Language of document : ECLI:EU:C:2010:544

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentata fit-22 ta’ Settembru 2010 (1)

Kawża C‑400/10 PPU

J. McB.

vs

L. E.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Supreme Court (l‑Irlanda))

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u infurzar ta’ sentenzi – Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Ulied li l-ġenituri tagħhom ma humiex miżżewġin – Dritt ta’ kustodja tal-missier – Obbligu li jkun hemm sentenza mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tagħti d-dritt ta’ kustodja tal-minuri – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (2), imsejjaħ ir-“Regolament Brussell II bis”.

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem is-Supreme Court (l-Irlanda) minn J. McB., missier ta’ tliet minuri (3) kontra d-deċiżjoni tal-High Court (l-Irlanda) tat-28 ta’ April 2010, minħabba li din il-qorti kienet ċaħdet it-talba tiegħu għal deċiżjoni jew determinazzjoni li tikkonstata li t-tneħħija ta’ minuri lejn ir-Renju Unit f’Lulju 2009 minn L. E., ommhom, hija illegali fis-sens tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003 u li l-missier tal-minuri kellu dritt ta’ kustodja fid-data ta’ din it-tneħħija. J. McB ma huwiex miżżewweġ lil L.E. u qatt ma kien. Ma hemm l-ebda sentenza li tagħtih id-dritt ta’ kustodja fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-minuri li għandhom inkomuni bejniethom.

3.        Din il-kwistjoni tressqet quddiem il-qrati Irlandiżi, peress li l-qorti Ingliża, li l-missier mar quddiemha sabiex jikseb ir-ritorn tal-minuri [il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir‑Renju Unit)] talbitu, skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri (4), jipproduċi deċiżjoni mill‑awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri, l-Irlanda, li tikkonstata li t-tneħħija kienet illegali.

4.        Skont id-dritt Irlandiż, il-missier naturali tal-minuri ma jgawdix ipso jure minn dritt sħiħ ta’ kustodja, iżda jista’ jiksbu bħala riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Il-fatt li ġenituri mhux miżżewġin kienu kkoabitaw u li l-missier kien ipparteċipa attivament fl-edukazzjoni tal-minuri, bħal f’dan il-każ, ma jagħtihx tali dritt. Id-domanda preliminari hija jekk ir-Regolament Nru 2201/2003, li jista’ eventwalment jiġi interpretat skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5), jipprekludix id-dritt Irlandiż milli jissuġġetta d-dritt ta’ kustodja tal-missier naturali għal tali deċiżjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal‑Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali

5.        L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (6) jipprovdi kif ġej:

“Artikolu 8

Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja

1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2.      Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta’ delitti għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.”

B –    Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980

6.        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haage tal-1980 jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni għandha l-għan li:

(a)      tiżgura r-ritorn malajr ta’ minuri li jkunu tneħħew jew inżammu illegalment f’xi Stat Kontraenti;

(b)      tiżgura li d-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ aċċess taħt il-liġi ta’ Stat Kontraenti jiġu rrispettati effettivament fl-Istati Kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprovdi:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu bħala illegali:

(a)      meta dan ikun bi ksur tad-dritt ta’ kustodja, vestit f’persuna, istituzzjoni jew korp ieħor, kemm singolarment, kif ukoll konġuntement, taħt il-liġi tal-Istat fejn il-minuri kien soltu joqgħod minnufih qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu, u

(b)      fil-waqt tat-tneħħija jew taż-żamma dan id-dritt kien ġie eżerċitat, waħdu jew konġuntement, jew kien jiġi eżerċitat li kieku ma seħħewx tali ġrajjiet.

Id-dritt ta’ kustodja imsemmi fis-subparagrafu (a) jista’ b’mod partikolari joriġina ipso jure, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dan l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

8.        L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jistabbilixxi:

“Il-Konvenzjoni tapplika għal kull minuri li kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Kontraenti minnufih qabel ma ġew ippreġudikati d-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ aċċess. L-applikazzjoni tal-Konvenzjoni għandha tieqaf meta l-minuri jilħaq l-età ta’ 16-il sena.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

9.        Skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

(a)      ‛dritt ta’ kustodja’ jinkludi d-dritt relatat mal-kura tal-persuna tal-minuri, u b’mod partikolari, id-dritt sabiex jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza tiegħu;

(b)      ‛dritt ta’ aċċess’ jinkludi d-dritt li tieħu minuri għal perijodu limitat ta’ żmien f’post minbarra r-residenza abitwali tal-minuri”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      Il-Kapitolu III tal-imsemmija Konvenzjoni jirrigwarda r-ritorn tal-minuri u l-Artikolu 8(1) jipprovdi:

“Il-persuna, l-istituzzjoni jew il-korp li jsostni li minuri ġie mneħħi jew miżmum bi ksur tad-dritt ta’ kustodja jistgħu jmorru jew quddiem l-Awtorità ċentrali tar-residenza abitwali tal-minuri, jew quddiem dik ta’ kwalunkwe Stat kontraenti ieħor, għall-assistenza tagħhom sabiex ir-ritorn tal-minuri jiġi żgurat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

11.      L-Artikolu 15 tal-istess Konvenzjoni jipprovdi:

“L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ Stat Kontraenti jistgħu, qabel ma jordnaw ir-ritorn tal-minuri, jitolbu li l-applikant jippreżenta deċiżjoni jew determinazzjoni oħra mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri li tikkonstata li t-tneħħija jew iż-żamma kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni, sa fejn dik id-deċiżjoni jew dik id-determinazzjoni tista’ tinkiseb f’dan l-Istat. L-Awtoritajiet ċentrali tal-Istati Kontraenti għandhom jassistu sa fejn jistgħu lill-applikant sabiex jikseb tali deċiżjoni jew determinazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

C –    It-Trattati

12.      L-Artikolu 6 TUE jipprovdi:

“L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tas- 7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b’kont debitu meħud ta’ l-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.      […]

3.      Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.”

