Language of document : ECLI:EU:C:2014:2201

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Settembru 2014 (*)

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà tal-appelli inċidentali

Fuq il-mertu

Fuq it-tielet aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirrigwarda l-ammissibbiltŕ ta’ ċerti annessi tar-rikors fl-ewwel istanza

Is-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq żball ta’ liġi u/jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk MasterCard hijiex assoċjazzjoni ta’ impriżi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

– Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq żball ta’ liġi u/jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-neċessitŕ oġġettiva tal-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni

Is-sentenza appellata

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-aggravju uniku tal-appell inċidentali ta’ RBS u fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

Is-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq l-aggravju uniku tal-appell inċidentali ta’ RBS

– Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni

– Fuq il-mertu tal-aggravju uniku tal-appell inċidentali ta’ RBS u tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

Is-sentenza appellata

Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ispejjeż

“Appell — Appelli inċidentali — Ammissibbiltà — Artikolu 81 KE– Sistema ta’ ħlas miftuħa permezz ta’ karti ta’ debitu, b’debitu ddifferit u ta’ kreditu — Kummissjonijiet multilaterali ta’ skambju awtomatiku — Assoċjazzjoni ta’ impriżi — Effett ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni — Kriterju tal-isħarriġ ġudizzjarju — kunċett ta’ ‘restrizzjoni anċillari’ — Natura oġġettivament neċessarja u proporzjonata — ‘Ipoteżijiet kontrafattwali’ xierqa — Sistemi b’żewġ naħat — Trattament tal-annessi tar-rikors fl-ewwel istanza”

Fil-Kawża C‑382/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2012,

MasterCard Inc., stabbilita f’Wilmington (l-Istati Uniti),

MasterCard International Inc., stabbilita f’Wilmington,

MasterCard Europe SPRL, stabbilita f’Waterloo (il-Belġju),

irrappreżentati minn E. Barbier de la Serre, V. Brophy u B. Amory, avoukati, kif ukoll minn T. Sharpe, QC,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u N. Khan, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Banco Santander SA, stabbilita f’Santander (Spanja),

Royal Bank of Scotland plc, stabbilita f’Edenborough (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Liddell, solicitor, u M. Hoskins, barrister,

HSBC Bank plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn R. Thompson, QC,

Bank of Scotland plc, stabbilita f’Edenborough,

Lloyds TSB Bank plc, stabbilita f’Londra,

irrappreżentati minn K. Fountoukakos-Kyriakakos u S. Wisking, solicitors, kif ukoll minn J. Flynn, QC,

MBNA Europe Bank Ltd, stabbilita f’Chester (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Davis, solicitor,

British Retail Consortium, stabbilit f’Londra, irrappreżentat minn R. Marchini, avukat, u A. Robertson, barrister,

EuroCommerce AISBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Stuyck, avukat,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt u C. Murrell, bħala aġenti, assistiti minn J. Turner, QC, u minn J. Holmes, barrister,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, MasterCard Inc. kif ukoll is-sussidjarji tagħha MasterCard International Inc. u MasterCard Europe SPRL jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea MasterCard et vs Il-Kummissjoni (T‑111/08, EU:T:2012:260, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 2007) 6474 finali, tad-19 ta’ Diċembru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każijiet COMP/34.579 – MasterCard, COMP/36.518 – EuroCommerce, COMP/38.580 – Commercial Cards, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, sussidjarjament, l-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 u 7 ta’ din id-deċiżjoni.

2        Permezz tal-appelli inċidentali rispettivi tagħhom, Royal Bank of Scotland plc (iktar ’il quddiem “RBS”), minn naħa waħda, kif ukoll Bank of Scotland plc (iktar ’il quddiem “BoS”) u Lloyds TSB Bank plc (iktar ’il quddiem “LTSB”), dawn it-tnejn tal-aħħar (iktar ’il quddiem, flimkien, “LBG”) fil-preżent taħt il-kontroll ta’ Lloyds Banking Group plc u jaġixxu b’mod konġunt għall-finijiet ta’ din il-kawża, min-naħa l-oħra, jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata kif ukoll tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

3        Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 20, 24, 27, 35, 39 u 40 tas-sentenza appellata, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej essenzjalment ikkonstatat b’mod partikolari li l-iffissar ta’ kummissjonijiet multilaterali ta’ skambju tas-sistema ta’ ħlas operata mill-organizzazzjoni internazzjonali ta’ ħlas imsejħa “MasterCard” (iktar ’il quddiem “MasterCard”) applikabbli senjatament għal ħlasijiet b’karta bankarja transkonfinali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew iż-Żona Euro b’mod awtomatiku (iktar ’il quddiem il-“KMS”) jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li toħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-banek parteċipanti li jipprovdu lin-negozjanti servizzi li jippermettu lil dawn tal-aħħar jaċċettaw karti ta’ debitu, ta’ debitu ddifferit u ta’ kreditu MasterCard u/jew Maestro, li din ir-restrizzjoni kienet sinjifikattiva, li din kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u li l-appellanti ma wrewx suffiċjentement skont il-liġi la li l-KMS kienu oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard u lanqas li l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni imposti fl-Artikolu 81(3) KE jew l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) kienu ssodisfatti.

4        Mill-proċess, u b’mod partikolari mill-punt 17 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, f’sistema ta’ ħlas imsejħa “miftuħa”, bħas-sistema MasterCard, il-partijiet involuti f’kull xiri b’karta bankarja huma, minbarra l-proprjetarju tas-sistema ta’ ħlas, id-detentur tal-karta, l-istabbiliment finanzjarju emittenti ta’ din il-karta, ikklassifikat bħala “bank emittenti”, in-negozjant u l-istabbiliment finanzjarju li jipprovdi lil dan in-negozjant servizzi li jippermettu li dan tal-aħħar jaċċetta l-imsemmija karta bħala mezz ta’ ħlas tat-tranżazzjoni kkonċernata, ikklassifikat bħala “bank akkwirenti”.

5        Kif jirriżulta mill-punti 1 sa 44 tas-sentenza appellata, il-fatti preċedenti u l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu għall-finijiet tal-appell prinċipali u tal-appelli inċidentali jinġabru bil-mod segwenti.

6        L-appellanti jiġġestixxu u jikkoordinaw is-sistema ta’ ħlasijiet li jsiru permezz tal-karti MasterCard u Maestro, u dan jinkludi b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ regoli tas-sistema kif ukoll il-provvista ta’ servizzi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kumpens lill-istabbilimenti finanzjarji parteċipanti. Il-ħruġ tal-karti MasterCard u Maestro kif ukoll il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ affiljazzjoni man-negozjanti għall-aċċettazzjoni tagħhom jaqgħu taħt dawn l-istabbilimenti finanzjarji.

7        Qabel il-25 ta’ Mejju 2006, il-proprjetà kollha ta’ MasterCard u d-drittijiet ta’ vot korrispondenti kienu jappartjenu lill-istabbilimenti finanzjarji parteċipanti. F’din id-data, MasterCard Inc. ġiet introdotta fil-Borża ta’ New-York (l-Istati Uniti) permezz ta’ “initial public offering” (iktar ’il quddiem l-“IPO”), li bidlet l-istruttura u l-governanza ta’ MasterCard.

8        Fit-30 ta’ Marzu 1992 u fis-27 ta’ Ġunju 1997, tressqu xi lmenti quddiem il-Kummissjoni minn British Retail Consortium (iktar ’il quddiem “BRC”) u minn EuroCommerce AISBL (iktar ’il quddiem “EuroCommerce”) kontra, b’mod partikolari, Europay International SA (iktar ’il quddiem “Europay”), li saret MasterCard Europe SPRL.

9        Europay għamlet notifiki lill-Kummissjoni dwar is-sistema kollha ta’ ħlas tagħha.

10      Fit-13 ta’ April 2002, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li fiha hija ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tadotta pożizzjoni favorevoli fir-rigward ta’ ċerti regoli tas-sistema tal-Europay, li fosthom ma kinux jidhru dawk marbuta mal-kummissjonijiet ta’ skambju awtomatiku.

11      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-appellanti kienu kisru l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Din id-deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari dawn il-kunsiderazzjonijiet:

–        Il-kummissjonijiet ta’ skambju jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn il-banek emittenti u dawk akkwirenti meta jsir il-ħlas ta’ tranżazzjonijiet permezz ta’ karta u jikkorrispondu għal somma mnaqqsa mill-qligħ tal-bank emittenti. Dawn il-kummissjonijiet għandhom ikunu distinti mill-ispejjeż iffatturati mill-bank akkwirenti lin-negozjanti (merchant service charges, iktar ’il quddiem l-“MSC”). Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss il-KMS, u mhux il-kummissjonijiet ta’ skambju ffissati bilateralment bejn banek emittenti u dawk akkwirenti jew il-kummissjonijiet ta’ skambju ffissati kollettivament fil-livell nazzjonali.

