Language of document : ECLI:EU:C:2016:325

Kawża C-547/14

Philip Morris Brands SARL et

vs

Secretary of State for Health

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2014/40/UE – Artikoli 7, 18 u 24(2) u (3) – Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(a), (c), u (g), 13 u 14 – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Validità – Bażi legali – Artikolu 114 TFUE – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Drittijiet fundamentali tal-Unjoni – Libertà ta’ espressjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 11”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Mejju 2016

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Talba għall-interpretazzjoni ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali li ma kienx is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni fid-dritt nazzjonali – Ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-qorti nazzjonali – Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Talba li ma tipprovdi l-ebda informazzjoni fuq il-kuntest fattwali u leġiżlattiv u li ma tesponix ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94(c))

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Artikolu 114 TFUE – Kamp ta’ applikazzjoni – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti – Inklużjoni

(Artikolu 114 TFUE)

5.        Id-dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni tad-dritt sekondarju konformi mat-Trattat FUE

6.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk – Possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw regoli dwar aspetti tal-pakketti li ma kinux armonizzati – Kompatibbiltà mal-Artikolu 114 TFUE

(Artikolu 114 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, Artikolu 24(1) u (2))

7.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk – Possibbiltà għal Stat Membru li jipprojbixxi ċerti prodotti sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika – Kompatibbiltà mal-Artikolu 114 TFUE

(Artikolu 114(4) sa (10) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, Artikoli 7 u 24(1) u (3))

8.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Ittikkettar u ippakkjar – Obbligu ta’ adattament minħabba f’aspetti lingwistiċi u regolamenti tal-Istat Membru ta’ kummerċjalizzazzjoni – Kompatibbiltà mal-Artikolu 114 TFUE

(Artikolu 114 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2014/40, Titolu II, Kapitolu II)

9.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jiġu rregolati l-ingredjenti – Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti – Kompatibbiltà mal-Artikolu 114 TFUE

(Artikolu 114 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2014/40, premessa 15 u Artikolu 7)

10.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Bejgħ transkonfinali mill-bogħod – Possibbiltà għall-Istati Membri li jibbrjobixxuh – Implementazzjoni ta’ regoli komuni għall-Istati Membri li awtorizzaw din il-modalità ta’ kummerċjalizzazzjoni – Kompatibbiltà mal-Artikolu 114 TFUE

(Artikolu 114 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, Artikolu 18)

11.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Ittikkettar u ippakkjar – Projbizzjoni li jitqiegħed fuq dan informazzjoni ta’ promozzjoni – Raġuni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, premessa 3 u Artikolu 1(1))

12.      Drittijiet fundamentali – Libertà ta’ espressjoni – Rikonoxximent tal-Artikoli 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – Sens u portata identiċi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11 u 52(3))

13.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Ittikkettar u ippakkjar – Projbizzjoni li jitqiegħed fuq dan informazzjoni ta’ promozzjoni – Restrizzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Artikolu 5(4) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 11; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, Artikolu 13(1))

14.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Proporzjonalità – Portata – Setgħa diskrezzjonali tal-leġislatur tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 5(4) TUE)

15.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jiġu rregolati l-ingredjenti – Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Artikolu 5(4) TUE; Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE u 168(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 35; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, Artikolu 7)

16.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Ittikkettar u ippakkjar – Rekwiziti dwar twissijiet tas-saħħa u l-forma ta’ pakkett individwali – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Artikolu 5(4) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, premessi 25 u 28 u Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g) u 14)

17.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Ittikkettar u ippakkjar – Rekwiziti dwar id-daqs tat-twissijiet tas-saħħa – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Artikolu 5(4) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, Artikolu 10(1)(a) u (c))

18.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Artikolu 5(3) TUE; Protokoll Nru 2 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 5)

19.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40 – Miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jiġu rregolati l-ingredjenti – Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti – Ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà – Assenza

(Artikolu 5(3) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/40, Artikoli 1 u 7)

20.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ

(Artikolu 296 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31, 32)

2.        Ma jistax jiġi validament argumentat li rikors quddiem il-qorti nazzjonali intiż għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-intenzjoni u/jew tal-obbligu ta’ Stat Membru li jittrasponi direttiva, li fil-kuntest tiegħu tressqet talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi mezz ta’ kif tista’ tiġi evitata s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat FUE. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-imsemmi att diġà kien effettivament is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li titressaq quddiem il-qorti nazzjonali tilwima vera li fiha tqum, b’mod indirett, il-kwistjoni dwar il-validità ta’ att bħal dan.

