Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (Spanja) fit-13 ta’ Ġunju 2019 – Asociación Estatal de Empresas Operadoras Portuarias (ASOPORT)

(Kawża C-462/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Parti kkonċernata fil-kwalità tagħha ta’ persuna affettwata: Asociación Estatal de Empresas Operadoras Portuarias (ASOPORT)

Partijiet oħra fil-proċedura: Asociación Nacional de Empresas Estibadoras y Consignatarios de Buques (ANESCO), Comisiones Obreras, Coordinadora Estatal de Trabajadores del Mar (CETM), Confederación Intersindical Galega, Eusko Langileen Alkartasuna, Langile Abertzaleen Batzordeak, Unión General de Trabajadores (UGT)

Domandi preliminari

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehimiet bejn operaturi u rappreżentanti tal-ħaddiema huma pprojbiti, inkluż taħt l-isem ta’ ftehimiet kollettivi, meta dawn jipprevedu t-teħid tal-ħaddiema marbuta mas-SAGEP [Sociedad Anónima de Gestión de Estibadores Portuarios (il-Kumpannija Pubblika ta’ Responsabbiltà Limitata ta’ Mmaniġġar tal-Burdnara)] mill-impriżi li jitilqu minn magħha u l-mod li bih dan it-teħid għandu jseħħ?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali bħal dawk inklużi fir-Real Decreto-ley 9/2019 (id-Digriet-Liġi Rjali 9/2019) inkwantu dawn jipprovdu l-bażi għall-ftehimiet kollettivi li jimponu forma speċifika ta’ teħid tal-ħaddiema li tmur lil hinn mill-kwistjonijiet fil-qasam tax-xogħol u toħloq armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet kummerċjali?

Fil-każ li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet legali ċċitati huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-konsegwenzi tagħha, inklużi fost oħrajn fis-sentenzi Simmenthal 1 u Fratelli Costanzo 2 , għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lil korp tad-dritt pubbliku bħall-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Swieq u tal-Kompetizzjoni, Spanja) ma japplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kuntarji għall-Artikolu 101 TFUE?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat 3 , u l-obbligu li tiġi żgurata l-effettività tar-regoli tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeħtieġu li awtorità amministrattiva bħall-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Swieq u tal-Kompetizzjoni) timponi multi u pagamenti ta’ penalità fuq l-entitajiet li għandhom aġir bħal dak deskritt?

____________

1     Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1976, Simmenthal (35/76, EU:C:1976:180).

2     Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, EU:C:1989:256).

3     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.