Language of document : ECLI:EU:C:2019:264

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Direttiva 2008/98/KE – Użu mill-ġdid u rkupru ta’ skart – Kriterji speċifiċi dwar it-tmiem tal-istatus ta’ skart għall-ħama tad-drenaġġ wara t-trattament ta’ rkupru – Assenza ta’ kriterji ddefiniti fil-livell tal-Unjoni Ewropea jew fil-livell nazzjonali”

Fil-Kawża C‑60/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Tallinna Vesi AS

vs

Keskkonnaamet,

fil-preżenza ta’:

Keskkonnaministeerium,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Levits, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Tallinna Vesi AS, minn T. Pikamäe, vandeadvokaat,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. A. M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Sanfrutos Cano, E. Kružíková u F. Thiran, bħala aġenti, assistiti minn L. Naaber-Kivisoo, vandeadvokaat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Tallinna Vesi AS u Keskkonnaamet (l-Uffiċċju tal-Ambjent, l-Estonja), dwar l-adozzjoni minn dan tal-aħħar ta’ żewġ deċiżjonijiet mogħtija lil Tallinna Vesi għall-finijiet tal-irkupru ta’ skart u li jirrifjutaw li jikkonstataw it-tmiem tal-istatus ta’ skart għall-ħama tad-drenaġġ wara t-trattament ta’ rkupru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 1 tad-Direttiva 2008/98 tipprovdi:

“Id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart [(ĠU 2006, L 114, p. 9)] tistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv għall-immaniġġar ta’ l-iskart fil-Komunità. Hija tiddefinixxi kunċetti ewlenin bħall-iskart, l-irkupru u r-rimi u tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali għall-immaniġġar ta’ l-iskart, b’mod partikolari obbligu li stabbiliment jew impriża li twettaq operazzjonijiet ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart ikollha permess jew tkun irreġistrata, u obbligu li Stati Membri jfasslu pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart. Hija wkoll tistabbilixxi prinċipji ewlenin bħall-obbligu li l-iskart ikun ittrattat b’mod li ma jkollux impatt negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, bħall-inkoraġġiment li tkun applikata l-ġerarkija ta’ l-iskart, u, skond il-prinċipju li min iniġġes iħallas, ir-rekwiżit li l-ispiża tar-rimi ta’ l-iskart għandha tinġarr mid-detentur ta’ l-iskart, minn detenturi preċedenti jew mill-produtturi tal-prodott li minnu ġie l-iskart.”

4        Il-premessi 28 u 29 tad-Direttiva 2008/98 jistipulaw:

“(28)      Din id-Direttiva għandha tgħin biex tressaq lill-UE eqreb lejn ‘soċjetà riċiklanti’, billi tfittex li tevita l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart u li tuża l-iskart bħala riżors. [...]

(29)      L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-użu tal-materjali riċiklabbli [...]skond il-ġerarkija ta’ l-iskart u bil-għan li tinħoloq soċjetà riċiklatriċi, u meta jkun possibbli m’għandhomx jappoġġaw ir-rimi f’radam jew l-inċinerazzjoni ta’ materjali riċiklabbli bħal dawnti.”

5        Il-premessa 30 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Sabiex jiġu implimentati l-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ azzjoni preventiva li jinsabu fl-Artikolu [191(2) TFUE], jeħtieġ li jiġu ffissati objettivi ambjentali ġenerali għall-immaniġġar ta’ l-iskart fil-Komunità. Bis-saħħa ta’ dawk il-prinċipji, huwa f’idejn il-Komunità u l-Istati Membri li jistabbilixxu qafas biex jipprevjenu, inaqqsu u, kemm jista’ jkun, jeliminaw mill-bidu s-sorsi tat-tniġġiż jew fastidju billi jadottaw miżuri ta’ natura tali li jeliminaw riskji li jkunu magħrufin”.

6        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi.”

7        L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, intitolat “Ġerarkija ta’ l-iskart”, huwa redatt kif ġej:

“1.      Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar:

(a)      il-prevenzjoni;

(b)      preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

(ċ)      riċiklaġġ;

(d)      irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

(e)      rimi.”

8        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Tmiem ta’ l-istatus ta’ skart”:

“1.      Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

(b)      ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

(ċ)      is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

(d)      l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

2.      Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, relatati ma’ l-adozzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, u li jispeċifikaw it-tip ta’ skart li għalih għandhom japplikaw dawn il-kriterji, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2). Għandhom jiġu kkunsidrati kriterji li jkunu speċifiċi għat-tmiem ta’ l-iskart, fost oħrajn, għall-inqas għall-aggregati, għall-karta, għall-ħġieġ, għall-metall, għat-tyres u għat-tessuti.