13.      L-Artikolu 4 TFUE jistabbilixxi:

“1.       L-Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6.

2.       Il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin:

[…]

j)      l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”.

14.      L-Artikolu 81 TFUE jipprovdi:

“1.      L-Unjoni għandha tiżviluppa koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji. Din il-koperazzjoni tista’ tinkludi l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw, b’mod partikolari fejn dan ikun meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, miżuri bil-għan li jassiguraw:

a)      ir-rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri u l-infuzar ta’ deċiżjonijiet f’każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji;

[…]

ċ)      il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġurisdizzjoni;

[…]

e)      aċċess effettiv għall-ġustizzja”.

15.      Il-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta għall-Polonja u għar-Renju Unit jistabbilixxi:

“Artikolu 1

1.      Il-Karta ma testendix il-fakulta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet, il-prattiki jew l-azzjonijiet amministrattivi tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji fundamentali li hija tafferma mill-ġdid.

2.      B’mod partikolari, u biex jiġi evitat kull dubbju, xejn fit-Titolu IV tal-Karta ma joħloq drittijiet ġustizzjabbli applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn il-Polonja jew ir-Renju Unit ikunu ipprevedew tali drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom.”

D –    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

16.      L-Artikolu 7 tal-Karta jipprovdi kif ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.”

17.      L-Artikolu 24(3) tal-Karta jiddisponi:

“3.      It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.”

18.      It-Titolu VII tal-Karta jinkludi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Karta. L-Artikolu 51, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.      Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

E –    Ir-Regolament Nru 2201/2003

19.      Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003 tinqara kif ġej:

“Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.”

20.      Il-Premessa 17 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati ta’ l-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.”

21.      Mill-premessa 30 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li r-Renju Unit u l-Irlanda taw avviż tax-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

22.      Il-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 tinqara kif ġej:

“Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

23.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

(b)      l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.      Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

(a)      drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]”

24.      L-Artikolu 2(7)(9) u (11) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(7)      il-kliem ‛responsabbilità ta’ l-ġenituri’; għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

(9)      il-kliem ‛drittijiet ta’ kustodja’; għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]

(11)      il-kliem ‛tneħħija nġusta [illegali] jew iż-żamma’; għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

(a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

(b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

25.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri” jipprovdi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

(a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew

(b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

(i)      Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentatquddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

(ii)      talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

(iii) każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

(iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta [illegali] jew iż-żamma.”

26.      L-Artikolu 11 tar-Regolament, dwar ir-“Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi:

“1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ [l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

[…]

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

[…]”

27.      L-Artikoli 60 u 62 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdu:

“Artikolu 60

Ir-Relazzjonijiet ma’ ċerti konvenzjonijiet multilaterali

Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

[…]

(e)      il-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-25 ta’ Ottubru ta’ l-1980 dwar l-Aspetti Ċivili Internazzjonali tal-Htif [L-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali] tal-Minuri.

“Artikolu 62

L-Iskop ta’ l-effetti

1.      Il-ftehim u l-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 59(1), 60 u 61 għandhom ikomplu jkunu effettivi fir-rigward ta’ kwistjonijiet li m’humiex irregolati minn dan ir-Regolament.

2.      Il-Konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60, u partikolarment il-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, ikomplu jipproduċu l-effetti bejn l-Istati Membri li huma parti fihom, skond l-Artikolu 60.”

F –    Id-dritt nazzjonali

28.      Skont l-Artikolu 6A tal-liġi tal-1964 dwar il-tutela tal-minuri (7), “fejn il-missier u omm ma humiex miżżewġin lil xulxin, il-qorti tista’, fuq talba tal-missier, permezz ta’ digriet taħtar tutur tal-minuri.” Barra minn hekk, l-Artikolu 11(4) tal-liġi tal-1964 (8)jipprovdi:

“Fil-każ ta’ minuri li l-missier u l-omm ma humiex miżżewġin lil xulxin, id-dritt li, taħt dan l-artikolu, tiġi introdotta talba sew għall-kustodja tal-minuri kif ukoll għad-dritt għal aċċess ta’ missieru jew ta’ ommu jestendi għall-missier li ma jkunx it-tutur tal-minuri u, għal dan il-għan, ir-riferimenti magħmula minn dan l-artikolu għall-missier jew għall-ġenitur ta’ minuri għandhom jiġu interpretati bħala li jinkluduh.”

