Language of document : ECLI:EU:C:2011:355

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Mejju 2011 (*)

“Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Direttiva 87/344/KEE – Artikolu 4(1) – Għażla libera ta’ avukat mill-persuna assigurata – Limitazzjoni tar-rimbors mogħti abbażi tal-ispejjeż marbuta mar-rappreżentanza legali tal-persuna assigurata – Rimbors limitat għall-ammont li jikkorrispondi għal dak mitlub minn avukat stabbilit fid-distrett ġudizzjarju tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti”

Fil-Kawża C‑293/10,

għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, mil-Landesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura

Gebhard Stark

vs

DAS Österreichische Allgemeine Rechtsschutzversicherung AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Stark, minn H. Kofler, avukat,

–        għal D.A.S. Österreichische Allgemeine Rechtsschutzversicherung AG, minn E.R. Karauscheck, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.-Ph. Wojcik u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE, tat-22 ta’ Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitol  6, Vol. 1, p. 187).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija ta’ assigurazzjoni D.A.S. Österreichische Allgemeine Rechtsschutzversicherung AG (iktar ’il quddiem “D.A.S.”) u G. Stark dwar, b’mod partikolari, il-validità ta’ klawżola fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, li tippermetti lill-assiguratur jillimita l-benefiċċji ta’ din l-assigurazzjoni għar-rimbors tal-ammont mitlub minn avukat stabbilit fil-post fejn tinsab il-qorti li quddiemha titressaq kawża li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija assigurazzjoni

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 87/344 tipprovdi:

“Billi l-interess ta’ persuni li jkollhom il-kopertura ta’ spejjeż legali jfisser li l-persuna assigurata għandha tkun tista’ tagħżel avukat jew persuna oħra kkwalifikata b’mod approprjat skond il-liġi nazzjonali f’ xi inkjesta jew proċeduri u kull meta jkun hemm konflitt ta’ interessi”.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tikkoordina d-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li jikkonċernaw l-assigurazzjoni ta’ spejjeż legali […] sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment u jiġi prekluż kemm jista’ jkun kull konflitt ta’ interess li joriġina b’mod partikolari mill-fatt li l-assiguratur ikun ikopri persuna oħra jew ikun qiegħed ikopri persuna fir-rigward ta’ kemm spejjeż legali u kull klassi oħra […] u, fil-każ li jinqala’ xi konflitt, li jkun possibbli li jiġi riżolt.”

5        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal assigurazzjoni ta’ l-ispejjeż legali. Dan jikkonsisti f’impenn, kontra l-pagament ta’ laġġu [premjum], li jintrefgħu l-ispejjeż ta’ proċeduri legali u li jiġu pprovduti servizzi oħrajn direttament marbuta mal-kopertura ta’ l-assigurazzjoni, partikolarment bl-iskop ta’:

–        assigurazzjoni ta’ kumpens għat-telf, il-ħsara jew inġurja sofferta mill-persuna assigurata, b’soluzzjoni barra mill-qrati jew permezz ta’ proċeduri ċivili jew kriminali,

–        difiża jew rappreżentanza tal-persuna assigurata fi proċeduri ċivili, kriminali, amministrattivi jew proċeduri oħrajn fir-rigward ta’ kull pretensjoni magħmula kontra tagħha.”

6        L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Kull kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ spejjeż legali għandu espressament jirrikonoxxi li:

a)      meta jsir rikors lil avukat jew persuna oħra kkwalifikata kif approprjat skond il-liġi nazzjonali sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew servuti l-interessi tal-persuna assigurata f’kull inkjesta jew proċedura, dik il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel dan l-avukat jew persuna oħra;

b)      il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel avukat jew, jekk tippreferi hekk u sal-limitu li l-liġi nazzjonali tippermetti, kull persuna oħra kkwalifikata kif approprjat, biex isservi l-interessi tagħha kull meta jkun hemm konflitt ta’ l-interessi.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Skont l-Artikolu 23(1) tal-Liġi dwar it-tariffi tal-avukati (Rechtsanwaltstarifgesetz, iktar ’il quddiem ir-“RATG”), tiġi applikata rata ta’ somma f’daqqa għall-ħlas ta’ ċerti servizzi addizzjonali tal-avukat fil-kawżi ċivili.