[...]

4.      Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 [u 2], l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-każistika applikabbli. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar tali deċiżjonijiet skond id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi l-proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8)], fejn dan ikun meħtieġ minn dik id-Direttiva.”

[...]”

 Id-dritt Estonjan

9        Fit-28 ta’ Jannar 2004, ir-Riigikogu (il-Parlament) tar-Repubblika tal-Estonja adotta l-jäätmeseadus (il-Liġi dwar l-iskart). L-Artikoli 2 u 21 tal-Liġi dwar l-iskart, fis-seħħ mit-18 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2015, kienu fformulati kif ġej:

“Artikolu 2 – Skart

(1)      Jikkostitwixxu skart kull proprjetà mobbli jew bastiment irreġistrat li d-detentur rema jew għandu l-ħsieb jew l-obbligu li jarmi.

(2)      ‘Jarmi’ tfisser li l-proprjetà mobbli titqiegħed fi stat li ma tintużax, ikun hemm rinunzja għall-użu tagħha jew titħalla mingħajr użu, sa fejn l-użu tagħha ma jkunx possibbli mill-perspettiva teknika jew ma jkunx jidher li huwa raġonevoli fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi jew ambjentali.

[...]

(4)      Il-Gvern għandu jistabbilixxi l-lista tal-iskart, inkluż l-iskart perikoluż, li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu [...], permezz ta’ regolament.

Article 21 – Tmiem tal-istatus ta’ skart

(1)      L-iskart ma jibqax skart meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ u jkun jissodisfa l-kriterji adottati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98 [...], iddefiniti skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

2)      ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

3)      is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards applikabbli għall-prodotti;

4)      l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

(2)      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu f’konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98/KE, il-Ministru responsabbli jista’, filwaqt li jqis l-kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1, punti (1) sa (4) ta’ dan l-artikolu, jiddefinixxi b’mod regolatorju l-kriterji li taħthom ċerti tipi ta’ skart ma jibqgħux skart.

(3)      Il-kriterji għandhom jinkludu l-valuri ta’ limitu tal-kontenut ta’ sustanzi niġġiesa, jekk dan ikun meħtieġ, u jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti potenzjalment negattivi tas-sustanza jew l-oġġett fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem.

(4)      L-operazzjoni ta’ rkupru, fejn l-iskart ma jibqax skart, għandha tiġi speċifikata fl-awtorizzazzjoni dwar l-iskart jew tal-permess ambjentali integrat, maħruġ skont it-tööstusheite seadus (il-Liġi dwar l-Emissjonijiet Industrijali), li għandha l-impriża li wettqet l-operazzjoni ta’ rkupru.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Tallinna Vesi tieħu ħsieb il-pajpijiet tal-ilma użat domestiku tal-belt ta’ Tallinn (l-Estonja) u l-madwar u t-trattament tal-ilma użat f’impjant ta’ ħama attivat. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ħama tad-drenaġġ li joħroġ mill-proċess ta’ purifikazzjoni jiġi ttrasferit f’tankijiet għall-finijiet ta’ diġestjoni anerobika (metanizzazzjoni). Wara proċess ta’ diġestjoni anerobika ta’ ħmistax-il jum, il-ħama jiġi mnixxef bl-użu ta’ (filters-) preses ċentrifugi u ttrasferit lejn il-post fejn isir il-kompost għal finijiet ta’ diġestjoni erobika.

11      Tallinna Vesi riedet tikkummerċjalizza l-ħama tad-drenaġġ mill-ilma użat domestiku pproċessat minnha bħala materjal veġetali għaż-żoni ħodor. Hija tqis li dan il-proċess jikkorrispondi għal riċiklaġġ bioloġiku (Kodiċi ta’ Operazzjoni R3o) u tixtieq tikseb awtorizzazzjoni korrispondenti fil-qasam tal-iskart.

12      F’konformità mad-dritt nazzjonali, ir-riċiklaġġ bioloġiku huwa operazzjoni ta’ rkupru ta’ skart li fiha l-iskart jiġi ttrattat u ma jibqax skart jekk ir-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi jkunu ssodisfatti u l-istandards legali kif ukoll dawk li japplikaw għall-prodotti jkunu osservati, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar l-Iskart.

