Appell ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2019 minn Banco Santander, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-227/10, Banco Santander, S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-52/19 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Banco Santander, S.A. (rappreżentanti: J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero u A. Lamadrid de Pablo, abogados)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2018;
tilqa’ r-rikors għal annullament u tannulla definittivament id-deċiżjoni kkontestata; u
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fil-15 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Ġenerali tat sentenza fil-Kawża T-227/10, Banco Santander, S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea 1 , li kontriha huwa indirizzat dan l-appell. Is-sentenza ċaħdet ir-rikors tal-appellant kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta’ Ottubru 2009 2 , dwar l-“avvjament finanzjarju” irregolat fl-Artikolu 12.5 tal-Ley de Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi Spanjola dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji).
Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju uniku, dwar żbalji ta’ liġi li fiha s-sentenza appellata fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-kunċett ta’ “selettività”.
B’mod partikolari, l-appell jallega li s-sentenza appellata wettqet żball:
- fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment fl-ewwel fażi tal-analiżi tas-selettività;
- fid-determinazzjoni tal-għan li abbażi tiegħu jitqabblu d-diversi sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi fit-tieni fażi tal-analiżi tas-selettività;
- konsegwentement, hija wettqet ukoll żball fl-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;
- sussidjarjament, fl-analiżi tagħha fir-rigward tal-allegata assenza ta’ prova tal-kawżalità bejn l-impossibbiltà tal-impriżi li jamalgamaw barra l-pajjiż u l-akkwist ta’ ishma barra l-pajjiż; u
- sussidjarjament, meta eskludiet s-separabbiltà tal-miżura abbażi tal-perċentwali ta’ kontroll.
- Flimkien maż-żamma ta’ raġunament ġuridikament inkorrett, is-sentenza tissostitwixxi f’diversi minn dawn il-punti r-raġunament tad-deċiżjoni b’raġunament tagħha, u b’hekk twassal għal żbalji addizzjonali ta’ liġi.
____________
1 Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Banco Santander vs Il-Kummissjoni (T-227/10, mhux ippubblikata, EU:T:2018:785).
2 Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE tat-28 ta’ Ottubru 2009 Dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48).