–        Għandha ssir distinzjoni bejn tliet swieq ta’ prodotti distinti fil-qasam tas-sistemi ta’ karti bankarji miftuħa, fl-ewwel lok, is-“suq intersistemi”, li fih jikkompetu d-diversi sistemi tal-karti, fit-tieni lok, is-“suq tal-ħruġ”, li fih jikkompetu l-banek emittenti għall-klijentela tad-detenturi tal-karti, u, fit-tielet lok, is-“suq tal-akkwist”, li fih jikkompetu l-banek akkwirenti għall-klijentela tan-negozjanti. Is-suq rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkostitwit minn swieq nazzjonali tal-akkwist fl-Istat Membri taż-ŻEE.

–        Id-deċiżjonijiet tal-appellanti marbuta mal-iffissar tal-KMS jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u dan minkejja l-bidliet fl-istruttura u fil-governanza ta’ MasterCard miġjuba mill-IPO.

–        Il-KMS għandhom l-effett li jkabbru l-bażi tal-MSC, meta dawn jistgħu jkunu f’livell iktar baxx fl-assenza ta’ KMS u kemm-il darba jkun hemm projbizzjoni milli tiġi imposta tariffa a posteriori unilateralment fuq it-tranżazzjonijiet mill-banek emittenti, jiġifieri regola li tipprojbixxi lill-banek emittenti u lill-banek akkwirenti milli jiddefinixxu l-ammont tal-kummissjonijiet ta’ skambju wara li jkun sar xiri minn kwalunkwe detentur tal-karti tal-bank emittenti mingħand kwalunkwe negozjant tal-bank akkwirenti, u t-tranżazzjoni tkun ġiet suġġetta għal ħlas (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi ‘ex post’”). Għalhekk, il-KMS joħolqu restrizzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet bejn il-banek akkwirenti bi ħsara għan-negozjanti u l-klijenti tagħhom.

–        Il-KMS ma jistgħux jitqiesu li huma “restrizzjonijiet anċillari” peress li dawn ma humiex ta’ natura oġġettivament neċessarja għall-funzjonament ta’ sistema ta’ karti ta’ ħlas miftuħa. Din tista’ tiffunzjona biss fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni tal-banek emittenti mid-detenturi tal-karti, tal-banek akkwirenti min-negozjanti u tal-proprjetarju tas-sistema mill-kummissjonijiet imħallsa mill-banek emittenti u mill-banek akkwirenti. B’mod kuntrarju għar-restrizzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali, ir-restrizzjonijiet li huma mixtieqa biss għas-suċċess kummerċjali tal-imsemmija operazzjoni jew li jtejbu l-effikaċità, jistgħu jiġi eżaminati biss fl-ambitu tal-Artikolu 81(3) KE.

–        Fir-rigward tal-effett tar-rekwiżit, fl-ambitu tas-sistema MasterCard, li jiġu aċċettati l-karti Maestro jew MasterCard kollha jkun liema jkun il-bank emittenti (iktar ’il quddiem l-“Honour All Cards Rule”), it-tneħħija tal-KMS ma tkunx tfisser il-possibbiltà għall-banek emittenti li liberament u unilateralment jiffissaw il-kummissjonijiet ta’ skambju, ladarba dan ir-riskju jista’ jiġi evitat permezz ta’ regola li jkollha effetti inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni, bħall-projbizzjoni milli jiġu imposti tariffi “ex post”.

–        Fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE, l-argumenti ekonomiċi mressqa mill-appellanti, ibbażati fuq ir-rwol tal-KMS fl-ibbilanċjar tas-sistema MasterCard u l-massimazzjoni tagħha, ma humiex suffiċjenti sabiex juru li dawn joħolqu vantaġġi oġġettivi. L-appellanti ma pprovdewx, b’mod partikolari, provi li juru li l-vantaġġi oġġettivi li jista’ jkun hemm jagħmlu tajjeb għall-iżvantaġġi tal-KMS għan-negozjanti u l-klijenti tagħhom.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12      B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2008, l-appellanti ppreżentaw kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 u 7 tagħha.

13      Insostenn tar-rikors tagħhom, kif jirriżulta mill-punt 73 tas-sentenza appellata, l-appellanti ressqu erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba żbalji fl-analiżi tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 81(3) KE, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba l-klassifikazzjoni żbaljata bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi applikati għall-KMS u, ir-raba’ nett, fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva u kif ukoll żbalji fattwali.

14      Fl-interventi tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, BRC, EuroCommerce u kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talbu ċ-ċaħda tar-rikors tal-appellanti, filwaqt li Banco Santander SA, RBS, HSBC Bank plc (iktar ’il quddiem “HSBC”), BoS, LTSB u MBNA Europe Bank Ltd (iktar ’il quddiem “MBNA”) talbu b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

15      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti billi kkunsidrat, essenzjalment, li dawn ma stabbilixxewx li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi jew bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

16      L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta maż-żewġ istanzi.

17      RBS, HSBC, LBG u MBNA ippreżentaw risposti insostenn tal-appell, filwaqt li BRC, EuroCommerce u r-Renju Unit isostnu lill-Kummissjoni sa fejn din titlob, essenzjalment, iċ-ċaħda tal-appell u, sussidjarjament, iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata.

18      It-talbiet tal-appelli inċidentali ta’ RBS u ta’ LBG huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk tal-appell prinċipali.

19      L-appellanti jsostnu t-talbiet tal-appelli inċidentali, filwaqt li l-Kummissjoni, sostnuta minn BRC, titlob iċ-ċaħda tagħhom.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appelli inċidentali

20      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appelli inċidentali ppreżentati, minn RBS u LBG, rispettivament, minħabba l-fatt li dawn jidhru, kull wieħed minnhom, fl-istess att tar-risposta ppreżentata mill-partijiet ikkonċernati għall-appell prinċipali.

21      Kif tosserva l-Kummissjoni, l-Artikolu 176(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012, jipprevedi li l-“appell inċidentali għandu jsir permezz ta’ att separat, distint mir-risposta għall-appell”.

22      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-verżjonijiet elettroniċi tal-appelli inċidentali ppreżentati minn RBS u LBG, rispettivament, waslu fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2012, segwiti mill-preżentata tal-atti oriġinali rispettivi jumejn u ħamest ijiem iktar tard.

23      Konsegwentement, kemm jekk jiġi applikat l-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ mill-1 ta’ Novembru 2012 kif ukoll jekk jiġi applikat l-Artikolu 37(6) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ sa dik id-data, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-appelli inċidentali ġew ippreżentati validament fil-31 ta’ Ottubru 2012.

24      Issa, ir-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ f’dik id-data ma fihom ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 176(2) invokat mill-Kummissjoni. Għalhekk, l-appelli inċidentali ma jistgħux jitqiesu inammissibbli inkwantu dawn ġew ippreżentati fl-ambitu tar-risposti għall-appell prinċipali.

25      L-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà iktar puntwali mqajma mill-Kummissjoni se jiġu eżaminati fl-ambitu tal-aggravji kkonċernati.

26      Fir-rigward tal-appell prinċipali, sa fejn il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-appell huwa, “essenzjalment”, inammissibbli, din l-istituzzjoni teċċepixxi, fil-fatt, b’mod puntwali l-inammissibbiltà ta’ ċerti partijiet speċifiċi ta’ dan l-appell, mingħajr ma ssostni li dan huwa inammissibbli fl-intier tiegħu. Għaldaqstant hemm lok, li dawn l-eċċezzjonijiet speċifiċi jiġu indirizzati fil-kuntest tal-eżami tal-aggravji kkonċernati.

 Fuq il-mertu

27      Permezz tal-appell tagħhom u l-appelli inċidentali tagħhom, ir-rikorrenti kif ukoll RBS u LBG jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi meta ġġudikat, essenzjalment:

–        li diversi annessi tar-rikors fl-ewwel istanza kienu inammissibbli (it-tielet aggravju tal-appell prinċipali);

–        li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li s-sistema ta’ ħlas MasterCard tikkostitwixxi “assoċjazzjoni ta’ impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, minkejja l-bidliet miġjuba mill-IPO (it-tieni aggravju tal-appell prinċipali);

–        li d-deċiżjoni kkontestata turi suffiċjentement skont il-liġi li l-KMS għandhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (appell inċidentali ta’ RBS u l-ewwel aggravju ta’ dak ta’ LBG);

–        li l-KMS ma jistgħux jitqiesu li huma oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard (l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali), u

–        li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra mingħajr ma twettaq żball li r-rikorrenti ma wrewx li l-KMS jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 81(3) KE (it-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG).

28      L-ewwel aggravju tal-appell prinċipali kif ukoll l-appell inċidentali ta’ RBS u l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-iffissar tal-KMS jaqa’ taħt il-prinċipju tal-projbizzjoni previst fl-Artikolu 81(1) KE. Għall-finijiet tat-trattazzjoni ta’ dawn l-aggravji, għandu fl-ewwel lok jiġi ttrattat it-tielet aggravju tal-appell prinċipali. Sa fejn l-eżami tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali kif ukoll tal-appell inċidentali ta’ RBS u tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG isiru superfluwi kemm-il darba t-tieni aggravju tal-appell prinċipali jkun fondat, dan it-tieni aggravju għandu jiġi ttrattat fit-tieni lok.