13      Ir-Repubblika tal-Estonja ittrasponiet l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98 billi pprevediet fl-Artikolu 21 tal-Liġi dwar l-Iskart li t-tmiem tal-istatus ta’ skart jista’ jirriżulta biss fuq il-bażi ta’ att tal-Unjoni jew ta’ regolament tal-Ministru għall-Ambjent li jiddefinixxi l-kriterji inkwistjoni. B’mod partikolari, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart tal-ħama tad-drenaġġ ittrattat minn operatur bħal Tallinna Vesi tippreżumi li, qabelxejn, il-Ministru għall-Ambjent ikun, fir-rigward tat-tip ta’ skart inkwistjoni, iddefinixxa b’mod regolatorju l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom l-Uffiċċju tal-Ambjent seta’ jevalwa jekk il-ħama tad-drenaġġ ittrattat kienx waqaf milli jkun skart. Għalhekk, dan l-uffiċċju ma jistax, skont id-dritt Estonjan, jibbaża ruħu biss fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar l-Iskart sabiex jiddeċiedi jekk, f’dan il-każ, minħabba l-applikazzjoni, minn AS Tallinna Vesi, tal-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ trattament tal-ħama tad-drenaġġ, dan baqax skart, sabiex isir prodott.

14      Issa, fid-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kienx hemm, la fid-dritt tal-Unjoni u lanqas fid-dritt tal-Estonja, regolamenti li jipprovdu tali kriterji. Għaldaqstant, l-Uffiċċju tal-Ambjent ma tax il-Kodiċi R3o għall-operazzjoni tal-irkupru tal-ħama tad-drenaġġ mill-ilma użat domestiku minħabba li l-kundizzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar l-Iskart ma kinitx issodisfatta. Għalhekk, l-operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart magħmula minn Tallinna Vesi ġew ikklassifikati, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet adottati mill-Uffiċċju tal-Ambjent, bħala “trattament bioloġiku qabel l-irkupru tal-iskart (Kodiċi tal-Operazzjoni R12o)”.

15      Fl-1 ta’ Diċembru 2014 u fl-20 ta’ Lulju 2015, Tallinna Vesi ippreżentat azzjonijiet quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) intiżi għall-annullament parzjali ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u sabiex l-Uffiċċju tal-Ambjent jiġi ordnat jemenda l-awtorizzazzjonijiet li jirriżultaw minnhom jew, fin-nuqqas ta’ dan, joħroġ awtorizzazzjonijiet ġodda bbażati fuq il-Kodiċi ta’ Operazzjoni R3o. Dawn l-azzjonijiet ġew miċħuda permezz ta’ sentenza tat-15 ta’ Lulju 2016, minħabba l-assenza ta’ rekwiżiti tekniċi, standards legali u standards applikabbli għall-prodotti. Għalhekk, Tallinna Vesi appellat minn din is-sentenza.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 6(4) tad-[Direttiva 2008/98] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti att legali nazzjonali li jipprevedi li, fil-każ li ebda kriterju ma jkun ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart, it-tmiem tal-istatus ta’ skart jiddependi mill-eżistenza ta’ kriterji ddefiniti permezz ta’ att nazzjonali ta’ portata ġenerali fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart?

(2)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-[Direttiva 2008/98] tippermetti lil detentur ta’ skart, fil-każ li ebda kriterju ma jkun ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart, li jeżiġi l-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart minn awtorità kompetenti jew minn qorti tal-Istat Membru skont il-ġurisprudenza applikabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mill-eżistenza ta’ kriterji ddefiniti permezz ta’ att nazzjonali ta’ portata ġenerali fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, meta l-ebda kriterju ma jkun ġie ddefinit fil-livell tal-Unjoni għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart, it-tmiem ta’ tali status għandu jiddependi minn kriterji speċifikati minn att intern ta’ portata ġenerali fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ skart u jekk, f’tali ċirkustanzi, detentur ta’ skart jistax jeżiġi l-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew minn qorti ta’ dan l-Istat Membru skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

18      Hemm lok li jitfakkar li l-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart” bħala kull sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew ikun bi ħsiebu jew ikollu l-obbligu li jarmi.

19      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprovdi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kriterji speċifiċi li jippermettu li jiġi stabbilit liema skart ma jibqax skart, skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ.

20      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98, l-istabbiliment tar-regoli ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa fdat lill-Kummissjoni, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-kriterji speċifiċi għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart. Huwa paċifiku li tali regoli ma ġewx adottati fir-rigward tal-ħama tad-drenaġġ, bħal dak tal-kawża prinċipali, li kien suġġett għal trattament ta’ rkupru.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98, jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart temmx l-istatus ta’ skart tiegħu, filwaqt li huma marbuta, fejn id-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, teħtieġ dan, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-istandards u r-regoli tekniċi adottati f’dan ir-rigward.