(ara l-punti 34, 35)

3.        Mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima. Għaldaqstant huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu. Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati oħra li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Minn dan jirriżulta li, minn naħa, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina biss il-validità ta’ att tal-Unjoni jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu fid-dawl tal-motivi ta’ invalidità meqjusa fid-deċiżjoni tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kwalunkwe referenza għal raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ dan l-att jew ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal għall-inammissibbiltà tad-domandi dwar il-validità ta’ dawn.

(ara l-punti 47-50)

4.        Meta jkunu jeżistu ostakoli għall-kummerċ jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm ostakoli bħal dawn, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri diverġenti b’tali mod li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u b’tali mod li, minħabba f’hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu mfixkla mill-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, l-Artikolu 114 TFUE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni billi jadotta l-miżuri xierqa konformement, minn naħa, mal-Artikolu 114(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat FUE jew identifikati mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dan ir-rigward, permezz tal-espressjoni “miżuri għal approssimazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 114 TFUE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi. Skont iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu f’obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew prodotti kkonċernati, li jissuġġettaw tali obbligu ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, jew sabiex jipprojbixxu, provviżorjament jew definittivament, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ wieħed jew ta’ ċerti prodotti.

(ara l-punti 62-64)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 70)

6.        L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu iktar rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-aspetti tal-pakketti tal-prodotti tat-tabakk li ma jkunux armonizzati minn din id-direttiva.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, billi jawtorizza lill-Istati Membri li jżommu jew li jintroduċu iktar rekwiżiti dwar l-aspetti tal-ippakkjar li ma ġewx armonizzati mid-Direttiva 2014/40, l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva ma jiggarantixxix li l-prodotti li l-ippakkjar tagħhom jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern. Madankollu, din iċ-ċirkustanza hija l-konsegwenza inevitabbli tat-teknika ta’ armonizzazzjoni magħżula, f’dan il-każ, mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan għandu marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li armonizzazzjoni sseħħ biss b’mod gradwali u li jeħtieġ biss tneħħija gradwali tal-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri. Miżura ta’ armonizzazzjoni parzjali fil-qasam tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, bħal dik imwettqa mid-Direttiva 2014/40, ma tiffavorixxix inqas il-funzjonament tas-suq intern, peress li hija xorta waħda telimina ċerti ostakoli għall-kummerċ, għalkemm mhux kollha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 24(1) u (2) ta’ din id-direttiva jikkontribwixxu għall-għan tat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern u huma għalhekk konformi mal-Artikolu 114 TFUE.

(ara l-punti 79-82, 84, dispożittiv 1)

7.        Huwa minnu li, billi l-Istati Membri jiġu permessi jipprojbixxu ċerta kategorija ta’ prodotti tat-tabakk jew ta’ prodotti relatati, anki jekk dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, l-Artikolu 24(3) ta’ din l-aħħar direttiva jista’ jostakola l-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti. Madankollu, din id-dispożizzjoni tirrigwarda aspett li ma kienx is-suġġett ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati mid-Direttiva 2014/40 u li għalhekk ma għandux ikun suġġett għar-regoli dwar l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, previsti skont l-Artikolu 114(4) sa (10) TFUE.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi validament argumentat li teżisti inkonsistenza bejn l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 u l-Artikolu 7 ta’ dan tal-aħħar, minħabba l-fatt li, minn naħa, il-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni għandha l-għan li jiġu eliminati d-diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, filwaqt li, min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 24(3) jiffaċilita l-ħolqien ta’ dawn id-differenzi. Fil-fatt, mingħajr ma jikkontradixxu lil xulxin, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma komplementari. F’dan ir-rigward, waqt li jipprojbixxi l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, l-Artikolu 7 jfittex li jelimina d-differenzi li jeżistu f’dan ir-rigward bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, sabiex, b’mod partikolari, jiġi żgurat il-moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk b’mod ġenerali. Skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, dawn il-prodotti, sakemm dawn ikunu konformi, b’mod partikolari, mal-Artikolu 7, igawdu minn moviment liberu fis-suq intern sakemm il-kategorija tal-prodotti tat-tabakk li jagħmlu parti minnha ma hijiex, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 24(3) ta’ din l-istess direttiva, ipprojbita, bħala tali, fl-Istat Membru tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