 Fuq it-tielet aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi tar-rikors fl-ewwel istanza

 Is-sentenza appellata

29      Fir-rigward tal-ilment imqajjem quddiemha dwar l-eżami mill-Kummissjoni tal-provi ekonomiċi ppreżentati mill-appellanti matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 183 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni peress li din ma eżaminathomx u lanqas ma rrispondiet għalihom. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li dan l-ilment “huwa ppreżentat f’forma partikolarment konċiża fir-rikors u li, fir-realtà, l-argumentazzjoni li ssostnieh tinsab żviluppata fl-annessi A.13 [sa] A.15 [...], redatti mid-diversi esperti li minnhom joriġinaw il-provi ekonomiċi prodotti matul il-proċedura amministrattiva u li r-rikorrenti jagħmlu riferiment globali għalihom”.

30      Skont il-punti 186 sa 188 tas-sentenza appellata:

“186      [...] fil-punti 52 sa 54 tar-rikors, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw li huma ressqu argumenti ekonomiċi sostanzjali matul il-proċedura amministrattiva, liema argumenti ġew interpretati ħażin jew ġew irrappreżentati ħażin mill-Kummissjoni, u li l-‘konklużjonijiet tal-ekonomisti [tagħhom]’ isostnu l-analiżi legali tagħhom, li tgħid li l-Kummissjoni ‘kellha b’mod partikolari tort tikkonkludi li d-dritt tal-interskambju mitlub [kien] limitazzjoni għall-kompetizzjoni, tikkonċentra ruħha fuq l-impatt tal-ħlas tal-interskambju mitlub (jew tad-differenzi fil-livell tiegħu) fuq l-MSCs, mingħajr ma teżamina l-effett fuq l-ispejjeż tad-detenturi tal-karti, billi tikkontesta li l-mekkaniżmu [kellu] jiffissa livell ta’ dritt tal-interskambju li jimmassimizza l-volum tat-tranżazzjonijiet u tinjora li dan [kien jippromwovi] l-benesseri tal-konsumatur’.

187      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikors jippreżenta d-dikjarazzjoni tal-ilment tar-rikorrenti, huwa ma jinkludix argumentazzjoni li ssostniha.

188      Huwa għalhekk ġustament li l-Kummissjoni ssostni li mit-test tar-rikors ma jirriżultawx elementi preċiżi biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha.”

31      Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, fil-punti 111 sa 130 ta’ dan tal-aħħar u bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, dawn ikkritikaw inter alia lill-Kummissjoni minħabba “nuqqas ta’ ċarezza tal-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti” li l-Kummissjoni bagħtitilhom fit-23 ta’ Marzu 2007, wara s-smigħ tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2006. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 278 tas-sentenza appellata, li “l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tidher biss taħt forma partikolarment imqassra fir-rikors tagħhom”. Fil-punt 280 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, peress li l-appellanti sempliċement għamlu riferiment globali għall-Anness A.20 tar-rikors fl-ewwel istanza, dan l-anness ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni.

32      Fil-punti 189 u 282 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli l-ilmenti bbażati, rispettivament, fuq l-eżami mill-Kummissjoni tal-provi ekonomiċi ppreżentati mir-rikorrenti u fuq nuqqas ta’ ċarezza tal-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti.

 L-argumenti tal-partijiet

33      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ diversi annessi tar-rikors fl-ewwel istanza. Kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma hemm, skont ir-rikorrenti, l-ebda bażi legali li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tillimita b’dan il-mod id-dritt ta’ aċċess għall-qorti.

34      Sussidjarjament, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tali setgħat, hija wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li din il-limitazzjoni kellha tapplika għal każ ineżami. Fil-punti 188 sa 189 u 278 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li t-test ta’ ċerti lmenti tar-rikorrenti ma kienx jagħti informazzjoni suffiċjentement preċiża sabiex l-annessi marbuta magħhom ikunu jistgħu jitqiesu ammissibbli. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-punti 52 sa 54 u 122 tar-rikors fl-ewwel istanza kienu suffiċjentement preċiżi fir-rigward tal-ilmenti u l-argumenti invokati u li l-Annessi A.13 sa A.15 u A.20 ta’ dan ir-rikors kienu, konsegwentement, ammissibbli. Barra minn hekk, fil-punt 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq jekk l-Annessi A.13 u A.14 tal-istess rikors kellhomx jiġu miċħuda minkejja l-fatt li hija ċaħdet l-argument li jirreferi għal dawn l-istess annessi fil-punti 185 sa 189 ta’ dik is-sentenza. F’dan ir-rigward, l-appellanti jqisu b’mod partikolari li l-fatt li huma identifikaw, fl-ewwel lok, il-punti speċifiċi tal-imsemmi rikors li huma xtaqu jikkompletaw bl-annessi u, fit-tieni lok, l-annessi korrispondenti, kellu jkun suffiċjenti.

35      F’dan il-kuntest, l-appellanti kkontestaw ukoll l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li tipprovdi, essenzjalment, li sa fejn l-ilment tagħhom seta’ jinftiehem bħala li jikkritika lill-Kummissjoni li “ma ħaditx inkunsiderazzjoni argumenti ekonomiċi li juru l-vantaġġi li jirriżultaw mid-DMIs għas-sistema [ta’ ħlas] MasterCard, għad-detenturi tal-karti jew għall-konsumatur inġenerali, [dan l-ilment] huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE”.

36      Skont il-Kummissjoni, l-argumentazzjoni tal-appellanti fil-kuntest tat-tielet aggravju tal-appell prinċipali ma hijiex ċara. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li ma hemmx bażi legali li tiġġustifika r-restrizzjoni imposta mill-Qorti Ġenerali u li d-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-qorti ġie ostakolat. Fit-tieni lok, huma jsostnu li l-argumenti esposti fl-annessi tar-rikors fl-ewwel istanza kienu suffiċjentement prodotti fil-qosor f’dak ir-rikors, u dan jikkostitwixxi kwistjoni fattwali inammissibbli. Barra minn hekk, l-appellanti ma jispjegawx kif l-eżitu tas-sentenza appellata kien ikun differenti kieku l-annessi kkonċernati ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

37      RBS u HSBC ma jiħdux pożizzjoni fir-rigward tat-tielet aggravju tal-appell prinċipali. LBG u MBNA isostnu dan l-aggravju, mingħajr ma jipprovdu argument speċifiku f’dan ir-rigward. BRC u EuroCommerce jikkontestaw fil-qosor dan l-aggravju. Mingħajr ma jipprovdi ebda argument speċifiku, ir-Renju Unit jitlob iċ-ċaħda tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa.

39      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-“sunt tar-raġunijiet”, li għandu jiġi indikat f’kull rikors, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, ifisser li r-rikors għandu jespliċita l-kontenut tal-motiv li fuqu l-azzjoni hija bbażata (ara s-sentenzi Fives Lille Cail et vs L-Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, EU:C:1961:30, 588, kif ukoll Grifoni vs KEEA, C-330/88, EU:C:1991:95, punt 18).

40      B’hekk, sabiex azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tkun ammissibbli, huwa partikolarment neċessarju li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din tkun ibbażata jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 94 sa 100, kif ukoll Versalis vs Il-Kummissjoni, C-511/11 P, EU:C:2013:386, punt 115).

41      Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, is-sunt tar-raġunijiet tar-rikorrent għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grifoni vs KEEA, EU:C:1991:95, punt 18). B’dan il-mod, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi li hija tista’ tqis li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2005:408, punti 97 u 100). Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat argument insostenn ta’ motiv issollevat quddiem il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza Versalis vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:386, punt 115).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma humiex korretti meta jsostnu li ma hemmx bażi legali li ssostni l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tal-annessi sottomessi quddiemha.

43      Fir-rigward tal-argumentazzjoni sussidjarja esposta fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 189 u 282 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx inammissibbli l-annessi inkwistjoni, kif isostnu l-appellanti, iżda żewġ motivi li, filwaqt li ġew invokati fir-rikors fl-ewwel istanza, ma pprovdewx, skont l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, informazzjoni suffiċjentement preċiża sabiex hija tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha u l-parti avversarja tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, l-appellanti għaldaqstant jagħmlu qari żbaljat tas-sentenza appellata.

44      Barra minn hekk, huwa billi bbażaw ruħhom fuq dan il-qari żbaljat li dawn tal-aħħar jinvokaw il-fatt li, fil-punt 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Annessi A.13 u A.14 ta’ dan ir-rikors kellhomx jiġu skartati filwaqt li ċaħdet l-argument li jirreferi għal dawn l-istess annessi fil-punti 185 sa 189 tal-istess sentenza.