29.      Il-liġi dwar il-ħtif tal-minuri u l-infurzar ta’ sentenzi dwar il-kustodja tal-1991 (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1991”) (9) tipprovdi fl-Artikolu 15(1) tagħha li qorti kompetenti tista’ tikkonstata li t-tneħħija ta’ minuri barra mill-Irlanda tikkostitwixxi, fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma fi Stat Membru, tneħħija jew żamma illegali fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, jew hija illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

30.      L-omm tal-minuri li l-kustodja tagħhom hija s-suġġett tal-kawża hija ta’ nazzjonalità Brittanika. Il-missier huwa ta’ nazzjonalità Irlandiża. Huma qatt ma kienu miżżewġin, iżda għexu flimkien fl-Ingilterra, fl-Awstralja, fl-Irlanda ta’ Fuq u, minn Novembru 2008, fl-Irlanda. L-elementi prinċipali tal-kuntest fattwali u proċedurali jistgħu jiġu mqassra fil-forma ta’ tabella sommarja.

Data

Irlanda

Renju Unit

2000

 

Twelid tal-ewwel minuri (l-Ingilterra)

2002

 

Twelid tat-tieni minuri (l-Ingilterra)

2007

 

Twelid tat-tielet minuri (l-Irlanda ta’ Fuq) 

Novembru 2008

Il-partijiet saru residenti fl-Irlanda

 

11 ta’ Lulju 2009

L-omm ħadet lill-minuri f’dar ta’ kenn għan-nisa

 

25 ta’ Lulju 2009

 

L-omm ħadet lill-minuri fir-Renju Unit

2 ta’ Novembru 2009

 

Il-missier ippreżenta quddiem il-High Court of Justice (Family Division) of England and Wales att promotur ta’ kawża li bih huwa talab lill-qorti sabiex tordna r-ritorn tal-minuri lura lejn l-Irlanda, skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li timplementa l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u skont ir-Regolament Nru 2201/2003

20 ta’ Novembru 2009

 

Il-qorti Ingliża talbet lill-missier, skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, sabiex jikseb mill-High Court (l-Irlanda) deċiżjoni jew determinazzjoni li tikkonstata li t-tneħħija tal-minuri barra mill-Irlanda kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni

22 ta’ Diċembru 2009

Il-missier beda, fil-High Court (l-Irlanda), proċeduri sabiex jikseb dikjarazzjoni, skont il-liġi Irlandiża li timplementa l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 15 tagħha, li t-tneħħija tal-minuri barra mill-Irlanda fix-xahar ta’ Lulju 2009 kienet illegali, fis-sens kemm tal-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003.

Permezz tal-istess azzjoni, il-missier talab lill-imsemmija High Court tordna li t-tutela u l-kustodja tal-minuri huma fdati lilu. Dawn l-aħħar żewġ kwistjonijiet għadhom ma ġewx deċiżi mill-qrati Irlandiżi.

 

28 ta’ April 2010

Il-High Court (l-Irlanda) iddeċidiet li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kellu ebda dritt ta’ kustodja fil-konfront tal-minuri fil-waqt tat-tneħħija tagħhom barra mill-Irlanda u li din it-tneħħija ma kinitx, konsegwentement, illegali fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni jew ta’ dan ir-regolament.

 
 

Il-missier ressaq appell kontra din is-sentenza quddiem is-Supreme Court

 

30 ta’ Lulju 2010

Is-Supreme Court ifformulat domanda preliminari

 


31.      Fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, is-Supreme Court osservat li l-missier ma kellu l-ebda dritt ta’ kustodja tal-minuri tiegħu fil-25 ta’ Lulju 2009, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Madankollu, hija tosserva li l-kunċett ta’ “drittijiet ta’ kustodja” huwa issa ddefinit għall-finijiet ta’ talbiet għar-ritorn ta’ minuri minn Stat Membru għal ieħor abbażi tal-Konvenzjoni, fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003.

32.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li la d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, u lanqas dawk tal-Artikolu 7 tal-Karta ma jimplikaw li l-missier naturali ta’ minuri għandu neċessarjament jiġi kkunsidrat bħala li għandu dritt ta’ kustodja fuqu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura illegali jew le tat-tneħħija tal-minuri, fin-nuqqas ta’ deċizjoni ġudizzjarja li tagħtih tali dritt. Madankollu, hija tosserva li interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33.      Is-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

34.      “Ir-Regolament [Nru2201/2003] interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 7 tal-[Karta] jew b’mod ieħor, jipprekludi li l-liġi ta’ Stat Membru teħtieġ li l-missier ta’ wild li mhuwiex miżżewweġ ma’ omm il-wild jikseb mingħand il-qorti kompetenti deċiżjoni li tafdalu l-kustodja ta’ dan il-wild sabiex jiġi kkunsidrat li għandu “drittijiet ta’ kustodja” li jirrendu t-tneħħija tal-wild barra mill-pajjiż ta’ residenza abitwali illegali għall-finijiet tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-Regolament?”


IV – Opinjoni

A –    Ammissibbiltà

35.      Il-Kummissjoni Ewropea eċċepiet l-inammissibbiltà potenzjali tad-domanda preliminari. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rreferiet ukoll għan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari. Skont il-Gvern Ġermaniż, din fil-verità tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u mhux l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Il-kwistjonijiet imqajma jikkonċernaw ukoll ir-relazzjoni bejn l-imsemmija konvenzjoni u dan ir-Regolament.

36.      Il-Kummissjoni tinnota li l-qrati Irlandiżi għandhom quddiemhom, skont l-Artikolu 15 tal-Liġi tal-1991, rikors ippreżentat skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, sabiex jiġi kkonstatat li t-tneħħija tal-minuri tar-rikorrent fil-kawża prinċipali barra mill-Irlanda kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003.

