Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-298/19)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Konstantinidis u E. Manhaeve, agenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika Ellenika, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2015, fil-Kawża C-149/14, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika 1 , naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ħlas tal-multa proposta, ekwivalenti għal EUR 23 753.25, għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-149/14, mill-jum tal-għoti tas-sentenza fl-imsemmija kawża sal-jum li fih tkun ġiet eżegwita s-sentenza mogħtija fl-imsemmija kawża;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ kuljum ekwivalenti għal EUR 2 639.25, mill-jum tal-għoti tas-sentenza fil-Kawża C-149/14 sal-jum li fih tingħata s-sentenza f’din il-kawża jew sad-data li fih tkun ġiet eżegwita s-sentenza fil-Kawża C-149/14, jekk dan iseħħ f’data preċedenti u f’każ li l-imsemmija somma ma tkunx ikbar minn dan l-ammont, tikkundannaha għall-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa minima ta’ EUR 1 310 000;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.    Skont l-Artikolu 260(1) TFUE ir-Repubblika Ellenika hija obbligata tadotta il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-149/14. Madankollu, ir-Repubblica Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx programmi ta’ azzjoni inkonnessjoni maż-żoni vulnerabbli ikkaratterizzati mill-preżenza ta’ passaġġi ta’ ilma tas-superfiċji u ta’ taħt l-art imniġġsa b’nitrati li joriġinaw minn sorsi agrikoli. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

2.    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ somma ta’ kuljuum li titħallas f’daqqa ekwivalenti għal EUR 2 639.25 u ta’ multa ta’ kuljum ekwivalenti għal EUR 23 753.25. L-ammont tas-somma li titħallas f’daqqa u l-ammont tal-multa ġew ikkalkulati b’kont meħud tas-serjetà u t-tul tal-ksur kif ukoll tal-effett ta’ deterrent, skont il-kapaċità finanzjarja ta’ tali Stat Membru.

____________

1 EU:C:2015:264.