Language of document : ECLI:EU:C:2013:625

Kawża C‑583/11 P

Inuit Tapiriit Kanatami el

vs

Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Regolament (KE) Nru 1007/2009 — Kummerċ tal-prodotti mill-foki — Restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali prodotti — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Dritt għal azzjoni legali ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kunċett ta’ ‘atti regolatorji’ — Atti leġiżlattivi — Dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Ottubru 2013

1.        Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali — Inammissibbiltà — Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mwettqa mill-Qorti Ġenerali — Ammissibbiltà

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 168(1)(d))

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Metodi — Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika — Riferiment għall-oriġini ta’ dispożizzjoni — Ammissibbiltà

3.        Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kull att ta’ portata ġenerali bl-esklużjoni tal-atti leġiżlattivi

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.        Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Regolament Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki — Assenza ta’ interess individwali tar-rikorrenti — Inammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1007/2009)

5.        Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi u ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Kundizzjonijiet ta’ natura kumulattiva — Inammissibbiltà ta’ rikors fil-każ li waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

6.        Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Qorti Ġenerali — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

7.        Drittijiet fundamentali — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni — Modalitajiet — Protezzjoni ta’ dan id-dritt mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali skont in-natura legali tal-att ikkontestat — Possibbiltà li jintuża rikors għal annullament jew rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità

(Artikolu 19(1) TUE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Artikoli 267 TFUE u 277 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(7))

1.        Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba. Appell li sempliċement jirriproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li jkunu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti miċħuda espliċitament minn dik il-qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jitqajmu fil-kuntest tal-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha.

(ara l-punti 46, 47)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 50)

3.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jidentifika l-atti tal-Unjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni, jiġifieri, minn naħa, l-atti leġiżlattivi u, min-naħa l-oħra, l-atti vinkolanti l-oħra, li jkunu maħsuba sabiex joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, liema atti jistgħu jkunu atti individwali jew atti ta’ portata ġenerali.

Fir-rigward tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jkopru kull att tal-Unjoni li jipproduċi effetti legali vinkolanti. Għalhekk, il-kunċett ta’ att li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet ikopri atti ta’ portata ġenerali, ta’ natura leġiżlattiva jew le, u atti individwali.

It-Trattat ta’ Lisbona introduċa, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, parti oħra, it-tielet parti, li naqqset is-severità tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt, din il-parti, mingħajr ma tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għall-kundizzjoni dwar l-interess individwali, prevista fit-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni, tagħti dan ir-rimedju fir-rigward tal-atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni u li jirrigwardaw direttament lir-rikorrent.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ atti regolatorji, mit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li dan il-kunċett għandu portata iktar limitata minn dik ta’ atti użat fl-ewwel u fit-tieni partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jiġu kklassifikati t-tipi l-oħra ta’ miżuri li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jitolbu l-annullament tagħhom. Dan il-kunċett ta’ atti regolatorji ma jistax ikopri l-atti kollha ta’ portata ġenerali, iżda jikkonċerna kategorija iktar limitata ta’ atti ta’ dan it-tip. Jekk tingħata interpretazzjoni kuntrarja, jinġab fix-xejn is-sens tad-distinzjoni magħmula fit-tieni u fit-tielet partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE bejn it-termini atti u atti regolatorji.

Barra minn hekk, mix-xogħlijiet preparatorji fir-rigward tal-Artikolu III-365(4) tal-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jirriżulta li, filwaqt li l-emenda tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kienet maħsuba sabiex jitwessgħu l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE fir-rigward tal-atti leġiżlattivi ma kellhomx jiġu emendati. B’hekk, l-użu tat-termini “atti regolatorji” fl-abbozz ta’ emenda ta’ din id-dispożizzjoni kien jippermetti li tiġi identifikata l-kategorija ta’ atti li minn dak iż-żmien ’il quddiem setgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament f’kundizzjonijiet inqas stretti milli kienu qabel, u dan filwaqt li jinżamm approċċ restrittiv fir-rigward tar-rikorsi tal-individwi kontra l-atti leġiżlattivi, li fir-rigward tagħhom tibqa’ applikabbli l-kundizzjoni “jirrigwardawha direttament u individwalment”.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-emenda tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kienet intiża sabiex tippermetti lil dawn il-persuni jippreżentaw, f’kundizzjonijiet inqas stretti, rikors għal annullament kontra atti ta’ portata ġenerali bl-esklużjoni tal-atti leġiżlattivi.