37.      Il-Kummissjoni għandha dubji dwar jekk id-domanda preliminari effettivament tirrigwardax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003, jew jekk tikkonċernax pjuttost l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Li kieku dan kien il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex is-setgħa li tirrispondi għad-domanda magħmula lilha peress li l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti għall-imsemmija konvenzjoni, anki jekk l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti.

38.      Skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni restrittiva hija kkorroborata mill-fatt li, fiż-żmien meta tressqu l-proċeduri quddiem il-qrati Irlandiżi, ir-Regolament Nru 2201/2003 ma kienx għadu applikabbli.

39.      Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li l-kawża fil-mertu quddiem is-Supreme Court tikkonċerna espressament l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 u tal-Karta, u mhux l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Il-fatt li l-kawża pendenti fir-Renju Unit tikkonċerna l-applikabbiltà tal-imsemmija konvenzjoni ma jibdel xejn f’dan ir-rigward. B’hekk, titqajjem domanda dwar id-dritt tal-Unjoni li la ma hija ipotetika u lanqas irrilevanti għall-qorti tar-rinviju.

40.      Fit-tieni lok, infakkar li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ma kinitx tagħmel parti, fiha nnifisha, mis-sistema legali tal-Unjoni u li l-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tinterpreta din il-konvenzjoni (10).

41.      Madankollu, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Unjoni hija kompetenti biex tilleġiżla fuq materji relatati mal-ġurisdizzjoni, mar-rikonoxximent u mal-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (11). B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li dan ir-regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delega, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità tal-ġenituri, u tirriproduċi għaldaqstant il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Huwa biss permezz tal-konnessjoni tal-Artikoli 60 u 62 tar-Regolament Nru 2201/2003 li l-leġiżlatur stabbilixxa mill-ġdid l-effetti tal-imsemmija konvenzjoni meta ddikjaraha applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri għall-kwistjonijiet mhux koperti mill-imsemmi regolament. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2201/2003 jipprevali fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sa fejn l-imsemmija konvenzjoni tirrigwarda materji mhux koperti minn dan ir-regolament, iżda l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tkompli tipproduċi l-effetti tagħha fil-materji mhux regolati minn dan ir-regolament (12). Il-leġiżlatur għalhekk għażel li jirreferi għal dispożizzjonijiet ta’ strument eżistenti tad-dritt internazzjonali pubbliku minflok ma adotta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fuq l-istess materja.

42.      In-neċessità li fl-abbozz tar-Regolament Nru 2201/2003 jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet li jittrattaw l-istess materja bħall-Konvenjoni ta’ Den Haag tal-1980 kienet kwistjoni kontroversjali f’dak iż-żmien (13). Ir-Regolament Nru 2201/2003, kif adottat, ikopri numru kbir ta’ sitwazzjonijiet li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Skont l-imsemmi regolament, fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ minuri, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 “għandha tkompli tapplika kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari l-Artikolu 11” (14).

43.      Għalkemm l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jidher li jissuġġetta l-applikabbiltà tal-liġi għal konstatazzjoni tal-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tat-tneħħija bejn Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u r-Regolament Nru 2201/2003 huma inseparabbilment marbuta għal dak jikkonċerna l-applikazzjoni tagħhom.

44.      Barra minn hekk, sa fejn tintuża definizzjoni simili kemm fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 kif ukoll fir-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkunsidrat li din il-formulazzjoni ġiet “kommunitarizzata” u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpretaha (15). Dan huwa l-każ pereżempju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tneħħija jew żamma hijiex legali jew le, li hija ddefinita fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, għandu jiġi rrimarkat li hemm xi differenzi bejn l-imsemmi regolament u l-imsemmija konvenzjoni (16).

45.      Peress li r-rinviju preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, nipproponi għaldaqstant sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-domanda hija ammissibbli.

B –    Fuq il-mertu

1.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003

46.      Nosserva li l-Artikolu 2(11)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-espressjoni “tneħħija jew żamma nġusta [illegali]” tfisser it-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri meta jkun hemm “ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma”. L-espressjoni “drittijiet ta’ kustodja” skont l-Artikolu 2(9) ta’ dan ir-regolament tkopri d-“drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri”.

47.      Bħas-Suprme Court u l-Kummissjoni, nikkunsidra li l-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma tħalli ebda dubju jew ambigwità dwar l-interpretazzjoni tagħhom: huwa ċar li huwa d-dritt tal-Istat Membru fejn il-minuri kien jirrisjedi abitwalment qabel it-tneħħija tiegħu jew iż-żamma tiegħu li għandu jiddetermina jekk l-imsemmija tneħħija jew żamma hijiex legali jew le. Peress li s-Supreme Court ikkonstatat b’mod ċar li l-missier ma kellux dritt ta’ kustodja skont id-dritt Irlandiż u li ma setax jistrieħ fuq id-dispożizzjonijiet li jippermettulu li jipprekludi t-tneħħija tal-minuri, jirriżulta li t-tneħħija ta’ minuri barra mill-Irlanda u ż-żamma tagħhom fir-Renju Unit ma kinitx illegali fis-sens tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003.

48.      Id-distinzjoni ċara li saret bejn l-għoti kważi-awtomatiku tad-dritt ta’ kustodja lill-missier jew in-nuqqas ta’ dan l-għoti, skont jekk huwiex miżżewweġ jew le, tidher li hija pjuttost mifruxa fl-Istati Membri.