8        Skont l-Artikolu 23(5) tar-RATG, il-parti tas-somma f’daqqa li għandha tintrabat ma’ dawn is-servizzi għandha madankollu tiġi rdoppjata meta l-avukat jipprovdi servizzi barra mill-post fejn jinsab l-uffiċċju legali tiegħu.

9        Il-leġiżlatur Awstrijak ittraspona l-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/344 permezz tal-Artikolu 156k tal-Liġi dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni (Versicherungsvertragsgesetz, iktar ’il quddiem il-“VersVG”), li jipprovdi:

“1)      Għar-rappreżentanza tagħha fi proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva, il-persuna assigurata għandha dritt tagħżel liberament persuna kapaċi professjonalment sabiex tirrappreżenta l-partijiet. Barra minn hekk, il-persuna assigurata tista’, għad-difiża tal-interessi ġuridiċi tagħha oħra, tagħżel liberament avukat meta jeżisti kunflitt ta’ interessi mal-assiguratur.

2)      Jista’ jiġi stipulat fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni li l-persuna assigurata tagħżel biss għar-rappreżentanza tagħha fi proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva persuni awtorizzati li jirrappreżentaw professjonalment lill-partijiet li għandhom l-uffiċċju legali tagħhom fil-post fejn tinsab l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti sabiex titressaq quddiemha l-proċedura fl-ewwel istanza. Fil-każ fejn ma jeżistux, f’dan il-post, mill-inqas erba’ persuni li għandhom l-uffiċċju legali tagħhom fih, il-possibbiltà ta’ għażla għandha tiġi estiża għall-persuni fid-distrett ġudizzjarju tal-Gerichtshof erster Instanz [(qorti tal-ewwel istanza)] li fih tkun stabbilita l-awtorità ċċitata iktar ’il fuq.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      G. Stark u D.A.S ilhom marbuta permezz ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali mill-1997. Il-kuntratt kien jinkludi b’mod partikolari assigurazzjoni għall-ispejjeż legali quddiem il-qrati tax-xogħol għall-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tax-xogħol, kif ukoll, bħala benefiċċju addizzjonali, assigurazzjoni għall-ispejjeż legali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

11      Dan il-kuntratt kien ibbażat fuq il-kundizzjonijiet ġenerali tal-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali (Allgemeine Bedingungen für die Rechtsschutzversicherung) tal‑1997 (iktar ’il quddiem l-“ARB 97”). Il-klawżola 10 tagħhom, li tirriżulta b’mod dirett mill-Artikolu 158k tal-VersVG, tipprovdi:

“1)      Il-persuna assigurata għandha dritt tagħżel liberament għar-rappreżentanza tagħha fi proċedura ġudizzjarja jew amministrativa, persuna kapaċi professjonalment sabiex tirrappreżenta l-partijiet (avukat, nutar eċċ.). L-assiguratur huwa marbut li jinforma lill-persuna assigurata bil-possibbiltà ta’ għażla libera meta din il-protezzjoni ġudirika tkun meħtieġa sabiex titressaq proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja.

[…]

3)      Id-dritt tal-għażla [ta’ rappreżentant tiegħu] evokat fil-punt 1 […] huwa […] limitat għal persuni li għandhom l-uffiċċju legali tagħhom fl-istess post tal-qorti jew l-istanza amministrattiva kompetenti sabiex titressaq quddiemha l-proċedura fl-ewwel istanza. Fil-każ fejn ma jeżistux, f’dan il-post, mill-inqas erba’ persuni li għandhom l-uffiċċju legali tagħhom fih, il-possibbiltà ta’ għażla għandha tiġi estiża għall-persuni awtorizzati jirrappreżentaw lill-partijiet, stabbiliti fid-distrett ġudizzjarju tal-Landesgericht [(qorti reġjonali)].

