Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD) (il-Portugall) fis-27 ta’ Frar 2020 – RC vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-103/20)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: RC

Konvenuta: Autoridade Tributária e Aduaneira

Domandi preliminari

L-Artikoli 12 KE, 18 KE, 39 KE, 43 KE u 56 KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-apprezzamenti fil-valur li jirriżultaw mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fi Stat Membru, meta dan il-bejgħ isir minn resident fi Stat Membru ieħor, jibqgħu, awtomatikament, suġġetti għal trattament fiskali differenti minn dak applikabbli, b’rabta ma’ dan l-istess tip ta’ tranżazzjoni, fuq l-apprezzamenti fil-valur magħmula minn resident tal-Istat li fih tinsab din il-proprjetà immobbli, iżda bil-possibbiltà, fuq għażla tal-persuna taxxabbli mhux residenti, li din tiġi ntaxxata taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-persuna taxxabbli residenti?

B’mod speċifiku, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ċċitati jipprekludu l-koeżistenza ta’:

(i)    Regola li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata speċjali ta’  28 % applikabbli għall-apprezzamenti fil-valur ta’ proprjetà immobbli magħmula minn persuni mhux residenti,

(ii)    Regola li tipprevedi li l-bilanċ tal-apprezzamenti fil-valur magħmula tul sena, fir-rigward tat-trasferimenti mwettqa minn residenti, jiġi kkunsidrat biss għal 50 % tal-valur tiegħu,

(iii)    Kif ukoll regola li tipprevedi li r-residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jistgħu jagħżlu t-tassazzjoni skont ir-rati ġenerali applikabbli għar-residenti (minflok ir-rata speċjali applikabbli għall-persuni mhux residenti) suġġett għall-inklużjoni tad-dħul kollu, sew dak miksub ġewwa kif ukoll dak miksub barra mit-territorju ta’ dan l-Istat, taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għar-residenti?

Jiġifieri, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludu li l-persuna mhux residenti għandha tagħżel bejn

li tiġi ntaxxata 100 % taħt il-kundizzjonijiet tar-rata speċjali? jew

li tiġi ntaxxata 50 % bħar-residenti, skont ir-rati applikabbli għar-residenti suġġett għall-inklużjoni tad-dħul kollu taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għar-residenti?

____________