(ara l-punti 87, 90, 93, 94)

8.        Il-validità tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Kapitolu II tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, hija kkontestata fuq il-bażi li din ma tikkontribwixxix għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk, billi wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu, f’kull każ, li l-manifatturi jipproduċu ppakkjar differenti għal kull Stat Membru.

Fil-fatt, waqt li huwa minnu li ċerti dispożizzjonijiet jeħtieġu li ċerti elementi tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk jiġu adattati għal, b’mod partikolari, il-lingwa/i uffiċjali jew il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ kummerċjalizzazzjoni, jibqa’ l-fatt li din id-direttiva tarmonizza elementi oħra tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti, bħall-forma tal-pakketti individwali, in-numru minimu ta’ sigaretti għal kull pakkett, id-daqs u n-natura kkombinata tat-twissijiet tas-saħħa. Dawn il-miżuri b’hekk jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ, peress li dawn jippermettu lill-impriżi kkonċernati jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom permezz ta’ ekonomiji ta’ skala.

(ara l-punti 102, 103)

9.        Il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, kemm jekk tal-mentol jew ta’ togħma oħra, li jinsab fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, seta’ jiġi validament adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE.

Fill-fatt, minn naħa, jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva 2014/40, li meta d-direttiva kienet adottata kienu jeżistu diverġenzi sinjifikattivi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, b’uħud minnhom kienu stabbilixxew listi differenti ta’ aromi awtorizzati jew ipprojbiti, filwaqt li oħrajn ma kinux adottaw leġiżlazzjoni speċifika dwar dan il-punt. Barra minn hekk, jidher probabbli li, fl-assenza ta’ miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni, kienu ser jiġu implementati fil-livell nazzjonali sistemi differenti applikabbli għall-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, inkluż il-mentol. Barra minn hekk, peress li s-suq tal-prodotti tat-tabakk huwa suq li fih il-kummerċ bejn Stati Membri jirrappreżenta parti relattivament kbira u li, għaldaqstant, ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu suġġetti għalihom dawn il-prodotti, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-kompożizzjoni tagħhom, huma jistgħu min-natura tagħhom, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija. Għaldaqstant, l-eliminazzjoni ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-prodotti tat-tabakk jew il-prevenzjoni tal-evoluzzjoni eteroġena tagħhom, inkluż bi projbizzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ċerti addittivi, hija intiża sabiex tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti kkonċernati.

(ara l-punti 117, 118, 123, 125)

10.      L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, li, minn naħa jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod tal-prodotti tat-tabakk għall-konsumaturi, u min-naħa l-oħra jimponi sett komuni ta’ regoli għall-Istati Membri, li jippermettu dan il-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni, seta’ jiġi validament adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE.