[…]”

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2009, l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema) ivvalidat, bħala prinċipju, l-għanijiet segwiti mill-Artikolu 158k(2) tal-VersVG billi ddeċidiet li l-punt 3 tal-imsemmija klawżola 10 kellu jiġu interpretat fis-sens li l-persuna assigurata tista’ wkoll tagħżel avukat stabbilit “barra mis-sede”, meta dan jintrabat li jiffattura l-ispejjeż u d-drittijiet bħalma kien jagħmel avukat stabbilit fil-post fejn il-qorti tal-ewwel istanza kompetenti tkun stabbilita.

13      G. Stark jirrisjedi f’Landeck (l-Awstrija), belt li tinsab madwar 600 kilometru minn Vjenna. Fl-24 ta’ Marzu 2006, huwa ressaq azzjoni flimkien ma’ erba’ persuni oħra quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (qorti tax-xogħol u tal-affarijiet soċjali ta’ Vjenna) kontra min kien jimpjegah qabel. Sabiex jiżguraw ir-rappreżentanza tagħhom quddiem din il-qorti, G. Stark u r-rikorrenti l-oħra qabbdu avukat li għandu l-uffiċċju legali tiegħu f’Landeck.

14      B’ittra tat-8 ta’ Mejju 2006 indirizzata lil dan l-avukat, D.A.S. ikkonfermat li hija kienet ser tkopri l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien, iżda ppreċiżat madankollu li kienet ser tillimita dan il-ħlas għall-ispejjeż normalment iffatturati minn avukat stabbilit fil-post fejn tinsab din il-qorti.

15      L-avukat ta’ G. Stark irrisponda permezz ta’ posta elettronika fl-istess ġurnata, li huwa ma kienx ser joħroġ fattura skont it-tariffa ta’ avukat li għandu l-uffiċċju legali tiegħu fid-distrett ġudizzjarju tal-qorti, peress li l-piż finanzjarju li jirrappreżenta l-fatt li jkollu jidher għall-klijent tiegħu fi Vjenna kien ikun kbir wisq għall-uffiċċju legali tiegħu.

16      Waqt is-seduta tal-4 ta’ Lulju 2008, quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien, il-partijiet f’din il-proċedura kkonkludew tranżazzjoni ġudizzjarja.

17      D.A.S. ħallset lill-avukat ta’ G. Stark is-somma ta’ EUR 5 782.19, li tikkorrispondi, għas-servizzi fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għall-ispejjeż u drittijiet ta’ avukat stabbilit fid-distrett ġudizzjarju tal-Arbeits- und Sozialgericht Wien, ikkalkolati mhux skont ir-rata ta’ somma f’daqqa doppja prevista fl-Artikolu 23(5) tar-RATG, iżda skont ir-rata ta’ somma f’daqqa sempliċi li tirriżulta mill-Artikolu 23(1) tagħha. Din is-somma ma kinitx tkopri l-ammont totali tal-ispejjeż u drittijiet iffatturati lil G. Stark mill-avukat tiegħu.

18      B’rikors tas-27 ta’ Frar 2009, D.A.S ressqet kawża kontra G. Stark quddiem il-Bezirksgericht Landeck (Tribunal kantonali ta’ Landeck) sabiex tikseb ħlas ta’ primjum dovut abbażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali konkluż bejniethom, ta’ ammont ta’ EUR 211.46.

19      Kontra din it-talba, G. Stark ressaq eċċezzjoni ta’ kumpens ibbażata fuq kreditu ta’ EUR 3000 li jikkorrispondi għall-bqija tal-flus dovuti għall-ispejjeż ta’ servizzi tal-avukat li kien iddefendih fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien, billi ħa inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tar-rata ta’ somma f’daqqa doppja prevista fl-Artikolu 23(5) tar-RATG. B’hekk, huwa qajjem il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali konkluża ma’ D.A.S., tad-differenza bejn ir-rata ta’ somma f’daqqa sempliċi u r-rata ta’ somma f’daqqa doppja għas-servizzi tal-avukat tiegħu li jikkorrispondu għal ħames seduti li nżammu quddiem din il-qorti. Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni, huwa sostna li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 158k(2) tal-VersVG, kif ukoll il-klawżola 10(3) tal-ARB 97 imorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

20      Il-Bezirksgericht Landeck laqgħet it-talba ta’ D.A.S, filwaqt li ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ kumpens ta’ G. Stark, u, abbażi ta’ dan, ikkundannatu jħallas lil D.A.S is-somma ta’ EUR 211.46 flimkien mal-interessi. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Bezirksgericht Landeck ikkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprojbix l-applikazzjoni tal-Artikolu 158k(2) tal-VersVG, li ma għandux bħala effett li jillimita l-liberta fl-għażla, iżda jimponi biss restrizzjoni pekunarja fuq l-avukat stabbilit “barra mis-sede”.