49.      F’dan ir-rigward, ikun utli li jissemma’ rapport reċenti li jikkunsidra l-għoti tar-“responsabbilità tal-ġenituri” f’ċerti pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa (17). Peress li dan ir-rapport jeżamina l-kwistjoni tar-“responsabbiltà tal-ġenituri”, għandu jiġi osservat li dan ma huwiex neċessarjament l-istess bħad-dritt ta’ kustodja msemmija fir-Regolament Nru 2201/2003. Fi kwalunkwe każ, il-Professur Lowe jinnota li “l-Istati Membri eżaminati jagħtu r-responsabbiltà tal-ġenituri konġunta lill-ġenituri ta’ minuri mwielda fiż-żwieġ u r-responsabbiltà tal-ġenituri lill-ommijiet ta’ tfal imwielda barra miż-żwieġ”. Dan jikkorrispondi għar-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-istess sens minn ċerti strumenti internazzjonali.

50.      Għall-minuri ta’ koppji mhux miżżewġin, is-sitwazzjoni hija differenti, u pjuttost diversa. Fi ħdax-il pajjiż, ladarba l-paternità hija stabbilita, permezz ta’ rikonoxximent jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, iż-żewġ ġenituri għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri konġunta. Madankollu, fi ħdax-il pajjiż ieħor dan ma huwiex biżżejjed. Il-missier għandu jieħu miżuri oħra sabiex jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri (pereżempju, billi jiżżeweġ lill-omm, permezz ta’ ftehim magħha jew billi jikseb deċiżjoni ġudizzjarja). Din id-diverġenza fl-approċċi hija riflessa fid-diverġenza ta’ strumenti internazzjonali dwar din il-kwistjoni (18).

51.      Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni Irlandiża, li tidher li hija iktar qrib it-tieni grupp imsemmi, ma tidher bl-ebda mod li hija eċċezzjonali.

52.      Bħala konklużjoni, ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jistabbilixxix kondizzjonijiet għall-għoti tad-dritt ta’ kustodja, anki jekk jelenka d-deċiżjoni ġudizzjarja, l-għoti ipso jure jew ftehim fis-seħħ bħala t-tliet forom ta’ dan id-dritt, u li jħalli barra l-avverbju “b’mod partikolari” imsemmi mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 (19), li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-lista hija limitattiva hawnhekk. Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jistabbilixxix liema ġenitur għandu jkollu d-dritt ta’ kustodja. Din il-kwistjoni lanqas ma hija rregolata mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali.

53.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003 jinkludi wkoll regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet. Huwa jiddetermina l-liġi applikabbli għad-definizzjoni tad-dritt ta’ kustodja fil-kuntest tat-tneħħija illegali ta’ minuri. Fost diversi possibbiltajiet, l-għażla magħmula minn dan ir-regolament iffokat fuq il-“il-liġi tal-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma”. F’dan ir-rigward, u għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru 2201/2003, kwalunkwe dritt ieħor ta’ kustodja eventwalment miksub f’pajjiż ieħor barra minn fejn il-familja kienet residenti qabel jidher li huwa ineffettiv.

2.      Jeżisti dritt ta’ kustodja “impliċitu” (“inchoate right”) fid-dritt tal-Unjoni għall-missier naturali?

54.      L-argument prinċipali tal-missier jidher li huwa kif ġej, jiġifieri li minkejja l-leġiżlazzjoni Irlandiża, huwa għandu jingħata dritt ta’ kustodja “impliċitu”, li jista’ jiġi rikonoxxut (“inchoate right”) (20). Dan id-dritt għandu jiġi rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni lill-missier naturali li jikkoabita mal-omm u li, minħabba f’hekk, aċċetta li jipparteċipa fir-responsabbiltajiet tal-ħajja tal-familja bħala missier miżżewweġ. Dan id-dritt huwa bbażat fuq l-Artikolu 8 tal-KEDB u fuq l-Artikoli 7 u 24(3) tal-Karta. Insostenn ta’ dan l-argument, huwa jirreferi b’mod partikolari għal numru ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

55.      Fir-rigward tal-Karta, għandhom jiġu mfakkra żewġ aspetti essenzjali. Ċertament, il-Karta għandha l-istess saħħa legali daqs it-Trattati, iżda d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma għandhom jestendu bl-ebda mod il-kompetenzi tal-Unjoni hekk kif iddefiniti fit-Trattati (21). Filwaqt li t-Trattat ma jagħtix lill-Unjoni l-kompetenza li tilleġiżla fuq il-kundizzjonijiet sostantivi tad-dritt ta’ kustodja, il-Karta ma tippermettix dan lanqas (22).

56.      Jekk ikun il-każ, il-kompatibbiltà fir-rigward tal-KEDB tal-kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt ta’ kustodja lill-missier tista’ tiġi kkontrollata. F’dan ir-rigward, għandhom isiru tliet osservazzjonijiet.

57.      Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali, fosthom dawk iggarantiti mill-KEDB (23), iżda hija twettaq din il-funzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, fl-istat attwali, l-Unjoni ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tilleġiżla dwar il-kwistjoni tal-għoti tad-dritt ta’ kustodja. Il-kompetenzi tal-Unjoni, anki jekk huma ħafna, ma jkoprux il-kwistjonijiet ta’ dritt sostantiv inkwistjoni hawnhekk, jiġifieri liema persuna għandha jkollha d-dritt ta’ kustodja (24).