(ara l-punti 52, 54-60)

4.        Il-kontenut tal-kundizzjoni li r-rikorrent ikun ikkonċernat individwalment mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma ġiex emendat bit-Trattat ta’ Lisbona. Skont din il-kundizzjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jissodisfaw il-kundizzjoni dwar l-interess individwali biss jekk l-att ikkontestat jikkonċernahom minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzahom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati mill-foki, stabbilita fir-Regolament Nru 1007/2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki, hija fformulata b’termini ġenerali u tapplika mingħajr distinzjoni għal kull operatur ekonomiku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 71-73)

5.        Persuna fiżika jew ġuridika ma tistax titlob, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament ta’ att li la jkun att li tkun id-destinatarju tiegħu u li lanqas ma jkun att regolatorju ħlief meta tkun ikkonċernata mhux biss direttament iżda wkoll individwalment minn tali att. Għalhekk, peress li l-kundizzjonijiet li r-rikorrent ikun ikkonċernat direttament u individwalment mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu huma kumulattivi, il-fatt li waħda minnhom ma tkunx issodisfatta minn rikorrent jimplika li r-rikors għal annullament ippreżentat minn dan ir-rikorrent kontra dan l-att ikollu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.

(ara l-punti 75, 76)

6.        Il-Qorti Ġenerali ma hijiex meħtieġa tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti, ir-raġunamenti kollha żviluppati mill-partijiet fil-kawża. Fil-fatt, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li permezz tagħha l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet għalfejn ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u l-qorti kompetenti jkun jista’ jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ssemmix espliċitament id-dispożizzjonijiet imressqa mill-appellanti u ma tindirizzax espliċitament id-dettalji kollha tal-argumenti tagħhom ma jistax jitqies bħala ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. L-istess għandu jingħad meta l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li ma setgħetx ma tapplikax il-kundizzjonijiet dwar il-preżentata ta’ rikors kontra regolament li huma previsti espressament fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li wettqet interpretazzjoni letterali, storika u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-portata tal-kunċett ta’ atti regolatorji previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, billi wettqet interpretazzjoni klassika skont il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, dan il-proċess ma għandu ebda impatt fuq il-fatt li dan il-kunċett huwa kundizzjoni għall-ammissibbiltà prevista espressament fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li għandha tkun issodisfatta mir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u ma huwiex ta’ natura li jagħmel il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali kontradittorja.

(ara l-punti 82-84)

7.        L-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-qrati tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Unjoni hija Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt fejn l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll mad-drittijiet fundamentali.

Għal dan il-għan, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni. B’hekk, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jkunux jistgħu jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, huma protetti kontra l-applikazzjoni, fil-konfront tagħhom, ta’ tali atti. Meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu responsabbli għall-implementazzjoni ta’ tali atti, dawn il-persuni jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implementazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jkunu jistgħu jinvokaw, skont l-Artikolu 277 TFUE, insostenn ta’ dan ir-rikors, l-illegalità tal-att ġenerali inkwistjoni. Meta l-Istati Membri jkunu responsabbli għal din l-implementazzjoni, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jistgħu jwasslu lil dawn il-qrati sabiex, skont l-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu dwar dan lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari.

Minn dan isegwi li r-rinviju għal evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, l-istess bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni.

Fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dan l-artikolu ma huwiex intiż li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati l-kundizzjonijiet previsti espressament fl-imsemmi trattat. Fir-rigward tar-rwol tal-qrati nazzjonali, dawn iservu, b’kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, funzjoni mogħtija lilhom b’mod konġunt, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, obbligu li ġie kkonfermat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

Fir-rigward tar-rimedji li għandhom jiġu previsti mill-Istati Membri, għalkemm it-Trattat FUE stabbilixxa numru ta’ azzjonijiet diretti li jistgħu jiġu eżerċitati, meta jkun il-każ, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi quddiem il-qorti tal-Unjoni, la t-Trattat FUE u lanqas l-Artikolu 19 TUE ma kienu maħsuba sabiex joħolqu quddiem il-qrati nazzjonali, bl-iskop li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, rimedji għajr dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Ikun jista’ jingħad mod ieħor biss jekk mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni jirriżulta li ma hemm ebda rimedju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, jew inkella jekk l-uniku mod sabiex l-individwi jkollhom aċċess għal qorti jkun billi jiksru l-liġi.

Barra minn hekk, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta ma teħtieġx li individwu għandu jkun jista’, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni, jippreżenta rikors għal annullament, direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni. La dan id-dritt fundamentali u lanqas it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jeżiġu li individwu għandu jkun jista’ jippreżenta rikors kontra tali atti, b’mod prinċipali, quddiem il-qrati nazzjonali.

(ara l-punti 90-93, 95, 97-101, 103-106)