Language of document : ECLI:EU:F:2008:129

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

22 ta’ Ottubru 2008

Kawża F-46/07

Marie Tzirani

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Promozzjoni – Pożizzjoni ta’ direttur – Ċaħda ta’ kandidatura – Eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ ħatra – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Tzirani titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Awwissu 2006, li taħtar lil D. J. fil-pożizzjoni ta’ direttur tad-Direttorat B “Regolamenti tal-Persunal: Politika, Ġestjoni u Konsulenza” tad-Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni“, u, għaldaqstant, li tiċħad il-kandidatura tagħha għal din l-istess pożizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għal ħlas ta’ kumpens għad-danni materjali u morali allegatament subiti.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrenti għall-pożizzjoni ta’ Direttur tad-Direttorat B “Regolamenti tal-Persunal: Politika, Ġestjoni u Konsulenza” tad-Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija annullata. Id-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ D. J. għall-pożizzjoni ta’ direttur tad-Direttorat B “Regolamenti tal-Persunal: Politika, Ġestjoni u Konsulenza” tad-Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Awwissu 2006, hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 10 000 bħala danni u interessi. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi mir-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku – Rikors kontra n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla ċ-ċaħda ta’ kandidatura għal pożizzjoni vakanti – Ammissibbiltà

(Artikolu 233 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata

(Artikolu 233 KE)

3.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Pożizzjoni mimlija permezz ta’ promozzjoni jew ta’ trasferiment – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati – Pożizzjonijiet fil-grad A 1 jew A 2 – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1) u 45(1))

4.      Uffiċjali – Rikorsi – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett

5.      Uffiċjali – Trattament ugwali – Ugwaljanza bejn uffiċjali rġiel u uffiċjali nisa – Derogi

(Artikoli 141(3) u (4) KE)

6.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1), 43 u 45)

7.      Uffiċjali – Rikors – Sentenza ta’ annullament – Effetti –Annullament ta’ ċaħda ta’ kandidatura – Restituzzjoni fis-sitwazzjoni legali preċedenti tal-persuna kkonċernata – Annullament konsegwenti ta’ atti sussegwenti li jikkonċernaw terzi – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

8.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Possibbiltà li l-istituzzjoni konvenuta tiġi kkundannata ex officio għall-ħlas ta’ kumpens

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

9.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Illegalità

1.      Id-destinatarju ta’ sentenza li tannulla att ta’ istituzzjoni huwa direttament ikkonċernat mill-mod kif l-istituzzjoni teżegwixxi din is-sentenza. Għaldaqstant, dan huwa intitolat li jitlob lill-qorti Komunitarja tikkonstata li l-istituzzjoni ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet applikabbli. Minn dan isegwi li rikorrent għandu interess ġuridiku kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħtar kandidat f’pożizzjoni vakanti, peress li din id-deċiżjoni tirrigwarda l-mod kif il-Kummissjoni eżegwiet is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tannulla l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħtar lill-istess kandidat fl-istess pożizzjoni. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi imminata mill-fatt li r-rikorrent ma jistax jikseb pubblikazzjoni mill-ġdid tal-imsemmija pożizzjoni, li fl-istess ħin ġiet mimlija bil-ħatra tat-tielet kandidat. Fil-fatt, l-interessi ta’ terzi u l-interess tad-dipartiment jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li jkollu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni mwettqa, skont il-każ, wara eżami tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 37 u 38)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Frar 1989, van der Stijl u Cullington vs Il‑Kummissjoni, 341/85, 251/86, 258/86, 259/86, 262/86, 266/86, 222/87 u 232/87, Ġabra p. 511, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 31 ta’ Jannar 2007, C vs Il‑Kummissjoni, T‑166/04, Ġabra p. I‑0000, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha tistabbilixxi liema huma l-miżuri meħtieġa sabiex teżegwixxi sentenza annullata. Meta teżerċita din is-setgħa diskrezzjonali, l-awtorità amministrattiva għandha tosserva tajjeb kemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju kif ukoll id-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza li jkollha teżegwixxi. L-awtorità assoluta li tgawdi minnha sentenza ta’ annullament ta’ qorti Komunitarja hija fir-rigward kemm tad-dispożittiv tas-sentenza kif ukoll tal-motivi li jikkostitwixxi l-bażi essenzjali tagħha. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni speċifika kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv, u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tissostitwixxi l-att annullat. Il-proċedura għas-sostituzzjoni ta’ tali att tista’ b’hekk titkompla mill-punt preċiż li fih twettqet l-illegalità. Għaldaqstant, l-annullament ta’ att Komunitarju ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji kollha, iżda jirrikjedi li l-amministrazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-mument li fih l-illegalita mmanifestat ruħha, bil-għan li jiġi adottat l-att il-ġdid li jissostitwixxi l-att annullat.