58.      Peress li l-kundizzjonijiet bażiċi tal-għoti ta’ dritt ta’ kustodja ma humiex assolutament irregolati mid-dritt tal-Unjoni, minn dan jirriżulta li ma hemm l-ebda rabta bejn id-dritt tal-Unjoni u l-KEDB f’dan il-każ.

59.      Madankollu, jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ kustodja skont id-dritt ta’ Stat Membru jkunu kuntrarji għall-KEDB, ma jidhirlix li huwa eskluż li dan il-fatt jista’ jkollu konsegwenzi fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. B’mod partikolari, l-obbligu għal Stat Membru ieħor li jirrikonoxxi sentenzi dwar l-għoti tad-dritt ta’ kustodja għandu jiġi analizzat, jekk ikun il-każ, mill-Qorti tal-Ġustizzja.

60.      Nixtieq li teżamina wkoll, għall-kompletezza, xi aspetti tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani msemmija mill-missier, J. McB.

61.      Il-ġurisprudenza ċċitata minn J. McB. tidher li tirrigwarda l-għoti tad-dritt ta’ kustodja u l-limiti imposti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikoalri fir-rigward tal-missirijiet mhux miżżewġa. B’hekk, fil-kawża Zaunegger vs Il‑Ġermanja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat ksur tal-KEDB mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet ferm restrittivi, taħt id-dritt Ġermaniż, tal-għoti tad-dritt ta’ kustodja lill-missier mhux miżżewweġ, li jagħti dritt ta’ veto assolut lill-omm, ma kienx kompatibbli mal-KEDB (25).

62.      Jidhirli li ċ-ċirkustanzi tal-Kawża Guichard vs Franza huma qrib ħafna għall-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (26).

63.      F’din il-kawża, il-missier kien allega ksur tal-KEDB quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet osservat li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw ir-ritorn fil-pront tal-minuri mneħħija illegalment. L-imsemmija konvenzjoni tipprovdi f’dan ir-rigward li għandha tiġi kkunsidrata bħala “illegali” tneħħija li tkun seħħet bi ksur tad-“drittijiet ta’ kustodja”, li jinkludi d-dritt dwar il-kura personali tal-minuri, u b’mod partikolari dak tal-għażla tal-post ta’ residenza tiegħu. Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tippreċiża b’mod partikolari, fl-Artikolu 3 tagħha, li d-dritt ta’ kustodja jista’ b’mod pratikolari jirriżulta minn għoti ipso jure. Dan kien il-każ hawnhekk peress li, fiż-żmien meta saret it-tneħħija tal-minuri minn Franza għall-Kanada, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż taw ipso jure lill-omm l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri (li jimplika d-dritt ta’ kustodja), peress li kemm il-missier u kemm l-omm irrikonoxxew il-minuri naturali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tneħħija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “illegali” fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Għaldaqstant, ir-rikorrent, li ma kellux “drittijiet ta’ kustodja” taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ma setax jibbaża ruħu fuq il-protezzjoni mogħtija minn din il-konvenzjoni.

64.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li, f’dan il-każ l-Artikolu 8 KEDB, kif interpretat fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ma jimponix fuq l-awtoritajiet Franċiżi obbligi pożittivi għar-ritorn tal-minuri. Il-kawża, madankollu, ġiet deċiża li kienet inammissibbli minħabba li l-missier ma kienx eżawrixxa rimedji tad-dritt intern qabel ma mar quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

65.      Il-każijiet kollha msemmija iktar ’il fuq għandhom komuni li t-talba għall-eżerċizzju tal-prerogattivi li jirriżultaw mid-dritt ta’ kustodja ġiet miċħuda mill-awtoritajiet nazzjonali.

66.      Issa, fil-kawża li għandna quddiemna, fiż-żmien tat-tneħħija, il-missier lanqas ma kien ressaq talba għall-għoti tad-dritt ta’ kustodja, anki jekk din il-possibbiltà hija prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ninnota wkoll li l-omm ma tistax tipprekludi l-għoti ta’ tali dritt lill-missier jekk il-qorti nazzjonali kompetenti tiddeċiedi f’dan is-sens.

67.      Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni nazzjonali li tiċħad dritt ta’ kustodja lil J. McB., lanqas ma huwa possibbli li ssir domanda dwar l-eżistenza ta’ ksur eventwali tal-KEDB.

68.      Għall-kompletezza, nikkonstata, madankollu, li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ kustodja ma jidhrux kunfliġġenti mad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bl-ebda mod ma tikkorrobora l-affermazzjoni ta’ J. McB. li tgħid li huwa kuntrarju għall-KEDB li jiġi kkunsidrat li d-drittijiet ta’ missier naturali dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma jeżistux ipso jure, anki f’każijiet ta’ koabitazzjoni, iżda jiddependu fuq l-għoti permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (jew, jekk ikun il-każ, permezz ta’ ftehim). Issa, ebda dritt ta’ kustodja ma jirriżulta mill-KEDB favur il-missier. Huwa għandu biss id-dritt li jingħata tali drittijiet fuq livell ugwali mal-omm sakemm tali miżura hija kompatibbli mal-interessi tal-minuri.

