Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Ottubru 2019 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs SpaceNet AG

(Kawża C-793/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Konvenuta: SpaceNet AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) 1 , moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 2 , minn naħa, u tal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku li jżommu d-data li tirrigwarda t-traffiku u d-data ta’ lokalizzazzjoni tal-utenti finali ta’ dawn is-servizzi meta

dan l-obbligu ma jkunx suġġett għall-eżistenza ta’ raġuni speċifika mil-lat ġeografiku, ta’ żmien jew territorjali,

fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi telefoniċi aċċessibbli għall-pubbliku – inkluża l-komunikazzjoni permezz tal-messaġġi qosra (SMS), messaġġi multimedia jew messaġġi simili u t-telefonati li ma jitweġbux jew mingħajr suċċess –, l-obbligu ta’ żamma jkopri d-data li ġejja:

in-numru tat-telefon jew identifikazzjoni oħra tal-linja li qed iċċempel u ta’ dik li qed tirċievi t-telefonata, kif ukoll ta’ kwalunkwe linja oħra użata fil-każ ta’ trasferiment tat-telefonata jew ta’ devjazzjoni tat-telefonata,

id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni jew – fil-każ ta’ komunikazzjoni permezz tal-messaġġi qosra (SMS), messaġġi multimedia jew messaġġi simili – il-ħin li fih jintbagħat u jiġi rċevut il-messaġġ, u indikazzjoni taż-żona tal-ħin,

l-indikazzjonijiet rigward is-servizz użat meta servizzi differenti jistgħu jintużaw fil-kuntest tas-servizz telefoniku,

barra minn hekk, fil-każ ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli,

l-identità internazzjonali ta’ abbonat mobbli tal-persuna li qed tagħmel it-telefonata u ta’ dik li qed tirċievi t-telefonata,

l-identità internazzjonali tat-tagħmir terminali li qed jagħmel it-telefonata u li qed jirċievi t-telefonata,

id-data u l-ħin tal-ewwel attivazzjoni tas-servizz, b’indikazzjoni taż-żona tal-ħin, meta servizzi jkunu tħallsu bil-quddiem,

l-isem taċ-ċelloli (“tower cell”) li ntużaw mill-persuna li qed tagħmel it-telefonata u minn dik li qed tirċievi t-telefonata fil-bidu tal-komunikazzjoni,

kif ukoll, fil-każ tas-servizzi ta’ telefonija permezz tal-internet, l-indirizzi IP (protokoll tal-internet) tal-persuna li qed tagħmel it-telefonata u ta’ dik li qed tirċievi t-telefonata u n-numri ta’ identifikazzjoni attribwiti,

fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet aċċessibbli għall-pubbliku, l-obbligu ta’ żamma jkopri d-data li ġejja:

l-indirizz IP attribwit lill-abbonat għall-finijiet tal-użu tal-internet,

l-identifikazzjoni ċara tal-konnessjoni li tippermetti l-aċċess għall-internet, kif ukoll in-numru ta’ identifikazzjoni attribwit,

id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-użu tal-internet mill-indirizz IP attribwit, b’indikazzjoni taż-żona tal-ħin,

fil-każ ta’ użu mobbli, l-isem taċ-ċelloli li ntużaw fil-bidu tal-konnessjoni internet,

id-data li ġejja ma tistax tinżamm:

il-kontenut tal-komunikazzjoni,

id-data rigward is-siti tal-internet ikkonsultati,

id-data tas-servizzi ta’ posta elettronika,

id-data sottostanti l-komunikazzjonijiet lejn jew minn ċerti linji attribwiti lil persuni, awtoritajiet u organizzazzjonijiet ta’ natura soċjali jew reliġjuża,

it-tul ta’ żmien taż-żamma huwa ta’ erba’ ġimgħat għad-data ta’ lokalizzazzjoni, jiġifieri l-isem taċ-ċelloli użati, u ta’ għaxar ġimgħat għad-data l-oħra,

protezzjoni effettiva tad-data miżmuma mir-riskji ta’ abbuż kif ukoll minn kull aċċess illegali għal din id-data hija żgurata,

id-data miżmuma tista’ tintuża biss għall-finijiet tal-issanzjonar tal-ksur serju jew għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ riskju konkret għall-integrità fiżika, il-ħajja jew il-libertà ta’ persuna jew għall-eżistenza tar-Repubblika Federali jew ta’ Land, bl-eċċezzjoni f’dak li jirrigwarda l-indirizz IP attribwit lill-abbonat għall-użu tal-internet, li jista’ jintuża fil-kuntest tal-provvista ta’ informazzjoni dwar id-data marbuta mal-abbonat għall-finijiet tal-issanzjonar ta’ kwalunkwe ksur kriminali, tal-prevenzjoni ta’ riskju għas-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku kif ukoll għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-missjonijiet tas-servizzi ta’ informazzjoni?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514, emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 2009/136/KE (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).

2     ĠU 2000, C 364, p. 1.