45      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti ma sostnewx, u lanqas ma stabbilixxew, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 186 u 278 tas-sentenza appellata, żnaturat il-kontenut jew il-portata tal-partijiet ikkonċernati tar-rikors fl-ewwel istanza sabiex ikkonkludiet, imbagħad, li dawn ma kinux suffiċjentement artikolati sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u li l-annessi relatati ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

46      Sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jikkritikaw il-punt 190 tas-sentenza appellata, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li dan il-punt jittratta raġuni ta’ motivazzjoni inkluża għal finijiet ta’ kompletezza tas-sentenza appellata, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-użu tal-espressjoni introduttiva “[b]arra minn hekk”.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju tal-appell prinċipali għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq żball ta’ liġi u/jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk MasterCard hijiex assoċjazzjoni ta’ impriżi

48      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, fil-punt 259 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl taż-żewġ elementi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri ż-żamma ta’ setgħa deċiżjonali tal-banek, wara l-IPO, fi ħdan [...] MasterCard u l-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi bejnha u bejn il-banek fuq il-kwistjoni [tal-KMS], il-Kummissjoni setgħet essenzjalment tikkunsidra b’mod validu li, minkejja l-bidliet li seħħew f’MasterCard permezz tal-IPO, [...] MasterCard kienet baqgħet forma instituzzjonalizzata ta’ koordinazzjoni tal-aġir tal-banek [parteċipanti]. Konsegwentement, kien b’mod ġust li hija ddeskriviet id-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi [ta’] MasterCard li jistabbilixxu [l-KMS] bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.”

 L-argumenti tal-partijiet

49      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li MasterCard, minkejja l-bidliet miġjuba mill-IPO għall-istruttura tagħha u għall-mod ta’ governanza tagħha, hija assoċjazzjoni ta’ impriżi meta tieħu deċiżjonijiet relatati mal-KMS, wettqet żball ta’ liġi u/jew ivvizzjat is-sentenza appellata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

50      Qabelxejn, l-allegata komunanza ta’ interessi bejn MasterCard u l-banek parteċipanti kif ukoll is-setgħa deċiżjonali ta’ dawn il-banek wara l-IPO fuq kwistjonijiet li ma jinkludux il-KMS huma, skont l-appellanti, insuffiċjenti sabiex isostnu l-perspettiva li skontha MasterCard hija assoċjazzjoni ta’ impriżi meta tieħu deċiżjonijiet relatati mal-KMS. Fil-fatt, l-appellanti jenfasizzaw li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li organizzazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, meta, minn naħa, din ma tkunx ikkostitwita minn maġġoranza tar-rappreżentanti ta’ dawn l-impriżi u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali teħtieġ li din tfittex interessi li ma jinkludux dawk tal-istess impriżi meta hija tieħu d-deċiżjonijiet tagħha. Madankollu, wara l-IPO, minn naħa, il-bord ta’ tmexxija ta’ MasterCard kien ikkostitwit minn maġġoranza sinjifikattiva ta’ persuni li ma għandhom ebda konnessjoni ma’ xi istituzzjoni finanzjarja. Min-naħa l-oħra, MasterCard hija entità kummerċjali distinta mill-klijentela bankarja tagħha, issegwi l-interessi kummerċjali tagħha stess u hija mmexxija mill-kumitat ta’ tmexxija tagħha li huwa legalment obbligat li jaġixxi skont id-dmirijiet fiduċjarji tiegħu lejn l-azzjonisti ta’ MasterCard.

51      Imbagħad, wara l-IPO, is-setgħa deċiżjonali residwa tal-banek parteċipanti fuq kwistjonijiet li ma jinkludux il-KMS hija manifestament nieqsa mir-rilevanza sabiex MasterCard tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi meta tieħu deċiżjonijiet relatati mal-KMS. Għalhekk, anki jekk jitqies li, wara l-IPO, MasterCard tista’ xorta waħda tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi meta tieħu deċiżjonijiet fuq suġġetti li ma jinkludux il-KMS, din il-klassifikazzjoni hija irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk dan ikunx il-każ meta hija tieħu deċiżjonijiet relatati mal-KMS. L-appellanti jżidu li l-insuffiċjenza tas-setgħa deċiżjonali residwa tal-banek parteċipanti fuq kwistjonijiet li ma jinkludux il-KMS hija kkonfermata mill-użu tal-kelma “dehret” fil-punt 249 tas-sentenza appellata, li tindika b’mod ċar li l-elementi fattwali lanqas ma kienu suffiċjenti sabiex isostnu t-teżi li MasterCard hija assoċjazzjoni ta’ impriżi meta tieħu deċiżjonijiet fuq suġġetti li ma jinkludux il-KMS.

52      L-allegata komunanza ta’ interessi bejn MasterCard u l-banek parteċipanti fir-rigward tal-iffissar jew taż-żamma tal-KMS għolja hija wkoll irrilevanti u, f’kull każ, insuffiċjenti sabiex MasterCard tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi. Is-sentenza Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni (45/85, EU:C:1987:34), iċċitata fil-punt 251 tas-sentenza appellata, ma ssostnix il-perspettiva li l-komunanza ta’ interessi hija fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. Anki jekk jitqies li l-allegata komunanza ta’ interessi bejn dawn il-banek u MasterCard hija fattur rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk MasterCard hijiex assoċjazzjoni ta’ impriżi meta tieħu deċiżjonijiet relatati mal-KMS, dan il-fattur huwa insuffiċjenti sabiex tinlaħaq din il-konklużjoni. Fil-fatt, minn naħa waħda, l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li kumpannija elenkata tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-klijenti tagħha meta tadotta d-deċiżjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, b’mod iktar ġenerali, id-deduzzjoni tal-eżistenza ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mis-sempliċi fatt li żewġ impriżi jew iktar jista’ jkollhom interess ekonomiku komuni twassal għal konsegwenzi legali assurdi u mhux mixtieqa, partikolarment fis-swieq ikkonċentrati.

53      Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li, anki fuq il-bażi tal-kriterju ta’ komunanza ta’ interessi, it-teżi tal-Kummissjoni ma hijiex sostenibbli. F’dan ir-rigward, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li sempliċement affermat li l-akkwirenti jgħaddu normalment il-KMS lin-negozjanti u li b’hekk naqset milli teżamina jekk l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-banek akkwirenti għandhom interess għal KMS għolja kinitx sostnuta bi kwalunkwe prova.

54      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-argumentazzjoni prodotta fil-qosor fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, bl-eċċezzjoni ta’ dik dwar l-interpretazzjoni tas-sentenza Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni (EU:C:1987:34), tmur kontra l-evalwazzjoni tal-fatti tal-Qorti Ġenerali u hija, għaldaqstant, inammissibbli. Il-Kummissjoni żżid, fil-kuntest tar-risposta tagħha fil-mertu, li, sa fejn it-tieni aggravju tal-appell prinċipali jinvoka l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, dan l-aggravju huwa nieqes minn argumentazzjoni.

55      Ir-Renju Unit isostni li l-argument imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza huwa inammissibbli inkwantu dan l-argument sempliċement jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti li saret fl-ewwel istanza.

56      Fil-mertu, il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza, MasterCard tista’ tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi wara l-IPO u l-KMS bħala deċiżjoni ta’ tali assoċjazzjoni. Fuq dan il-punt, hija ssostni partikolarment li, skont iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni użat ħafna kriterji li ma humiex eżawrjenti sabiex jiddeċiedu dwar l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. Fil-każ ineżami, il-membri ta’ MasterCard huma esklużivament banek emittenti u banek akkwirenti li llimitaw il-libertà kummerċjali tagħhom billi ddelegaw ċerti deċiżjonijiet lil korp komuni, jiġifieri l-bord mondjali ta’ MasterCard jew ir-rappreżentanti tiegħu, li jiffissa l-ammont tal-KMS għalihom. Skont il-Kummissjoni, id-“distinzjoni sfurzata operata minn MasterCard fir-rigward tar-rwol tal-komunanza ta’ interessi” ma hijiex fondata.

57      RBS, HSBC, LBG u MBNA jsostnu t-tieni aggravju tal-appell prinċipali. HSBC tikkunsidra inter alia li l-kriterji legali applikati b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidentifika assoċjazzjoni ta’ impriżi, b’mod partikolari l-fatt li l-assoċjazzjoni tkun ikkontrollata minn rappreżentanti tal-membri tagħha u taġixxi esklużivament fl-interess tagħhom, ma humiex preżenti fil-każ ineżami. LBG issostni partikolarment li l-kriterju tal-“komunanza ta’ interessi”, użat b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali, huwa ferm iktar wiesa’ minn dak tal-“konkordanza ta’ volontajiet” applikat sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix ftehim li jaqa’ taħt l-Artikolu 81 KE, peress li dan huwa ssodisfatt anki fl-assenza ta’ kull forma ta’ kollużjoni.

