqstant, il-kapaċità tiegħu li jikkawża preġudizzju lill-membru tal-persunal temporanju kkonċernat, hekk li, fil-prinċipju, huwa minn din il-firma li għandu jiġi kkalkolat it-terminu għall-preżentata ta’ ilment fi żmien utli skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Lulju 2002, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑137/99 u T‑18/00, punt 56; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il-Parlament, F‑65/07, punt 43

3.      Il-fatt li direttiva ma torbotx, bħala tali, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistax jeskludi li dawn tal-aħħar għandhom jiħduha inkunsiderazzjoni b’mod indirett fir-relazzjonijiet tagħhom mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal tagħhom. B’hekk, fir-rigward tad-Direttiva 1999/70 dwar ix-xogħol għal żmien determinat u l-ftehim qafas anness magħha, huma l-istituzzjonijiet, skont id-dmir ta’ lealtà tagħhom, li għandhom jinterpretaw u japplikaw, sa fejn ikun possibbli, bħala entità li timpjega, id-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra fid-dawl tat-test u tal-għan tal-ftehim qafas.

(ara l-punt 54)

4.      Il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 dwar ix-xogħol għal żmien determinat ipoġġi l-istabbiltà tal-impjieg bħala għan prevalenti fil-qasam tar-relazzjonijiet ta’ xogħol fi ħdan l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-klawżola 5(1)(ċ) tistabbilixxi li għandu jiġi ffissat numru massimu ta’ tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat. L-istess klawżola tipprevedi, fil-punt 2(b) tagħha, li l-kuntratti għal żmien determinat ikunu jistgħu, meta dan ikun xieraq, jitqiesu li ġew konklużi għal żmien indeterminat.

B’hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, kull tiġdid ieħor li jsegwi l-ewwel proroga għal żmien determinat ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) għal żmien determinat issir għal perjodu indeterminat, u minn dan jirriżulta li din il-klassifikazzjoni mill-ġdid għandha titqies bħala li topera b’mod awtomatiku. F’dak li jirrigwarda l-istituzzjonijiet, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni li tiżguralha portata wiesgħa u għandha tiġi applikata b’mod strett, peress li din hija preċiżament intiża sabiex tillimita l-użu ta’ kuntratti suċċessivi għal membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat billi jitqies li ġie konkluż għal żmien indeterminat it-tielet kuntratt għal żmien determinat li jkun għadu kif ġie konkluż.

Barra minn hekk, ir-regoli interni ta’ istituzzjoni għandhom saħħa vinkolanti ta’ intensità inferjuri għal dik tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra u ma jistgħux jipprekludu lill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 ta’ dawn milli japplika l-effetti tiegħu.

(ara l-punti 54 sa 56 u 60)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Aayhan vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 119 u 120

5.      Talba intiża għall-ħlas minn istituzzjoni lil wieħed mill-membri tal-persunal tagħha ta’ somma li din l-istituzzjoni tqis li hija dovuta lilu abbażi tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tidħol fil-kunċett tat-tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li tiddistingwi ruħha mill-kawżi għar-responsabbiltà mressqa mill-membri tal-persunal kontra l-istituzzjoni tagħhom u intiżi għall-ksib tad-danni. Skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, f’dan it-tilwim, ġurisdizzjoni sħiħa li tagħtih il-missjoni li jagħti soluzzjoni sħiħa u li jiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-membri tal-persunal, ħlief li jirrinvija lill-istituzzjoni inkwistjoni, u taħt il-kontroll tiegħu, l-eżekuzzjoni ta’ dik il-parti tas-sentenza fil-kundizzjonijiet speċifiċi li huwa jistabbilixxi.

(ara l-punt 68)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punti 65, 67 u 68; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 2 ta’ Lulju 2009, Giannini vs Il‑Kummissjoni, F‑49/08, punti 39 sa 42

6.      L-annullament ta’ att mill-qorti tal-Unjoni għandu l-effett li jneħħi b’mod retroattiv dan l-att mill-ordinament ġuridiku. Meta l-att annullat ikun diġà ġie eżegwit, it-tneħħija tal-effetti tiegħu teħtieġ li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ġuridika li fiha kien jinsab ir-rikorrent qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att.

(ara l-punt 69)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 92