Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Novembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court of the United Kingdom - ir-Renju Unit) – The Queen, fuq talba ta’: ClientEarth vs The Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs

(Kawża C-404/13) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Kwalità tal-arja –Direttiva 2008/50/KE – Valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu – Obbligu li jintalab posponiment tat-terminu ffissat billi jiġi ppreżentat pjan dwar il-kwalità tal-arja – Sanzjonijiet)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court of the United Kingdom

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Queen, fuq talba ta’: ClientEarth

Konvenut: The Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs

Dispożittiv

L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jipposponi, għal massimu ta’ ħames snin, it-terminu ffissat minn din id-direttiva għall-osservanza tal-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu indikati fl-Anness XI tagħha, Stat Membru huwa obbligat iressaq talba għal tali posponiment u jistabbilixxi pjan dwar il-kwalità tal-arja, meta jkun jidher b’mod oġġettiv, fid-dawl tad-data eżistenti, u minkejja l-applikazzjoni minn dan l-Istat ta’ miżuri adegwati ta’ tnaqqis tat-tniġġis, li dawn il-valuri ma jistgħux jiġu osservati f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari fit-terminu indikat. Id-Direttiva 2008/50 ma tinkludi ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 22(1).Fil-każ li jkun jidher li l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu ffissati fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ma jistgħux jiġu osservati, f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari ta’ Stat Membru, wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2010 indikata f’dan l-anness, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun talab il-posponiment ta’ din l-iskadenza skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50, it-tħejjija ta’ pjan dwar il-kwalità tal-ajru li jkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva ma tistax tippermetti, fiha nfisha, li jiġi kkunsidrat li dan l-Istat madankollu ssodisfa l-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.Meta Stat Membru ma jkunx osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, filwaqt li ma jkunx talab il-posponiment tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali kompetenti, li tiġi eventwalment adita, li għandha tieħu kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali, bil-għan li din l-awtorit

à tistabbilixxi l-pjan li teżiġi l-imsemmija direttiva taħt il-kundizzjonijiet previsti minnha.