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tostakola li jiġu evitati r-regoli ta’ konformità stabbiliti mid-Direttiva 2014/40, billi bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Att tal-Unjoni adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE jista’ jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprekludu l-evitar tar-rekwiżiti li għandhom bħala skop it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern. Barra minn hekk, l-Artikolu 114 TFUE jagħti lil-leġislatur tal-Unjoni marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li armonizzazzjoni sseħħ biss b’mod gradwali u li jeħtieġ biss tneħħija gradwali tal-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri. Għaldaqstant, bl-osservanza ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni, il-leġiżlatur seta’ validament jipproċedi bl-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-bejgħ transkonfinali tal-prodotti tat-tabakk, filwaqt li jħalli l-aspetti l-oħrajn għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

(ara l-punti 128, 130, 131, 134, 135)

11.      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, għandu jiġi interpretat fis-sens li jiġi pprojbit fuq it-tikkettar ta’ pakkett indiviwali, fuq l-ippakkjar estern, kif ukoll fuq il-prodotti tat-tabakk innifsu, it-tqegħid ta’ informazzjoni li hija s-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk din tkun fattwalment preċiża.

Fil-fatt, hekk kif stabbilixxiet il-premessa 27 tad-Direttiva 2014/40, ċerti termini jew espressjonijiet, bħal “qatran baxx”, “ħfief”, “ħfief ħafna”, “naturali”, “organiċi”, “mingħajr addittivi”, “mingħajr aromi”, jew “irqaq”, kif ukoll elementi oħrajn jew karatteristiċi li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, billi jissuġġerixxu effetti inqas dannużi jew ta’ benefiċċju. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan imfittex minn din id-direttiva, li jikkonsisti, konformement għall-Artikolu 1 tiegħu f’li jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi jieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Tali livell għoli ta’ protezzjoni fil-fatt jeħtieġ li l-konsumaturi tal-prodotti tat-tabakk, li jikkostitwixxu kategorija ta’ konsumaturi partikolarment vulnerabbli minħabba l-effetti ta’ dipendenza kkawżati minn nikotina, ma jkunux inkoraġġiti li jikkonsmaw dawn il-prodotti permezz ta’ informazzjoni, anki materjalment eżatta, li tista’ tiġi interpretata bħala li qed tnaqqas r-riskji marbuta mad-drawwiet tagħhom jew bħala li tagħti lill dawn il-prodotti ċerti effetti ta’ benefiċċju.

(ara l-punti 142-145, dispożittiv 2)

12.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 147)

13.      Il-projbizzjoni li jiġu inklużi fuq it-tikketta ta’ pakketti individwali, fuq l-ippakkjar estern kif ukoll fuq il-prodott tat-tabakk innifsu elementi jew karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, la jikser l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fil-fatt, din il-projbizzjoni ndħil fil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-imprenditur, kif iggarantita mill-Artikolu 11. Madankollu, il-kontenut essenzjali ta’ din il-libertà ma huwiex affettwat mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40, sa fejn din id-dispożizzjoni, minkejja li ma tipprojbixxix il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni dwar il-prodott, tillimita ruħha sabiex f’qasam speċifiku tirregola l-ittikkettjar ta’ dawn il-prodotti billi tipprojbixxi biss it-tqegħid ta’ ċerti elementi u karatteristiċi. Barra minn hekk, l-indħil irrilevat jissodisfa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa. Fil-fatt, sa fejn ikun stabbilit li l-konsum tat-tabakk u l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk huma kawżi ta’ mewt, ta’ mard u ta’ diżabbiltà, il-projbizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 13(1) tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dan l-għan peress li dan jostakola l-promozzjoni tal-prodotti tat-tabakk u l-inċentiv għall-konsum tagħhom.

