Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Lulju 2007 - Braun-Neumann vs Il-Parlament

(Kawża F-79/07)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Kurt-Wolfgang Braun-Neumann (Merzig, il-Ġermanja) (rappreżentant: P. Ames, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tikkundanna lill-konvenut iħallas, retroattivament għall-1 ta' Awwissu 2004, in-nofs l-ieħor tal-pensjoni tas-superstiti wara l-mewt ta' martu Gisela Mandt, née Neumann, li seħħet fil-25 ta' Lulju 2004, fl-ammont ta' EUR 1 670.84 fix-xahar bl-interessi skond ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-faċilità tas-self marġinali miżjuda bi 3%;

tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Parlament Ewopew ħallas lir-rikorrent 50% tal-pensjoni tas-superstiti, fil-kwalità tiegħu ta' armel tas-Sinjura Gisela Mandt, née Neumann. Ir-rikorrent jitlob li jitħallas il-pensjoni sħiħa.

Ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrikonoxxi t-tieni żwieġ tal-mejta, minkejja li s-sentenza ta' divorzju tat-tribunal de pemière instance de Namur tas-6 ta' Settembru 1995, relattiva għall-ewwel żwieġ, ma ġietx rikonoxxuta mill-Bayerisches Oberstes Landesgericht fid-digriet tiegħu tal-11 ta' Ottubru 1999. Ir-rikorrent għaldaqstant isostni li huwa l-uniku "superstiti mill-konjuġi", peress li t-tieni żwieġ tal-mejta, mas-Sur Wolfgang Mandt, ma kienx legalment validu.

____________