58      BRC, EuroCommerce u r-Renju Unit jikkontestaw l-argumentazzjoni invokata insostenn tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali. F’dan ir-rigward, EuroCommerce issostni b’mod partikolari li d-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li MasterCard ikkostitwixxiet qabel l-IPO għadha fis-seħħ, b’mod li la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu jeħtieġu jeżaminaw jekk, wara l-IPO, MasterCard baqgħetx tikkostitwixxi assoċjazzjoni ta’ impriżi. Ir-Renju Unit jikkunsidra li dan l-aggravju jaqa’ taħt approċċ eċċessivament formali fir-rigward tal-kategoriji ta’ atti li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 81 KE. Skont dan l-Istat Membru, il-kundizzjoni essenzjali ta’ aġir ikkoordinat hija ssodisfatta b’mod ċar f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

59      Meta l-appellati jallegaw, inter alia, fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, huma sempliċement isostnu, fil-fatt, li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-kunċett ta’ “assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Konsegwentement, sa fejn dan l-aggravju huwa bbażat fuq allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ din is-sentenza, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

60      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit, esposta fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, għandha tintlaqa’. F’dan ir-rigward, għandi jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Madankollu, ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, EU:C:2006:229, punt 51, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C-266/06 P, EU:C:2008:295, punt 72). Minn dan isegwi li, sa fejn, bl-argument espost fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, l-appellanti qegħdin jipprovaw jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

61      Mill-bqija, sa fejn l-argumenti esposti fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza huma bbażati fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk MasterCard hijiex assoċjazzjoni ta’ impriżi, għandu jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni ssostni, l-appellanti ma jillimitawx ruħhom, essenzjalment, għal kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-fatti li saret fl-ewwel istanza, iżda jinvokaw, essenzjalment, punti ta’ liġi li huma ammissibbli fl-istadju tal-appell.

–       Fuq il-mertu

62      Mingħajr ħsara għad-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti, iżda b’mod awtonomu, għall-aġir ikkonstatat jew antiċipat tal-kompetituri tagħhom (ara s-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 174; Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120, punt 71, kif ukoll Asnef-Equifax u Administración del Estado, C-238/05, EU:C:2006:734, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-Artikolu 81 KE huwa ta’ natura li jinkludi kull forma ta’ kooperazzjoni u ta’ kollużjoni bejn impriżi, inkluża dik permezz ta’ struttura kollettiva jew ta’ korp komuni, bħal assoċjazzjoni, li tkun intiża sabiex tipproduċi l-effetti li din id-dispożizzjoni trid tipprekludi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nederlandse Vereniging voor de fruit en groentenimporthandel et Frubo vs Il-Kummissjoni, 71/74, EU:C:1975:61, punt 30; van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, EU:C:1980:248, punt 88, kif ukoll Eurofer vs Il-Kummissjoni, C-179/99 P, EU:C:2003:525, punt 23).

63      B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minkejja li l-Artikolu 81 KE jiddistingwi l-kunċett ta’ “prattika miftiehma” minn dak ta’ “akkordji bejn impriżi” jew ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”, dan l-artikolu huwa maħsub sabiex jinkludi, fost il-projbizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, diversi forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi tal-aġir tagħhom fis-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punt 64; Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, EU:C:1999:356, punt 112, kif ukoll Asnef-Equifax u Administración del Estado, EU:C:2006:734, punt 32) u jevita, b’dan il-mod, li l-impriżi jkunu jistgħu jaħarbu mir-regoli tal-kompetizzjoni sempliċement minħabba l-forma li permezz tagħha huma jikkoordinaw dan l-aġir.

64      F’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 238 tas-sentenza appellata, huwa paċifiku li, qabel l-IPO, MasterCard setgħet titqies “assoċjazzjoni ta’ impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Minn dan il-punt jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom fl-ewwel istanza, l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-bidliet miġjuba mill-IPO għall-istruttura u l-governanza ta’ MasterCard. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirriżulta mill-punt 244 tas-sentenza appellata, it-tielet motiv quddiem il-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, wara l-bidliet miġjuba mill-IPO, MasterCard setgħetx tibqa’ titqies bħala “forma istituzzjonalizzata ta’ koordinazzjoni tal-aġir tal-banek”.

65      Huwa f’dan il-kuntest li l-argumenti mqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali għandhom jiġu eżaminati.

66      Mill-punt 259 tas-sentenza appellata jirriżulta li, billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq iż-żamma ta’ setgħa deċiżjonali tal-banek fi ħdan MasterCard u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi bejn MasterCard u l-banek fuq il-kwistjoni tal-KMS, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumentazzjoni tal-appellanti, imsemmija fil-punt 238 tas-sentenza appellata, li tipprovdi, essenzjalment, li l-bidliet miġjuba għall-istruttura u għall-funzjonament ta’ MasterCard fl-ambitu tal-IPO kellhom il-konsegwenza li din l-organizzazzjoni, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma setgħetx iktar titqies “assoċjazzjoni ta’ impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

67      B’mod iktar speċifiku, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti prodotti fil-qosor fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ elementi li fuqhom il-Qorti Ġenerali kkonċentrat l-analiżi tagħha fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza għandhom jinqraw flimkien. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 238 tas-sentenza appellata, l-appellanti sostnew, minn naħa, li, wara l-IPO, il-banek ma baqgħux jikkontrollaw lil MasterCard u din kienet tiddeċiedi unilateralment il-KMS. Min-naħa l-oħra, mill-punt 239 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ġiet ikkritikata talli ma wrietx li MasterCard kienet għadha taġixxi fl-interess ta’ dawn il-banek jew f’isimhom iktar milli f’isem l-azzjonisti ta’ MasterCard Inc.

68      F’dan ir-rigward, fil-punti 245 sa 249 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni sovrana tagħha tall-fatti, essenzjalment ikkonstatat, l-ewwel nett, li fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk il-banek membri ta’ MasterCard ma kinux jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali fi ħdan il-korpi ta’ din l-organizzazzjoni fir-rigward tal-KMS, “MasterCard dehret pjuttost li ser tibqa’ tiffunzjona fl-Ewropa bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, li tagħha l-banek ma jkunux biss klijenti tas-servizzi pprovduti, iżda jipparteċipaw b’mod kollettiv u b’mod deċentralizzat fl-aspetti essenzjali tas-setgħa deċiżjonali”. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, minkejja l-użu mhux adattat mill-Qorti Ġenerali tat-terminu “dehret” f’dan il-kuntest, minn qari flimkien tal-punti 245 sa 249 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali fil-fatt ivverifikat li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-banek kienu għadhom jeżerċitaw kollettivament setgħa deċiżjonali fuq l-aspetti essenzjali tal-funzjonament tal-organizzazzjoni ta’ ħlas MasterCard, wara l-IPO, u dan irrelattivizza b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li kellhom jiġu dedotti mill-IPO. It-tieni nett, fil-punti 250 sa 258 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, essenzjalment, li l-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi li l-KMS kienu jirriflettu l-interessi tal-banek, peress li kien hemm, fuq dan il-punt, komunanza ta’ interessi bejn MasterCard, l-azzjonisti tagħha u l-banek.

69      Meħuda flimkien, dawn iż-żewġ elementi, prodotti fil-qosor fil-punt 259 tas-sentenza appellata, jispjegaw ir-raġuni li għaliha, skont il-Qorti Ġenerali, l-iffissar tal-KMS minn MasterCard kien għadu jsir, minkejja l-bidliet miġjuba mill-IPO, bħala “forma instituzzjonalizzata ta’ koordinazzjoni tal-aġir tal-banek”. Fil-fatt, skont il-loġika tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, ladarba l-interessi ta’ MasterCard u dawk tal-azzjonisti ta’ MasterCard Inc. ingħaqdu flimkien, fir-rigward tal-iffissar tal-KMS, il-banek parteċipanti kienu f’pożizzjoni li jiddelegaw l-iffissar ta’ dawn il-kummissjonijiet, filwaqt li jżommu setgħat deċiżjonali fil-kuntest ta’ diversi aspetti oħra.

70      Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-punti 238 sa 260 tas-sentenza appellata, u b’mod partikolari l-punti 243 sa 245, 249 u 259 tagħha, jirriżulta li, fl-ambitu tal-eżami tagħha tal-kwistjoni dwar jekk il-forma istituzzjonalizzata ta’ kooperazzjoni li permezz tagħha MasterCard kienet topera qabel l-IPO waqfitx milli tiffunzjona wara dan l-avveniment, il-Qorti Ġenerali qieset definittivament iż-żewġ kriterji inkwistjoni rilevanti fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, bl-evalwazzjoni tagħha taqa’ fl-ambitu fattwali iktar wiesa’ li bih hija ġiet adita.