Barra minn hekk, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 hija, minn naħa, ta’ natura tali li tipproteġi lill-konsumaturi kontra riskji marbuta mat-tipjip, u min-naħa l-oħra, din il-projbizzjoni ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-protezzjoni tal-konsumaturi ma hijiex biżżejjed żgurata mit-twissijiet tas-saħħa obbligatorji li jindikaw ir-riskji marbuta mat-tipjip, peress li għarfien ta’ dawn ir-riskji jistgħu, għall-kuntrarju, jiġu mminati minn dawk id-dikjarazzjonijiet li jistgħu jissuġġerixxu li l-prodott ikkonċernat ikun inqas ta’ ħsara jew li huwa ta’ benefiċċju f’ċerti aspetti. It-tieni nett, miżuri inqas restrittivi oħra, bħall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-elementi u tal-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, ma jkunux daqshekk effettivi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, peress li l-elementi u l-karatteristiċi msemmija f’dan l-Artikolu 13, fihom infushom, jistgħu jinkoraġġixxu t-tipjip. Fil-fatt, wieħed ma jistax jassumi li dawn l-elementi u dawn il-karatteristiċi jistgħu jitqiegħdu bil-għan li jipprovdu informazzjoni ċara u preċiża lill-konsumaturi, peress li dawn huma iktar mfassla sabiex jisfruttaw l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi tal-prodotti tat-tabakk, li, minħabba d-dipendenza tagħhom għan-nikotina, huma partikolarment riċettivi għal kwalunkwe element li jissuġġerixxi ċertu effett benefiku relatat mat-tipjip, sabiex jiġġustifikaw jew itaffu r-riskji assoċjati mad-drawwiet tagħhom.

(ara l-punti 148, 151, 152, 158-160, 162)

14.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 165, 166, 185)

15.      Il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, bħall-mentol, li jinsab fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tista’ tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati u hija wkoll xierqa sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Ċerti togħmiet huma partikolarment attraenti għal dawn tal-aħħar u jiffaċilitaw l-inizjazzjoni għall-konsum tat-tabakk. F’dan ir-rigward, allegazzjoni li ż-żgħażagħ ma humiex miġbuda għall-mentol u li l-użu ta’ din tal-aħħar ma jiffaċilitax il-bidu tal-konsum tat-tabakk, ma tistax tintlaqa’, peress li l-kapaċità ta’ din il-projbizzjoni li tilħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandu biss jiġi kkontestat fir-rigward ta’ aroma partikolari. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/40 hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għall-konsumaturi kollha, b’tali mod li l-adegwatezza tagħha sabiex tilħaq dan l-għan ma tistax tiġi evalwata biss fir-rigward ta’ kategorija waħda ta’ konsumaturi.

Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni żgura ruħu li l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti jkunu mtaffa. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex bilanċ bejn, minn naħa, il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ din il-projbizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju li jikkonsisti fil-fatt li jiġi żgurat, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE u 168(1) TFUE, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’dak li jikkonċerna prodott ikkaratterizzat mill-proprjetajiet tiegħu li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni. L-impatt tal-projbizzjoni previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 għalhekk ma jidhirx manifestament sproporzjonat.

(ara l-punti 172-174, 176, 187, 190)

16.      Ma jistax jiġi aċċettat li r-rekwiżiti previsti taħt l-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g) u 14 tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, huma manifestament mhux xierqa jew li manifestament jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ.

Fil-fatt, minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet li fihom diversi regoli dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, li huma parti mit-Titolu II, Kapitolu II ta’ din id-direttiva, jikkontribwixxu għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk, billi jiġu eliminati d-differenzi f’dan il-qasam bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, dawn ir-rekwiziti jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, il-forom innovattivi, ġodda jew oriġinali jistgħu jikkontribwixxu sabiex iżommu jew iżidu l-attrazzjoni lejn prodott u jinkoraġġixxu l-konsum tiegħu. Bl-istess mod, ċerti forom ta’ ppakkjar jista’ jimpedixxi l-viżibbiltà tat-twissijiet tas-saħħa u, konsegwentement, inaqqas l-effiċjenza tagħhom, hekk kif jirriżulta mill-premessi 25 u 28 tad-Direttiva 2014/40. F’dan ir-rigward, eżiġenza inqas restrittiva li t-twissijiet tas-saħħa jridu jkunu viżibbli għal kollox u ma jkunux affettwati mill-forma tal-pakkett, ma hijiex maħsuba sabiex telimina d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk u għalhekk ma hijiex adatta sabiex jintlaħaq l-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li dawn ir-rekwiżiti, min-natura tagħhom, jistgħu jżidu, sa ċertu punt, ix-xebh bejn il-prodotti tat-tabakk, madankollu jibqa’ l-fatt li dawn jirrigwardaw biss ċerti aspetti tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti, b’tali mod li jħallu biżżejjed possibbiltajiet ta’ differenzazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

(ara l-punti 192, 193, 195, 197-200)

17.      Ma jidhirx li, billi adotta l-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, il-leġislatur tal-Unjoni manifestament mar lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ.