(ara l-punti 49 sa 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Diċembru 1954, Franza vs L‑Awtorità Għolja, 1/54, Ġabra p. 7, 33; 12 ta’ Lulju 1962, Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L‑Awtorità Għolja, 14/61, Ġabra p. 485 u 515; 13 ta’ Novembru 1963, Erba u Reynier vs Il‑Kummissjoni, 98/63 R u 99/63 R, Ġabra p. 551 u 555; 26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 27; 12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, Ġabra p. I‑6993, punti 31 u 32; 14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 54; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament, T‑84/91, Ġabra p. II‑2335, punt 73; It-Tribual għas-Servizz Pubbliku 17 ta’ April 2007, C u F vs Il‑Kummissjoni, F‑44/06 u F‑94/06, Ġabra p. I‑0000, punti 33 sa 35

3.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha, b’mod partikolari meta l-pożizzjoni vakanti tkun waħda għolja ħafna u tikkorrispondi għall-gradi A 1 jew A 2, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati. Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza sħiħa tar-regolamenti kollha rilevanti, jiġifieri mhux biss b’osservanza tal-avviż għal pożizzjoni vakanti, iżda wkoll tar-regoli proċedurali li l-imsemmija Awtorità tal-Ħatra tkun adottat sabiex teżerċita din is-setgħa. B’hekk, ir-regoli applikabbli għall-proċedura tal-ħatra jikkostitwixxu wkoll parti mill-qafas legali li hija għandha tosserva strettament.

Qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali tagħha ta’ ħatra, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun f’pożizzjoni li tagħraf u tevalwa hija stess l-elementi li, f’kull stadju tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għażla, ikunu wasslu lil-livelli amministrattivi kollha kkonsultati, għall-adozzjoni tal-opinjonijiet konsultattivi kif ikunu ġew ippreżentati lilha.

(ara l-punti 66, 67 u 108)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il‑Kummissjoni, T‑203/97, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑705, punt 45; 20 ta’ Settembru 2001, Coget et vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑95/01, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑879, punt 113; 9 ta’ Lulju 2002, Tilgenkamp vs Il‑Kummissjoni, T‑158/01, ĠabraSP p. I‑A‑111 u II‑595, punt 50; 18 ta’ Settembru 2003, Pappas vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑73/01, ĠabraSP p. I‑A‑207 u II‑1011, punt 53; 4 ta’ Lulju 2006, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, T‑88/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑149 u II‑A‑2‑703, punti 78 u 81

4.      Il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter ifisser li awtorità amministrattiva tuża l-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih tkun ġiet mogħtija dawn il-poteri. Deċiżjoni hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter fil-każ biss li jkun jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk stabbiliti. Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, iżda għandhom jiġu pprovduti indizji preċiżi u konkordanti li jsostnu l-veraċità tagħhom jew, tal-inqas, il-probabbiltà tagħhom.

Meta, f’deċiżjoni ta’ ħatra, jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, allegazzjoni dwar l-allegat użu ħażin ta’ poter tal-imsemmija Awtorità tal-Ħatra ma tistax tkun ibbażata fuq il-premessa li l-eżami komparattiv tal-merti kellu jwassal għaċ-ċaħda tal-kandidatura tal-kandidat maħtur.

(ara l-punti 159 sa 161)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 113; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Lulju 2000, Samper vs Il‑Parlament, T‑111/99, ĠabraSP p. I‑A‑135 u II‑611, punt 64; 26 ta’ Novembru 2002, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑103/01, ĠabraSP p. I‑A‑229 u II‑1137, punt 28; 10 ta’ Ġunju 2008, Ceuninck vs Il‑Kummissjoni, T‑282/03, Ġabra p. I‑0000, punt 48

5.      Fil-każ li r-rekwiżit tal-Artikolu 141 KE dwar id-diskriminazzjoni pożittiva abbażi tas-sess, jiġi invokat kontra l-istituzzjonijiet Komunitarji, din id-dispożizzjoni tipprovdi biss possibbiltà u mhux obbligu li ssir diskriminazzjoni pożittiva favur in-nisa. Għalkemm huwa minnu li t-tqassim ugwali ta’ pożizzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa huwa għan tal-Kummissjoni, u li hija implementat azzjonijiet u strateġiji pożittivi li jiffavorixxu l-attribuzzjoni ta’ pożizzjonijiet lill-kandidati nisa, l-istrumenti legali li fuqhom hija bbażata l-implementazzjoni ta’ din l-istrateġija ma humiex vinkolanti u, għaldaqstant, ma huwiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jivverifika l-osservanza tagħhom mill-istituzzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali huwa intenzjonat li japplika biss abbażi ta’ merti ugwali bejn il-kandidati.

(ara l-punti 180 sa 183 u 186)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il‑Kummissjoni, T‑137/03, ĠabraSP p. I‑A‑7 u II‑27, punti 120, 122 sa 124

6.      Il-prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera li għalih huwa intitolat kull uffiċjal fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu huwa applikat fl-ordni ta’ preferenza stabbilita fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għal dak li jikkonċerna l-mod ta’ reklutaġġ u skont l-obbligu li jsir eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati. F’dan ir-rigward, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jikkonferixxu l-ebda dritt għal promozzjoni, lanqas lill-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha sabiex ikunu jistgħu jiġu promossi. Fin-nuqqas ta’ argumenti speċifiċi li juru li l-amministrazzjoni tkun nisslet tamiet fondati fir-rigward tal-parti kkonċernata dwar il-pożizzjoni li tkun xtaqet tokkupa, hija ma tistax tibbaża ruħha fuq aspettattivi leġittimi sabiex tingħata din il-pożizzjoni.