69.      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, invokata mill-missier u msemmija fl-Artikolu 7 tal-Karta, dan l-aspett ġie analizzat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mil-lat vertikali, jiġifieri fil-kuntest (27) ta’ interventi mill-awtoritajiet li jaffettwaw l-imsemmija protezzjoni fi ħdan familja (28). Issa, il-kuntest li fih il-missier jibbaża ruħu hawnhekk huwa għal kollox differenti: huwa l-lat orizzontali tar-relazzjonijiet bejn il-membri tal-familja qed jissemma, u mhux relazzjonijiet mal-awtoritajiet Irlandiżi li quddiemhom ma ressaq ebda talba sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-dritt fundamentali tiegħu għall-ħajja tal-familja skont kif inhu pprovdut mil-leġiżlazzjoni applikabbli, jew sabiex jinkiseb id-dritt ta’ kustodja. Fir-realtà, J. McB talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi interpretazzjoni li permezz tagħha jkun jista’ jikseb mill-KEDB dritt ta’ kustodja impliċitu, mhux eżistenti fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, li jkun infurzabbli, ex post, kontra l-omm u li b’hekk jillimita, ex post, id-dritt ta’ kustodja tagħha, rikonoxxut fid-dritt tal-Istat inkwistjoni. Dan ma huwiex possibbli. L-interpretazzjoni mitluba mill-missier J. McB., twassal sabiex il-KEDB tiġi applikata direttament kontra individwu.

70.      Li jiġi rikonoxxut li l-missier naturali għandu dritt ta’ kustodja “impliċitu” ex post, barra minn hekk joħlloq bosta problemi. L-ewwel nett din l-interpretazzjoni tista’ tipprekludi l-moviment liberu tal-persuni, li, skont it-Trattat, huwa wkoll dritt tal-omm. L-omm ma tistax iktar tiddeċiedi liberament dwar ir-residenza tal-minuri, u konsegwentement, ir-residenza tiegħu stess. Irid jingħad ukoll li l-persuna inkwistjoni, jiġifieri l-omm, ma tistax tkun taf is-sitwazzjoni ġuridika eżatta tagħha stess.

71.      Fl-aħħar nett, tali dritt ta’ kustodja “impliċitu” jirriżulta biss mill-paternità bijoloġika, anki fil-kuntest tal-koabitazzjoni de facto, mingħajr bażi ġuridika ċara u verifikabbli bħal ċertifikat ta’ stat ċivili jew dokument amministrattiv jew ġudizzjarju dwar l-eżistenza ta’ tali status ġuridiku (ipso jure jew peremzz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew ta’ ftehim fis-seħħ u li jikkonċerna d-dritt ta’ kustodja) lanqas ma jista jkun kompatibbli mar-rekwiżit tal-kjarezza neċessarja għaċ-ċertezza legali, għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 2201/2003 mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi tal-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, li tiġi rikjesta tali kjarezza fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-ġenituri u l-minuri huwa għal kollox kompatibbli mad-dritt fundamentali tal-minuri li jżomm relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri tiegħu b’mod regolari, li huwa pprovdut fl-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u li, imbagħad, huwa msemmi fil-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003.

72.      B’riferiment għall-għan stess tat-talba għal deċiżjoni preliminari, infakkar finalment, fir-rigward id-dritt tal-Unjoni, li hawn ma huwiex il-każ li jiġi ddefinit jekk il-missier għandux ikollu d-dritt ta’ kustodja jew le, u lanqas li jiġi ddefinit taħt liema kundizzjonijiet jista’ jingħata d-dritt ta’ kustodja u b’liema mod. L-għan ta’ dawn il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa li jiġu interpretati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex ir-Regolament Nru 2201/2003 japplika f’każ ta’ ħtif allegat ta’ minuri.

V –    Konklużjoni

73.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Supreme Court:

“Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li, għall-finijiet tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, sabiex jintwera li kien hemm ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, ipso jure jew b’xi fteħim li għandu effetti legali skont id-dritt tal-Istat Membru li fih il-minuri kien abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tirrkjedi li l-missier ta’ minuri li ma huwiex miżżewweġ mal-omm tal-minuri jikseb sentenza mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tagħtih il-kustodja ta’ dan il-minuri hekk li jiġi rikonoxxut “drittijiet ta’ kustodja” fis-sens tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243


3 – Ir-rappreżentant ta’ J. McB. spjega fis-seduta li huwa jinsab irreġistrat bħala l-missier fiċ-ċertifikat tat-twelid tal-ewwel minuri, iżda mhux fiċ-ċertifikat tal-minuri l-oħra li għandhom inkomuni bejniethom J. McB. u L. E. Madankollu jidhirli li l-paternità tat-tliet minuri ma hijiex ikkontestata mill-partijiet.


4 – Iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”.


5 – Ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), ġiet emendata u mogħtija valur legali vinkolanti mal-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2007, C 303, p. 1). iktar ’il quddiem, il-“Karta”.


6 – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


7 – Guardianship of Infants Act, 1964, kif imdaħħal bl-Artikolu 12 tal-Liġi tal-1987 dwar l-Istatus tal-minuri (Status of Children Act 1987).


8 – Kif emendat bl-Artikolu 13 tal-Liġi tal-1987.


9 – Child Abduction and Enforcement of Custody Orders Act, No. 6/1991.


10 – L-Istati Membri huma partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni, iżda l-Unjoni ma hijiex. Għal ġabra fil-qosor reċenti tal-ġurisprudenza, ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 58 sa 61).