21      G. Stark ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju billi invoka mill-ġdid li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/344 jipprojbixxi l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 158k(2).

22      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 158k(2) tal-[VersVG] u klawżola, ibbażata fuq din il-liġi, inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-assiguratur ta’ protezzjoni legali, ibbażata fuq din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li permezz tagħha jista’ jiġi stabbilit li l-assigurat għandu jagħżel, għar-rappreżentazzjoni [rappreżentanza] tal-interessi tiegħu fil-proċeduri amministrattivi jew legali, persuna li hija professjonalment awtorizzata għal dan il-għan li tkun stabbilita fil-post fejn tinsab il-qorti jew l-awtorità amministrattiva li hija kompetenti tisma’ l-kawża fl-ewwel istanza?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-Landesgericht Innsbruck tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jkun jista’ jiġi stipulat li l-assigurat għandu jagħżel biss, għar-rappreżentanza tal-interessi tiegħu fil-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, persuna li tkun professjonalment awtorizzata għal dan il-għan li tkun stabbilita fil-post fejn tinsab il-qorti jew l-awtorità amministrattiva li hija kompetenti tisma’ l-kawża fl-ewwel istanza.

 Fuq l-ammissibbiltà

24      Skont il-Gvern Awstrijak, id-domanda ppreżentata hija ipotetika, peress li r-riżultat tal-proċedura ma jiddependix fuq ir-risposta għal din id-domanda, minħabba l-fatt li d-dritt tal-konvenut sabiex jagħżel b’mod liberu l-avukat tiegħu ma kienx ġie effettivament ristrett.

25      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l‑Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C-188/07, Ġabra p. I-4501, punt 30).

26      Issa, hekk kif ġie espost fil-punti 18 sa 21 ta’ din is-sentenza, is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi preċiżament fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-fatt li G. Stark ma ġiex irrimborsat għall-ispejjeż u drittijiet kollha ffatturati mill-avukat tiegħu, bil-kontra ta’ dak li kien iseħħ kieku kien għażel avukat stabbilit fi Vjenna, huwiex kompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344.

27      L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija għaldaqstant neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Awstrijak għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

28      Għandu jiġi rrilevat li kemm mill-ħdax-il premessa tad-Direttiva 87/344 u kemm mill-Artikolu 4(1) tagħha jirriżulta li l-interess tal-persuna assigurata li jikseb assigurazzjoni għall-ispejjeż legali jimplika li din tal-aħħar ikollha l-libertà li tagħżel hija stess l-avukat jew kwalunkwe persuna oħra li jkollha l-kwalifiki ammessi mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva.

29      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-libertà tal-għażla ta’ rappreżentant prevista minn din id-dispożizzjoni għandha portata ġenerali u valur obbligatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Eschig, C‑199/08, Ġabra p. I-8295, punt 47).

30      Isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-interpretazzjoni li ngħatatilha mis-sentenza tal-Oberster Gerichtshof tas-16 ta’ Diċembru 2009, evokata fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, ma tistax tirrestrinġi din il-libertà ta’ għażla għall-avukati li għandhom l-uffiċċju legali tagħhom fil-post fejn tinsab il-qorti jew l-amministrazzjoni kompetenti sabiex titressaq quddiemhom il-proċedura fl-ewwel istanza biss, jew għall-avukati li jintrabtu sabiex jiffatturaw l-ispejjeż tagħhom kif kien jagħmlu tali avukati.

31      Madankollu, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza Eschig, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża għall-armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli applikabbli għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, b’mod li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema applikabbli għall-imsemmija kuntratti, sakemm dan isir b’osservanza ta’ dan id-dritt, u b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/344.