L-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2014/40, li huwa s-suġġett tal-parti (c) tat-tielet domanda, jipprevedi, essenzjalment, li kull pakkett individwali jew ippakkjar estern għandu jkollu fuqu twissijiet tas-saħħa kkombinati li jikkonsistu f’wieħed mill-messaġġi elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, u minn fotografija bil-kulur korrispondenti li tinsab fl-Anness II tagħha, li għandhom ikopru 65 % tas-superfiċi esterna ta’ quddiem u ta’ wara ta’ kull pakkett individwali. F’dan ir-rigward, din il-parti ta’ 65 % ma tidhirx manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, sa fejn it-twissijiet tas-saħħa ta’ daqs ikbar li jkun fihom stampi għandhom probabbiltà ikbar li li jiġu nnotati, li jqajmu kuxjenza dwar ir-riskji għas-saħħa, li jkollhom impatt emozzjonalment iktar b’saħħtu u li jħeġġu lill-konsumaturi tat-tabakk sabiex inaqqsu jew jabbandunaw l-konsum tagħhom. Tali twissijiet huma iktar probabbli li jżommu l-effettività tagħhom maż-żmien u huma partikolarment effettivi biex jippubbliċizzaw l-effetti għas-saħħa lill-persuni bi ftit edukazzjoni, lit-tfal u liż-żgħażagħ.

Barra minn hekk, fir-rigward tad-daqs taż-żona rriżervata għat-twissijiet tas-saħħa kkombinati, skont l-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2014/40, ma jistax jiġi kkritikat lil-leġiżlatur tal-Unjoni li aġixxa b’mod arbitrarju meta żamm parti mill-65 % għaż-żona rriżervata għal dawn it-twissijiet tas-saħħa, peress li din l-għażla hija bbażata fuq kriterji li jirriżultaw mir-rakkomandazzjonijiet tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk u twettqet fir-rispett tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li jiddisponi minnu l-leġiżlatur. Għal dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tal-miżura inkwistjoni u tal-effetti tagħha allegatament sproporzjonati fuq il-kapaċità tal-manifatturi li jikkomunikaw lill-konsumaturi l-informazzjoni dwar il-prodott ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-parti rriżervata lil dawn it-twissijiet tħalli biżżejjed spazju għal dan it-tip ta’ informazzjoni fuq il-pakketti individwali u li, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet hekk imposti għandhom jitqiegħdu f’bilanċ mar-rekwiżit li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’qasam ikkaratterizzat mit-tossiċità tal-prodott ikkonċernat u mill-effetti tagħhom fil-qasam tad-dipendenza.

(ara l-punti 202, 204-206, 208-211)

18.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 215, 218)

19.      Il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, bħall-mentol, li jinsab fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, ma jiksirx il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Fil-fatt, anki jekk it-tieni parti ta’ dan l-għan doppju mfittex mid-Direttiva 2014/40, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Istati Membri, jibqa’ l-fatt li t-tfittxija ta’ dan l-għan f’tali livell jista’ jikkonsolida, jekk ma jikkawżax, sitwazzjonijiet li fihom ċerti Stati Membri jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom ċerti togħmiet karatterizzanti, fil-waqt li Stati Membri oħra jipprojbixxuhom, biex b’hekk imur l-oppost preċiż tal-għan prinċipali ta’ din l-istess direttiva, jiġifieri t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati. Mill-interdipendenza taż-żewġ għanijiet intiżi mid-Direttiva 2014/40 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis leġittimament li l-azzjoni tiegħu kellha tinkludi wkoll sistema ta’ tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti u li, minħabba din l-interdipendenza, dan l-għan doppju seta’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

(ara l-punti 220-222)

20.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 225)