71      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset l-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi bħala rilevanti f’dan il-każ mhux biss fuq il-bażi ta’ koinċidenza teoretika bejn l-interessi tal-banek u dawk ta’ Mastercard iżda wkoll wara li ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni definittiva tagħha tal-fatti, ċirkustanzi fattwali partikolari li fir-rigward tagħhom ma ġie allegat ebda żnaturament, b’mod partikolari, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-argumentazzjoni tal-partijiet kif esposta fil-punti 238 u 239 tas-sentenza appellata, il-fatt li kien paċifiku li MasterCard aġixxiet fl-interess tal-banek qabel l-IPO, it-tieni nett, kif jirriżulta mill-punt 256 ta’ din is-sentenza, l-iżviluppi kkonstatati wara l-IPO li juru li din l-organizzazzjoni għadha, fil-fatt, tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi konkreti tal-banek meta tiffissa l-livell tal-KMS u, it-tielet nett, kif jirriżulta mill-punt 258 tal-istess sentenza, il-fatt li l-interessi tal-azzjonisti ta’ MasterCard ma jikkontradixxux l-interessi tal-banek.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ u fid-dawl tal-argumentazzjoni żviluppata quddiemha, li kemm is-setgħa deċiżjonali residwa tal-banek fuq kwistjonijiet li ma jinkludux il-KMS wara l-IPO, kif ukoll il-komunanza ta’ interessi bejn MasterCard u l-banek kienu t-tnejn rilevanti u suffiċjenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk, wara l-IPO, MasterCard setgħetx tibqa’ titqies “assoċjazzjoni ta’ impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

73      Dwar ir-riferiment, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, għas-sentenza Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni (EU:C:1987:34, punt 29), għandu jiġi rrilevat li dan ir-riferiment huwa sempliċement intiż sabiex jirrispondi għall-kritika, riprodotta fil-punt 239 tas-sentenza appellata, li l-kriterju tal-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi bejn MasterCard u l-banek ma huwa bbażat fuq ebda ġurisprudenza preċedenti. B’mod kuntrarju għal dak li l-appellanti jissuġġerixxu, meta fakkret, f’dan il-kuntest, li “mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi, jew ta’ interess komuni, hija element rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE”, il-Qorti Ġenerali ma fittxitx li timponi kriterju ġenerali u wisq inqas kriterju esklużiv.

74      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumentazzjoni prodotta fil-qosor fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, huwa veru li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li deċiżjoni ta’ organu li għandu setgħat regolatorji f’settur partikolari jista’ ma jaqax taħt l-Artikolu 81 KE meta dan l-organu jkun kompost minn maġġoranza ta’ rappreżentanti tal-awtorità pubblika u meta dan jieħu l-imsemmija deċiżjoni fl-osservanza ta’ numru ta’ kriterji ta’ interess pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, EU:C:2000:428, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75      Madankollu, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti kienet tikkonċerna, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk, meta jadottaw leġiżlazzjoni partikolari, l-organi kkonċernati, li kienu komposti, tal-inqas parzjalment, minn rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari, kellhomx jitqiesu li kienu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew, għall-kuntrarju, li jeżerċitaw l-awtorità pubblika. Tali kwistjoni ma qamitx quddiem il-Qorti Ġenerali fil-każ ineżami. B’mod simili, iċ-ċirkustanzi fattwali u l-problemi ġuridiċi mqajma fil-kawża li wasslet għas-sentenza Wouters et (C-309/99, EU:C:2002:98) u għall-konklużjonijiet marbuta magħha, (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawża Wouters et, C‑309/99, EU:C:2001:390), li fuqhom l-appellanti prinċipalment jibbażaw ruħhom, ma humiex paragunabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appellanti ma jistgħux isostnu li organizzazzjoni, bħal MasterCard, ma tistax tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi meta tadotta deċiżjonijiet marbuta mal-KMS peress li jirriżulta mill-premess, li l-Qorti Ġenerali setgħet korrettament tikkonstata li, meta jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet, l-imsemmija impriżi jintendu jew, tal-inqas, jaċċettaw li jikkoordinaw l-aġir tagħhom permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet u li l-interessi kollettivi tagħhom jikkoinċidu ma dawk meħuda inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tal-istess deċiżjonijiet, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi fejn l-impriżi inkwistjoni segwew, matul diversi snin, l-istess għan ta’ regolazzjoni komuni tas-suq fl-ambitu tal-istess organizzazzjoni, għalkemm taħt forom differenti.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju tal-appell prinċipali għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq żball ta’ liġi u/jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-neċessità oġġettiva tal-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni

78      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni tan-neċessità oġġettiva tal-KMS qabel ma ttrattat il-kwistjoni dwar jekk dawn il-kummissjonijiet għandhomx effetti antikompetittivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa opportun, fl-ambitu ta’ din is-sentenza, li jiġi eżaminat l-aggravju li jirrigwarda n-natura anċillari tal-KMS fir-rigward tas-sistema ta’ ħlas MasterCard qabel ma jiġi ttrattat dak li jirrigwarda l-effetti possibbilment restrittivi ta’ dawn il-kummissjonijiet.

79      Essenzjalment, l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali huwa redatt f’erba’ partijiet, li minnhom it-tieni u r-raba’ parti huma sussidjarji għall-ewwel parti.

 Is-sentenza appellata

80      Skont il-Qorti Ġenerali, l-ewwel aggravju tar-rikors fl-ewwel istanza huwa kompost, essenzjalment, minn żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-appellanti jsostnu li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-KMS kienu joħolqu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Fil-kuntest tat-tieni parti, huma allegaw li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-KMS kienu oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard.

81      Fl-eżami fl-ewwel lok ta’ din it-tieni parti, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“[...] l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni huwa eżerċizzju relattivament astratt. Fil-fatt, huma biss ir-restrizzjonijiet li huma neċessarji sabiex l-operazzjoni prinċipali tkun tista’, fil-każijiet kollha, tiffunzjona, li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw in-natura indispensabbli tar-restrizzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-analiżi tan-natura anċillari tar-restrizzjoni [...]”

82      Imbagħad, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li “[l]-fatt li n-nuqqas ta’ [KMS] jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-funzjonament tas-sistema MasterCard fih innifsu ma jimplikax li [l-KMS] għandhom jitqiesu bħala oġġettivament neċessarji, jekk mill-eżami tas-sistema MasterCard fil-kuntest ekonomiku u legali tagħha jirriżulta li hija kapaċi tibqa’ tiffunzjona mingħajrhom”. Fil-punt 91 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li “[r]-raġunament tal-Kummissjoni li jiddeduċi n-natura mhux oġġettivament neċessarja ta[l-KMS] mill-fatt li s-sistema MasterCard tista’ taħdem mingħajrhom ma huwa vvizzjat b’ebda żball ta’ liġi”.

83      Fil-punti 94 sa 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li, essenzjalment, il-KMS huma oġġettivament neċessarji għas-sistema MasterCard sa fejn dawn jikkostitwixxu modalità ta’ regolazzjoni awtomatika ta’ tranżazzjonijiet, peress li, fl-assenza tal-KMS, l-Honour All Cards Rule jkollha l-effett li tqiegħed lill-banek akkwirenti f’pożizzjoni sottostanti “at the mercy” għall-banek emittenti.

84      F’dan il-kuntest, wara li kkonstatat li l-użu mill-Kummissjoni tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”, esposta fir-raba’ inċiż tal-punt 11 ta’ din is-sentenza, ma jinvolvi “ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni”, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li “l-eżistenza ta’ mezzi ta’ ħlas tat-tranżazzjonijiet ta’ riżerva li huma inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni mi[ll-KMS] tipprekludi li dawn jitqiesu bħala li huma oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard fuq il-bażi biss tal-kwalità tagħhom bħala mezz ta’ ħlas ta’ riżerva għat-tranżazzjonijiet”. Fil-punt 99 tal-imsemmija sentenza, hija indikat, inter alia, li “hija l-Kummissjoni li għandha teżamina jekk l-ipoteżi ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr KMS] kinitx ekonomikament vijabbli u għaldaqstant setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-paragun”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, skont dan l-istess punt 99, ma kinitx “marbuta turi li l-forzi tas-suq iwasslu lill-banek [emittenti] u lill-banek akkwirenti sabiex huma stess jiddeċiedu dwar l-adozzjoni ta’ regola inqas restrittiva fuq il-kompetizzjoni mi[ll-KMS]”.

85      Wara li qieset, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi li l-KMS ma kinux ta’ natura oġġettivament neċessarja għall-funzjonament tas-sistema MasterCard, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

–       L-argumenti tal-partijiet

86      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju tan-“neċessità oġġettiva” ta’ restrizzjoni. Minflok ma applikat il-kriterju li skontu limitazzjoni partikolari għall-awtonomija kummerċjali tkun “oġġettivament neċessarja” jekk, fl-assenza tagħha, l-operazzjoni prinċipali tirriżulta impossibbli jew diffiċli li ssir, il-Qorti Ġenerali użat, partikolarment fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, kriterju inkomplet li skontu restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja biss jekk, fl-assenza tagħha, l-operazzjoni prinċipali ma tkunx tista’ tiffunzjona. L-appellanti jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq il-punt 109 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali M6 et vs Il-Kummissjoni (T‑112/99, EU:T:2001:215), li jipprovdi “[j]ekk mingħajr ir-restrizzjoni l-operazzjoni prinċipali hija diffiċli jew anki impossibbli biex tiġi implementata, ir-restrizzjoni tista’ tiġi meqjusa bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha”. Skont l-appellanti, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali amalgamat il-kriterju tan-neċessità oġġettiva għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura anċillari tar-restrizzjoni u l-kriterju tan-natura indispensabbli li jinsab fl-Artikolu 81(3) KE.