22      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ppreveda speċifikament li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jadottaw miżuri dwar it-tmiem tal-istatus ta’ skart ta’ sustanza jew ta’ oġġett, mingħajr madankollu ma speċifika n-natura ta’ dawn il-miżuri.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, peress li l-miżuri adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98, bħar-regoli tal-Unjoni adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, iwasslu għat-tmiem tal-istatus ta’ skart u, għaldaqstant, għat-tmiem tal-protezzjoni li d-dritt li jirregola l-iskart jiggarantixxi fir-rigward tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, huma għandhom jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(a) sa (d) tal-imsemmi artikolu u, b’mod partikolari, jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi possibbli tas-sustanza jew tal-oġġett ikkonċernat fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem.

24      Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-possibbiltà ta’ deċiżjonijiet dwar każijiet individwali, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet imressqa mid-detenturi tas-sustanza jew tal-oġġett ikklassifikat bħala “skart”, iżda huma jistgħu wkoll jadottaw standard jew regolamenti tekniċi għal skart ta’ ċertu kategorija jew tip partikolari ta’ skart. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, l-obbligu, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ta’ notifika ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni meta d-Direttiva 98/48, kif emendata bid-Direttiva 98/48, teżiġi dan, jirrigwarda l-abbozzi ta’ regola teknika u mhux id-deċiżjonijiet individwali.

25      L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, fin-nuqqas ta’ kriterji stabbiliti fil-livell tal-Unjoni għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart, it-tmiem ta’ tali status ikun jiddependi fuq l-eżistenza ta’ kriterji ddefiniti permezz ta’ att intern ta’ portata ġenerali fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ skart.

26      Fit-tieni lok, jirriżulta min-natura fakultattiva tal-azzjoni tal-Istat Membru, li tirriżulta mill-użu tal-verb “jistgħu” fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li dan jista’ wkoll iqis li ċertu skart ma jistax ma jibqax skart u jirrinunzja għall-adozzjoni ta’ regolamenti dwar it-tmiem tal-istatus tiegħu ta’ skart.

27      Madankollu, huwa l-kompitu tiegħu, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, li jiżgura li tali astensjoni ma tikkostitwixxix ostakolu għar-realizzazzjoni tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98, bħalma huwa l-inkoraġġiment għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart prevista fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jew, kif jirriżulta mill-premessi 8 u 29 tagħha, għall-irkupru tal-iskart u għall-użu ta’ materjal irkuprat sabiex jiġu ppreżervati r-riżorsi naturali u tkun tista’ tiġi stabbilita ekonomija ċirkulari. F’dan il-kuntest, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u, fin-nuqqas tagħha, tal-Istati Membri, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha u l-istat attwali tal-għarfien xjentifiku u tekniku sabiex jiġu adottati l-kriterji speċifiċi li jippermettu lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali li jikkonstataw it-tmiem tal-istatus ta’ skart għal skart li jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru li tippermetti li dan isir utilizzabbli mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent.

28      F’dan il-każ, mill-informazzjoni li tinsab fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-irkupru tal-ħama tad-drenaġġ jinvolvi ċerti riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari dawk marbuta mal-preżenza ta’ sustanzi perikolużi. Issa, fir-rigward ta’ tali sustanzi, Stat Membru jista’, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu skont il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fiż-żewġ punti preċedenti, ma jikkonstatax it-tmiem tal-istatus ta’ skart ta’ prodott jew ta’ sustanza, jew ma jiddefinixxi ebda standard li l-osservanza tiegħu twassal sabiex jintemm l-istatus ta’ skart ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza.

29      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 u li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kriterji speċifiċi li jippermettu li jiġi stabbilit liema skart ma jibqax skart, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ ma jistgħux, fihom infushom, jippermettu li jiġi stabbilit direttament li ċertu skart jew ċerti kategoriji ta’ skart ma għandhomx iktar jitqiesu bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri, C-358/11, EU:C:2013:142, punt 55).

30      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 ma jippermettix lil detentur ta’ skart, bħal Tallinna Vesi, jeżiġi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew minn qorti ta’ dan l-Istat Membru.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għad-domandi magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        dan ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, fil-każ li ebda kriterju ma jkun ġie ddefinit fil-livell tal-Unjoni għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart, it-tmiem ta’ tali status ikun jiddependi fuq l-eżistenza ta’ kriterji ddefiniti permezz ta’ att intern ta’ portata ġenerali fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ skart, u li

–        dan ma jippermettix lil detentur ta’ skart jeżiġi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew minn qorti ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        dan ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, fil-każ li ebda kriterju ma jkun ġie ddefinit fil-livell tal-Unjoni Ewropea għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart, it-tmiem ta’ tali status ikun jiddependi fuq l-eżistenza ta’ kriterji ddefiniti permezz ta’ att intern ta’ portata ġenerali fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ skart, u li

–        dan ma jippermettix lil detentur ta’ skart jeżiġi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew minn qorti ta’ dan l-Istat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.