(ara l-punti 196 u 197)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T‑52/90, Ġabra. p. II‑121, punt 24; C vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2007, Da Silva vs Il‑Kummissjoni, F‑21/06, Ġabra p. I‑0000, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      Meta r-restituzzjoni fis-sitwazzjoni legali li r-rikorrenti kienet tinsab fiha qabel l-annullament ta’ att mill-qorti Komunitarja tinvolvi l-annullament ta’ atti sussegwenti, iżda li jikkonċernaw terzi, tali annullament huwa ddikjarat bħala konsegwenza fil-każ biss, b’mod partikolari, fid-dawl tan-natura tal-illegalità mwettqa u tal-interess tad-dipartiment, li ma jkunx jidher li huwa eċċessiv.

Fil-fatt, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jirrikjedu li l-interess tar-rikorrenti, vittma tal-illegalità, li jiġi rrestitwit fid-dritt tiegħu, jiġu rrikonċiljati mal-interessi ta’ terzi, li s-sitwazzjoni legali tagħhom setgħet tnissel, fir-rigward tagħhom, aspettattiva leġittima. Diversi affarijiet li jsiru fl-aħħar tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, bħall-inklużjoni fil-lista tal-kandidati li jkunu għaddew minn kompetizzjoni, il-promozzjoni ta’ kandidat jew inkella l-ħatra ta’ uffiċjali f’pożizzjoni vakanti, jistgħu jitqiesu bħala li joħolqu sitwazzjoni legali li terzi jistgħu leġittimament ikollhom aspettattivi fir-rigward tal-legalità tagħha.

(ara l-punt 201)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Ġunju 1995, Coussios vs Il‑Kummissjoni, C‑119/94 P, Ġabra p. I‑1439, punt 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Mejju 1998, Wenk vs Il‑Kummissjoni, T‑159/96, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑593, punt 121; 31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑483, punti 85 u 86

8.      Il-qorti Komunitarja tista’, sabiex tiżgura, fl-interess tar-rikorrent, l-effikaċja ta’ sentenza ta’ annullament li ma jkollhiex l-effett li tiftaħ mill-ġdid l-proċedura ta’ għażla sabiex timtela l-pożizzjoni vakanti li għaliha jkun applika r-rikorrent, tagħmel użu mill-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa attribwita lilha fil-kawżi ta’ natura pekunarja u tikkundanna, ex officio, l-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens. Hija tista’ wkoll tordna lill-imsemmija istituzzjoni tipproteġi b’mod xieraq id-drittijiet tar-rikorrent billi tipprova ssib soluzzjoni ġusta għall-każ tiegħu.

(ara l-punt 214)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punt 14; Il-Qorti tal-Prim’Istanza Girardot vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il‑Kunsill, F‑6/07, Ġabra p. I‑0000, punt 127

9.      Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit li teżisti rabta kawżali bejn iċ-ċaħda tal-kandidatura ta’ uffiċjal għal pożizzjoni u d-dannu materjali li jirriżulta, għall-persuna kkonċernata, mid-differenza bejn is-salarji u l-vantaġġi li għalihom kien ikollu dritt li kieku kien ġie maħtur u dawk li effettivament ibbenefika minnhom, jeħtieġ, bħala prinċipju, li titressaq prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn l-iżball imwettaq mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata u l-imsemmi dannu.

Fil-kuntest partikolari ta’ pożizzjoni vakanti permezz ta’ promozzjoni, il-grad ta’ ċertezza tar-rabta kawżali jintlaħaq meta l-iżball imwettaq minn istituzzjoni Komunitarja jkun, b’mod ċert, ċaħħad persuna, mhux neċessarjament mill-possibbiltà li tingħata l-pożizzjoni inkwistjoni, li l-persuna kkonċernata qatt ma tista’ turi li kellha dritt għaliha, iżda minn opportunità serja li tiġi maħtura għaliha, bil-konsegwenza li l-parti kkonċernata ġġarrab dannu materjali li jikkonsisti f’telf ta’ qligħ. Meta jkun jidher perfettament probabbli, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-osservanza tal-legalità kienet twassal lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex tattribwixxi l-pożizzjoni lill-persuna kkonċernata, l-inċertezza teoretika li tibqa’ fir-rigward tal-eżitu li kien ikollha proċedura mmexxija b’mod regolari, ma tistax teskludi l-kumpens għad-dannu materjali reali li din il-persuna ġarrbet billi bagħtet l-applikazzjoni tagħha li ma ġietx magħżula għall-pożizzjoni li kellha kull possibbiltà li tingħata.

(ara l-punti 216 sa 218)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punti 149 u 150; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑250/04, Ġabra p. I‑0000, punti 95 u 96