Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fis-27 ta’ Jannar 2020 – Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA) vs PC, RE

(Kawża C-44/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA)

Konvenuti: PC, RE

Domandi preliminari

Il-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 u anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 1 , għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa minn ħaddiem għal żmien determinat impjegat mill-Awtorità f’funzjonijiet li jikkoinċidu ma’ dawk ta’ uffiċjal fil-kategorija korrispondenti tal-istess awtorità, jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi ddeterminata l-anzjanità tiegħu, anki fil-każ fejn, sussegwentement, ir-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat iseħħ bħala riżultat ta’ kompetizzjoni pubblika, minkejja li l-proċedura ta’ kompetizzjoni fiha karatteristiċi speċifiċi u, għal raġunijiet diġà indikati, twassal għal novazzjoni kompluta tar-relazzjoni u, b’interruzzjoni aċċettata mill-parteċipant fil-proċedura ta’ kompetizzjoni, għall-ħolqien ta’ relazzjoni ġdida kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ att awtorevoli ta’ reklutaġġ uffiċjali, obbligi speċjali u stabbiltà msaħħa partikolari?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (a) hawn fuq, l-anzjanità miksuba preċedentement għandha tiġi rrikonoxxuta b’mod sħiħ, jew hemm raġuni oġġettiva sabiex issir differenzazzjoni bejn il-kriterji ta’ rikonoxximent fir-rigward tar-rikonoxximent sħiħ minħabba l-karatteristiċi speċjali msemmija hawn fuq?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda (b) hawn fuq, liema huma l-kriterji li għandhom jiġu osservati għall-kalkolu tal-anzjanità li tista’ tiġi rrikonoxxuta sabiex din ma tkunx diskriminatorja?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).