Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-856/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Perrin u A. Sipos, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat 1 , billi applikat, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni mogħti sal-31 ta’ Diċembru 2017, dazju tas-sisa globali ta’ inqas minn 60% tal-prezz medju pponderat ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rrilaxxati għall-konsum u billi imponiet dazju tas-sisa ta’ inqas minn EUR 115 għal 1 000 sigarett.

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, mill-1 ta’ Jannar 2014 id-dazju tas-sisa globali li għalih huma suġġetti s-sigaretti għandu jirrappreżenta, bħala minimu, 60% tal-prezz medju pponderat ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rrilaxxati għall-konsum, b’eċċezzjoni ta’ jekk id-dazju tas-sisa jkunx jammonta minn tal-inqas EUR 115 għal 1 000 sigarett. Peress li l-Ungerija tapplika dazju tas-sisa ta’ inqas minn EUR 115 għal 1 000 sigarett, dan l-Istat Membru huwa suġġett għall-obbligu li jistabbilixxi dazju tas-sisa ta’ kwantità ekwivalenti jew ogħla minn 60 % tal-prezz medju pponderat.

Sabiex jintlaħaq dan l-ammont tad-dazju tas-sisa, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/64/UE ikkonċeda lill-Ungerija u lil seba’ Stati Membri oħra perijodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017. Bis-saħħa tal-Artikolu 10(2) u (3) tad-Direttiva 2011/64/UE, mat-tmiem ta’ dan il-perijodu l-imsemmija Stati Membri għandhom ikunu laħqu l-livell ta’ dazju tas-sisa msemmija.

Il-Kummissjoni tqis li, mat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, l-Ungerija ma laħqitx il-livelli ta’ dazju tas-sisa stabbiliti fl-Artikolu 10(2) u (3) tad-Direttiva 2011/64/UE u li, mill-31 ta’ Diċembru 2017, l-imsemmi Stat Membru jkompli japplika d-dazju tas-sisa ta’ kwantità inferjuri għal-livelli stabbiliti f’din id-direttiva.

____________

1     ĠU 2011, L 176, p.24