32      B’hekk, il-kwistjoni tal-firxa tal-kopertura tal-ispejjeż marbuta mal-intervent ta’ rappreżentant, li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex is-suġġett ta’ regola espressa minn din id-direttiva. Fil-fatt, la d-dispożizzjonijiet u lanqas il-premessi tagħħa ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni tal-ammont li għandu jingħata minn assiguratur tal-ispejjeż legali abbażi tal-kopertura tal-ispejjeż ta’ persuna mqabbda sabiex tirrappreżenta l-persuna assigurata huwa rregolat mill-imsemmija direttiva.

33      Għaldaqstant, il-libertà tal-għażla fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344, ma timplikax l-obbligu tal-Istati Membri li jimponu, f’kull każ, il-kopertura totali tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tad-difiża tal-persuna assigurata, indipendentement mill-post fejn tkun stabbilita l-persuna awtorizzata professjonalment li tirrappreżentaha fil-konfront tal-post fejn hija stabbilita qorti jew tal-amministrazzjoni kompetenti sabiex tisma’ l-kawża, sakemm din il-libertà ma tiġix ippreġudikata. Dan ikun il-każ kieku l-limitazzjoni imposta fuq ir-responsabbiltà għall-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż tirrendi de facto għażla raġjonevoli impossibbli, għall-persuna assigurata, tar-rappreżentant tagħha. F’kull każ, huma l-qrati nazzjonali li eventwalment jitressqu quddiemhom kawżi dwar dan li għandhom jivverifikaw in-nuqqas ta’ limitazzjoni ta’ din in-natura.

34      Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma teskludix il-libertà tal-partijiet kontraenti sabiex jiftehmu li l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali tkopri wkoll l-ispejjeż marbuta mal-intervent ta’ rappreżentanti li ma humiex stabbiliti fid-distrett ġudizzjarju tal-qorti kompetenti, eventwalment permezz tal-ħlas mill-persuna assigurata ta’ primjum ogħla.

35      Fil-kawża preżenti, G. Stark setgħa jagħżel l-avukat tiegħu mingħajr l-oppożizzjoni ta’ min jassigurah. Barra minn hekk, huwa kellu jsostni biss l-ispejjeż marbuta mad-distanza bejn l-uffiċċju legali tal-avukat tiegħu mill-post fejn tinsab il-qorti kompetenti, li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jirrestrinġi l-libertà fl-għażla tal-avukat tiegħu.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ntqalu, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jiġi stipulat li l-persuna assigurata għall-ispejjeż legali tkun tista’ tagħżel biss, għar-rappreżentanza tal-interessi tagħha fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, persuna awtorizzata professjonalment għal dan, li jkollha l-uffiċċju legali tagħha fil-post fejn tinsab il-qorti jew l-amministrazzjoni kompetenti fl-ewwel istanza, sakemm, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-libertà tal-għażla tal-persuna assigurata tal-persuna inkarigata sabiex tirrappreżentaha, din il-limitazzjoni tkun tirrigwarda biss il-firxa tal-kopertura, mill-assiguratur tal-ispejjeż legali, tal-ispejjeż marbuta mal-intervent ta’ rappreżentant, u li l-kumpens effettivament imħallas minn dan l-assiguratur ikun suffiċjenti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE, tat-22 ta’ Ġunju 1987, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li, bis-saħħa tagħha, il-persuna assigurata għall-ispejjeż legali tkun tista’ tagħżel biss, għar-rappreżentanza tal-interessi tagħha fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, persuna awtorizzata professjonalment għal dan, li jkollha l-uffiċċju legali tagħha fil-post fejn tinsab il-qorti jew l-amministrazzjoni kompetenti fl-ewwel istanza, sakemm sabiex ma tiġix ippreġudikata l-libertà tal-għażla, tal-persuna assigurata, tal-persuna inkarigata sabiex tirrappreżentaha, din il-limitazzjoni tkun tirrigwarda biss il-firxa tal-kopertura, mill-assiguratur tal-ispejjeż legali, tal-ispejjeż marbuta mal-intervent ta’ rappreżentant u li l-kumpens effettivament imħallas minn dan l-assiguratur ikun suffiċjenti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.