Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ April 2020 minn WD mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-12 ta’ Frar 2020 fil-Kawża T-320/18, WD vs EFSA

(Kawża C-167/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: WD (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2020 fil-Kawża T-320/18;

konsegwentement, tagħti lill-appellanti l-benefiċċju tat-talbiet tagħha fl-ewwel istanza u, għaldaqstant,

tannulla d-deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2017 meħuda mid-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA fil-kariga tiegħu bħala awtorità kompetenti li tikkonkludi kuntratti (iktar ʼil quddiem l-‟AKTKˮ), li minnha jirriżulta li l-appellanti ma tinsabx fost il-membri tal-persunal promoss matul l-eżerċizzju ta' klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2017;

tannulla d-deċiżjoni tal-AKTK tad-9 ta’ Frar 2018 li tiċħad l-ilment tal-10 ta’ Ottubru 2017 kontra d-deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2017;

tannulla d-deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2017, notifikata fl-10 ta’ Awwissu  2017, meħuda mid-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA fil-kapaċità tiegħu bħala AKTK, li ma ġġeddidx il-kuntratt ta ‘ xogħol tal-appellanti;

tannulla d-deċiżjoni tal-AKTK tat-12 ta’ Marzu 2018 li tiċħad l-ilment tal-10 ta’ Novembru 2017 kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2017;

tagħti kumpens għad-danni mġarrba;

tikkundanna lill-appellata tbati l-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-EFSA tal-14 ta’ Lulju 2017 li ma tikklassifikax mill-ġdid ir-rikorrenti għall-grad AST 6 bħala parti mill-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2017, l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tar-regoli proċedurali applikabbli u b’mod partikolari tar-regoli ta’ ammissibbiltà tal-motivi, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ żnaturament tal-fajl. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-qafas regolatorju applikabbli (l-Artikolu 54 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, deċiżjoni tat-22 ta’ April 2008 u dokument ta’ gwida tat-30 ta’ Ġunju 2010), ksur tar-regoli tal-produzzjoni tal-prova kif ukoll obbligu ta ’motivazzjoni.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-EFSA tad-9 ta’ Awwissu 2017 li ma ġġeddidx il-kuntratt tal-appellantii, l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2012. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u ta’ istruzzjoni tas-7 ta’ Marzu 2017 kif ukoll żnaturament tal-fajl. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-kunċetti ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ poter, żnataurament tal-fajl u ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova.

____________