11 – Ir-Regolament Nru 2201/2003 jiċċita bħala bażi legali l-Artikolu 61(ċ) KE (li jirreferi għall-Artikolu 65 KE) u l-Artikolu 67(1) KE, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ara l-Artikolu 81 TFUE.


12 – Ara l-Artikoli 60 u 62 tar-Regolament Nru 2201/2003.


13 – Ara, pereżempju McEleavy, P., “The New Child Abduction Regime of the European Union: Symbiotic Relationship or Forced Partnership?” Journal of Private International Law, April 2005, p. 5.


14 – Ara l-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003.


15 – Ara Borrás, A., “Protection of Minors and Child Abduction under the Hague Conventions and the Brussels II bis Regulation”, Japanese and European Private International Law in Comparative perspective, editjat minn Basedow, J. et, Mohr Siebeck, Tübingen, 2008, p. 345.


16 – Pereżempju, f’dak li jirrigwarda t-tliet form ta’ għoti tad-dritt ta’ kustodja, din il-konvenzjoni tippreċedihom billi tuża l-avverbju “b’mod partikolari”, u dan idaħħal l-idea li l-lista hija magħmula biss b’mod illustrattiv, filwaqt li skont il-formulazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 l-istess lista tidher li hi eżawstiva.


17 – Ara r-rapport tal-Professur Lowe, N., “Studju dwar id-drittijiet u l-istatus ġuridiku tal-minuri li huma mrobbija f’forom varji ta’ sħubija ta’ żwieġ u mhux ta’ żwieġ u ta’ koabitazzjoni”, Kunsill tal-Ewropa, Strasbourg 25 ta’ Settembru 2009, CJ‑FA(2008) 5, p. 32. Dan ir-rapport ikopri xi tletin pajjiż, jiġifieri kważi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni kif ukoll uħud mill-pajjiżi membri l-oħra tal-Kunsill tal-Ewropa.


18 – Il-Professur Lowe isaqsi fir-rapport op.cit. jekk għandux ikun hemm armonizzazzjoni tal-approċċi għall-koppji miżżewġa jew mhux miżżewġa fil-futur, iżda dan għadu ma huwiex il-każ bħalissa.


19 – Għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, l-użu preċiż tal-avverbju “b’mod partikolari” jidher li għandu ċerta importanza: “Bl-istess mod, is-sorsi li minnhom jista’ jirriżulta d-dritt ta’ kustodja li wieħed jipprova jipproteġi huma dawk kollha li fuqhom tista’ tiġi bbażata talba fil-kuntest tas-sitema ġuridika in kwistjoni. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 jikkunsidra xi wħud – mingħajr dubju l-iktar importanti – ta’ dawn is-sorsi, iżda billi jenfasizza n-nautra mhux eżawstiva tal-lista […] Issa, kif ser naraw fil-paragrafi li ġejjin, is-sorsi kkunsidrati li jkopru firxa ġuridika vasta; il-preċiżjoni tan-natura parzjali tagħhom għaldaqstant għandha fuq kollox tinftiehem bħala li tiffavorixxi interpretazzjoni flessibbli tal-kunċetti użati, li tippermetti li jiġu kkunsidrati l-ikbar numru ta’ ipoteżijiet possibbli.” Ara r-rapport ta’ spjegazzjoni ta’ Pérez‑Vera, E., Atti u dokumenti tal-erbatax-il sessjoni (1980), konferenza ta’ Den Haag ta’ dritt internazzjonali privat, volum III, p. 445, punt 67 (ir-rapport ta’ spjegazzjoni jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz elettroniku li ġej: http://hcch.e‑vision.nl/upload/expl28.pdf).


20 – Ma huwiex faċli li tinstab traduzzjoni eżatta għall-espressjoni “inchoate right”. Madankollu jidhirli li t-terminu użat fid-database tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 (“dritt ta’ kustodja impliċiti”) ma jkoprix eżattament dak li J. McB. jirreferi għalih hawn.


21 – Ara l-Artikolu 6(1) TUE.


22 – Ara l-Artikolu 51(1) tal-Karta.


23 – Ara l-Artikolu 6(3) TUE.


24 – Barra minn hekk ninnota li li t-Trattat issa jipprovdi għall-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, u dan fl-Artikoli 6(2) TUE. L-istess paragrafu jenfasizza, kif jagħmel l-Artikolu 6(1), li din l-adeżjoni ma taffettwax il-kompetenzi tal-Unjoni hekk kif inhuma ddefiniti fit-Trattati.


25–   Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zaunegger vs Il‑Ġermanja, tat-3 ta’ Diċembru 2009 (rikors Nru 22028/04). Abbażi ta’ dan, il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża (BVerfG) reċentement iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża fuq dan il-punt hija kuntrarja għall-Kostituzzjoni Ġermaniża (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2010, 1 BvR 420/09).


26 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Guichard vs Franza, tat-2 ta’ Settembru 2003 (rikors Nru 56838/00).


27 – Infakkar li J. McB. ma jissemmiex fiċ-ċertifikat tat-twelid ta’ tnejn mit-tliet minuri kkonċernati.


28 – Ara l-Artikolu 7(2) KEDB, u pereżempju is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem A.W. Khan vs Ir‑Renju Unit, tat-12 ta’ Jannar 2010 (rikors Nru 47486/06).