87      Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex id-distinzjoni bejn il-limitazzjonijiet “anċillari” u r-restrizzjonijiet indispensabbli previsti fl-Artikolu 81(3) KE ma tiġix reża inutli, hija biss in-natura “neċessarja” ta’ dawn il-limitazzjonijiet li tippermetti li ssir distinzjoni bejn restrizzjoni li tista’ tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 81(3) KE u limitazzjoni li tista’, peress li hija anċillari, taħrab l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

88      RBS, HSBC, LBG u MBNA jsostnu l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali. Insostenn tal-Kummissjoni, BRC, EuroCommerce u r-Renju Unit isostnu, essenzjalment, li huma l-appellanti li jinterpretaw ħażin il-kriterju kkonċernat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jekk operazzjoni jew attività partikolari ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 81(1) KE, minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fil-livell tal-kompetizzjoni, lanqas restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant jew ta’ diversi parteċipanti f’din l-operazzjoni jew f’din l-attività ma taqa’ taħt l-imsemmi prinċipju ta’ projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività u proporzjonali għall-għanijiet ta’ waħda jew l-oħra (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punti 19 u 20; Pronuptia de Paris, 161/84, EU:C:1986:41, punti 15 sa 17; DLG, C‑250/92, EU:C:1994:413, punt 35, kif ukoll Oude Luttikhuis et, C‑399/93, EU:C:1995:434, punti 12 sa 15).

90      Fil-fatt, fejn ma huwiex possibbli li tali restrizzjoni tinżamm distinta mill-operazzjoni jew mill-attività prinċipali mingħajr ma tiġi kompromessa l-eżistenza jew l-għanijiet tagħha, il-kompatibbiltà ta’ din ir-restrizzjoni mal-Artikolu 81 KE għandha tiġi eżaminata flimkien mal-kompatibbiltà tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali li għaliha hija anċillari, u dan minkejja li, meqjusa waħidha, restrizzjoni simili tista’ tidher, prima facie, li taqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

91      Fejn hija kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk restrizzjoni antikompetittiva tistax taħrab mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE minħabba li hija anċillari għal operazzjoni prinċipali li ma hijiex ta’ natura antikompetittiva, għandu jiġi eżaminat jekk it-twettiq ta’ din l-operazzjoni tkunx impossibbli fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni. Kuntrarjament għal dak li l-appellanti jsostnu, il-fatt li l-imsemmija operazzjoni sempliċement issir iktar diffiċli sabiex titwettaq jew inqas profitabbli fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni ma jistax jitqies li jagħti lil din ir-restrizzjoni n-natura “oġġettivament neċessarja” meħtieġa sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala anċillari. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex dan il-kunċett jiġi estiż għal restrizzjonijiet li ma humiex strettament indispensabbli għat-twettiq tal-operazzjoni prinċipali. Tali riżultat jippreġudika l-effettività tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE.

92      Madankollu, din l-interpretazzjoni ma twassalx għal amalgamazzjoni bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza sabiex, għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE, restrizzjoni tiġi kklassifikata anċillari u, min-naħa l-oħra, il-kriterju tan-natura indispensabbli meħtieġa skont l-Artikolu 81(3) KE sabiex restrizzjoni pprojbita tkun tista’ tibbenefika minn eżenzjoni.

93      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom għanijiet differenti u li dan il-kriterju tal-aħħar huwa relatat mal-kwistjoni ta’ jekk koordinazzjoni bejn impriżi ta’ natura li jkollha effett sfavorevoli sinjifikattiv fuq il-parametri tal-kompetizzjoni, bħal, partikolarment, il-prezz, il-kwantità u l-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi, li taqa’, għalhekk, taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 81(3) KE, tista’ madankollu, fl-ambitu tal-Artikolu 81(3) KE, titqies li hija indispensabbli għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku, filwaqt li tħalli għall-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnha. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, il-kriterju tan-neċessità oġġettiva, fis-sens ta’ dawn il-punti, jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fin-nuqqas ta’ restrizzjoni partikolari tal-awtonomija kummerċjali, operazzjoni jew attività prinċipali li ma taqax taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE u li fir-rigward tagħha l-imsemmija restrizzjoni hija sekondarja, tkunx f’riskju li ma titwettaqx jew li ma tibqax għaddejja.

94      Meta ġġudikat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li “huma biss ir-restrizzjonijiet li huma neċessarji sabiex l-operazzjoni prinċipali tkun tista’, fil-każijiet kollha, tiffunzjona, li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari” u meta kkonkludiet, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li “[l]-fatt li l-assenza ta’ [KMS] jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-funzjonament tas-sistema MasterCard fih innifsu ma jimplikax li [l-KMS] għandhom jitqiesu bħala oġġettivament neċessarji, jekk mill-eżami tas-sistema MasterCard fil-kuntest ekonomiku u legali tagħha jirriżulta li hija kapaċi tibqa’ tiffunzjona mingħajrhom”, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx għalhekk żball ta’ liġi.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

–       L-argumenti tal-partijiet

96      Permezz tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li naqset milli teżamina r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li l-KMS jikkostitwixxu, u għalhekk il-kwistjoni tan-neċessità oġġettiva ta’ dawn il-kummissjonijiet, fil-kuntest reali tagħhom, billi ppermettiet lill-Kummissjoni tinvoka “ipoteżi kontrafattwali”, dik tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”, li fil-fatt qatt ma tiġri. It-teżi tal-Kummissjoni, li ċerti problemi li jirriżultaw mill-eliminazzjoni tal-KMS jistgħu jiġu solvuti permezz tal-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”, hija ferm differenti minn evalwazzjoni ta’ dak li jiġri fir-realtà fil-każ ta’ eliminazzjoni tal-KMS. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-argument li tali projbizzjoni sempliċement ma tkunx teżisti mingħajr intervent regolatorju, iżda llimitat ruħha għal affermazzjoni li x-xenarju previst ma kellux ikun ir-riżultat tal-operat tas-suq. Issa, il-Kummissjoni, bl-introduzzjoni ta’ kundizzjoni fittizja fl-analiżi tagħha, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”, ma osservatx l-obbligu tagħha li tevalwa l-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni b’paragun ma’ dak li jiġri fir-realtà fl-assenza tagħhom. L-appellanti jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu ma spjegatx kif il-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” kienet sinjifikattivament differenti mill-KMS fil-fatt applikati minn MasterCard.

97      Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex taċċetta dak li hija tiddeskrivi, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, bħala “eżistenza ta’ mezzi ta’ ħlas tat-tranżazzjonijiet ta’ riżerva li huma inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni mi[ll-KMS]” meta, fl-ambitu tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma fittxitx fl-ewwel lok li tifhem kif l-attività kkonċernata tiffunzjona fl-assenza ta’ regola ta’ applikazzjoni awtomatika. Skont l-appellanti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sempliċement bidlet impożizzjoni ta’ tariffa awtomatika b’oħra, għalkemm iktar dgħajfa mill-perspettiva tan-negozjanti.

98      Barra minn hekk, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kkaratterizzat b’mod żbaljat l-“ipoteżi kontrafattwali” li fuqha l-Kummissjoni fil-fatt ibbażat ruħha quddiemha, li tipprovdi li kemm il-banek emittenti u kif ukoll il-banek akkwirenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, mingħajr ħtieġa ta’ regola ta’ applikazzjoni awtomatika li hija komposta minn projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”.

99      Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali indebitament issotitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha meta eżaminat in-neċessità oġġettiva tal-KMS. L-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni hija bbażata fuq ġabra ta’ numru ta’ konstatazzjonijiet esposti fil-premessi 550 sa 648 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta bbażat ruħha fuq numru limitat minn dawn il-konstatazzjonijiet li kellhom biss rwol sekondarju f’din id-deċiżjoni, filwaqt li injorat iċ-ċentru tal-analiżi tal-Kummissjoni u naqset milli tirrikonoxxi li l-imsemmija deċiżjoni kienet ikkostitwita minn ġabra ta’ provi li, meħuda flimkien biss, kienu propensi li jsostnu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

100    Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali.

101    Minn naħa, permezz ta’ dawn il-partijiet, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li saret mill-Qorti Ġenerali.

102    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma jistgħux jinvokaw, insostenn tal-aggravju tagħhom tal-appell prinċipali relatat man-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS, argumenti li saru inizjalment sabiex isostnu motiv ieħor tar-rikors fl-ewwel istanza u li konsegwentement ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan il-motiv l-ieħor. Fil-fatt, il-Kummissjoni tirrileva li l-appell prinċipali ma jinkludi ebda aggravju li jikkontesta, bħall-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, li l-KMS jipproduċu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-argumenti ssollevati kontra l-premessa, fl-ambitu tal-eżami tan-neċessità oġġettiva tal-KMS, ta’ projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” bħala “ipoteżi kontrafattwali” realistika huma inammissibbli.

103    Fil-mertu, il-Kummissjoni tenfasizza partikolarment li l-ġurisprudenza li tirreferi għal dak li jiġri fin-nuqqas tal-ftehim ineżami tittratta l-kwistjoni preliminari ta’ jekk dan il-ftehim jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Issa, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, dan jinvolvi min-naħa l-oħra d-determinazzjoni ta’ jekk ftehim li, f’kull każ, jikkostitwixxi tali restrizzjoni, huwiex madankollu neċessarju, b’mod anċillari, għall-funzjonament tajjeb ta’ ftehim b’portata iktar wiesgħa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, bl-appell tagħhom, l-appellanti ma humiex jikkontestaw l-approċċ li skontu l-kriterju tan-“neċessità oġġettiva” tal-KMS jippresupponi l-eżami ta’ jekk dawn il-kummissjonijiet humiex proporzjonali għall-funzjonament tas-sistema MasterCard, li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat jekk hemmx soluzzjonijiet oħra inqas restrittivi u oġġettivament applikabbli.

104    RBS, HSBC, LBG u MBNA jsostnu t-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali. BRC, EuroCommerce u r-Renju Unit jikkontestaw l-argumentazzjoni invokata mill-appellanti insostenn ta’ dawn il-partijiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

105    B’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni tallega, l-appellanti ma humiex jikkontestaw sempliċement, mingħajr ma jinvokaw l-iżnaturament tal-provi, l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Qorti Ġenerali, iżda jqajmu punti ta’ liġi li jistgħu, bħala tali, jiġu invokati fl-ambitu ta’ appell.

106    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, bl-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà prodotti fil-qosor fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni sempliċement issostni li ċerti argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali huma issa mressqa fil-kuntest ta’ aggravju ieħor, tali eċċezzjonijiet ma jistgħux jirnexxu. Fil-mertu, kif jirriżulta mill-punti 96 u 97 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jikkritikaw il-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-ipoteżi tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”, xenarju li, skont l-appellanti, ma jiġix fis-seħħ, fl-assenza tal-KMS, ħlief b’intervent regolatorju, u li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex differenti minn dak li jirriżulta mill-eżistenza tal-KMS, sabiex tikkonkludi, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li “l-eżistenza ta’ mezzi ta’ ħlas tat-tranżazzjonijiet ta’ riżerva li huma inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni mi[ll-KMS] tipprekludi li dawn jitqiesu bħala li huma oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard”.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, fl-ambitu tal-evalwazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE tan-natura anċillari fir-rigward ta’ operazzjoni jew attività prinċipali ta’ restrizzjoni partikolari għall-awtonomija kummerċjali, hemm lok li mhux biss tiġi eżaminata n-neċessità ta’ din ir-restrizzjoni għall-implementazzjoni tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali, iżda wkoll il-proporzjonalità ta’ din ir-restrizzjoni fid-dawl tal-għanijiet sottostanti din l-operazzjoni jew din l-attività.

108    Għandu jiġi enfasizzat li, ikun liema jkun il-kuntest jew l-għan li fih isir użu minn ipoteżi kontrafattwali, huwa importanti li din l-ipoteżi tkun adatta għall-kwistjoni li hija intiża li tiċċara u li l-premessa li fuqha hija bbażata tkun realistika.

109    Għalhekk, sabiex tiġi kkontestata n-natura anċillari ta’ restrizzjoni, fis-sens tal-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ alternattivi realistiċi, inqas restrittivi għall-kompetizzjoni mir-restrizzjoni inkwistjoni.

110    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 97 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jsostnu wkoll, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali naqset b’mod inkorrett milli tissanzjona l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ppruvatx tifhem kif il-kompetizzjoni tiffunzjona fl-assenza kemm tal-KMS kif ukoll tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”, projbizzjoni li l-appellanti ma jkunux għażlu li jadottaw fl-assenza ta’ intervent regolatorju.

111    Madankollu, l-alternattivi li fuqhom il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fl-ambitu tal-evalwazzjoni tan-neċessità oġġettiva ta’ restrizzjoni ma humiex limitati għas-sitwazzjoni li tirriżulta fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni, iżda jistgħu wkoll jiġu esteżi għal ipoteżijiet kontrafattwali oħra bbażati, partikolarment, fuq sitwazzjonijiet realistiċi li jistgħu jirriżultaw fl-assenza ta’ din ir-restrizzjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali korrettament ikkonkludiet, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-ipoteżi kontrafattwali mressqa mill-Kummissjoni setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni fl-ambitu tal-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS sa fejn din kienet realistika u kienet tippermetti l-vijabbiltà ekonomika tas-sistema MasterCard.

112    Fir-rigward tal-argument tal-appellanti, espost fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, marbut ma’ nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali argument huwa infondat. Kif jirriżulta mill-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni definittiva tagħha tal-fatti, ikkonstatat li l-Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi li l-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” kienet inqas restrittiva għall-kompetizzjoni peress li din ma tiffissax livell ta’ prezz minimu fuq kull naħa tas-sistema, u b’hekk immotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-konklużjoni li hija pprovdiet fil-punt 99 ta’ dik is-sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni applikabbli għall-Qorti Ġenerali ma jirrikjedix li l-istess qorti tipprovdi espożizzjoni li tipprovdi, b’mod eżawrjenti u individwalment, ir-raġunamenti kollha tal-partijiet fil-kawża (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 372).

113    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-argumentazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali indebitament issostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-eżami tan-neċessità oġġettiva tal-KMS b’dik tagħha twassal, fir-realtà, għal kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-provi li saret mill-Qorti Ġenerali. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 94 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fi tmiem ta’ evalwazzjoni definittiva tal-informazzjoni fattwali tal-kawża li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ikkonstatat li “[l]-Kummissjoni setgħet tikkonkludi b’mod validu li [l-KMS] ma kinux oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard”. Din l-argumentazzjoni għandha għaldaqstant tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

114    Fid-dawl tal-premess, it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali għandhom jiġu miċħuda, inkwantu dawn huma intiżi sabiex jikkontestaw l-“ipoteżi kontrafattwali” użata mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tagħha tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS u l-evalwazzjoni tagħha tal-provi f’din l-analiżi.

 Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

–       L-argumenti tal-partijiet

115    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju meħtieġ. F’dan ir-rigward, skont l-appellanti, anki fil-preżenza ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod strett, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl partikolarment tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma tistax tirrinunzja għall-eżerċizzju ta’ stħarriġ komplet u fid-dettall tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Issa, fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami ferm limitat fl-ambitu tal-analiżi tagħha marbut man-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS. Il-Qorti Ġenerali llimitat l-istħarriġ tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, meta dawn il-konstatazzjonijiet ma kinux verament jimplikaw evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Anki jekk jitqies li l-kriterju tal-“iżball manifest” huwa applikabbli, il-Qorti Ġenerali użat kriterju ġdid, li permezz tiegħu hija vverifikat in-“natura raġonevoli” tal-konklużjoni tal-Kummissjoni. L-appellanti jsostnu li dan il-kriterju ta’ stħarriġ difettuż wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex, inter alia, tikkunsidra biss numru limitat ta’ raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata u sabiex tagħtihom importanza ferm ikbar milli dik li tathom il-Kummissjoni stess.

116    Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali hija ineffettiva, sa fejn l-argumentazzjoni żviluppata insostenn tagħha hija risposta għall-argumentazzjoni ssollevata fl-ewwel istanza fir-rigward tal-assenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li ma taqa’ lil hinn mill-aggravji tal-appell prinċipali.

117    Fil-mertu, il-Kummissjoni ssostni li ebda lment ma jista’ jinsilet mill-użu, fis-sentenza appellata, tal-espressjoni “żball manifest”. Is-sentenza appellata tipprovdi parti twila, fil-punti 77 sa 122 tagħha, għall-evalwazzjoni tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS u tiċħad l-argumenti prinċipali ta’ MasterCard.

118    RBS, HSBC, LBG u MBNA jsostnu r-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali. BRC, EuroCommerce u r-Renju Unit jitolbu li din tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

119    Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, sa fejn, bl-argumenti tagħhom insostenn tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali minħabba li ma eżerċitatx il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju li hija kellha teżerċita fl-analiżi tagħha tal-kriterji legali applikati mill-Kummissjoni fl-ambitu tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS, il-Qorti Ġenerali kienet korretta, kif jirriżulta mill-punti 89 sa 95 ta’ din is-sentenza, meta kkonfermat ir-raġunament tal-Kummissjoni li n-natura mhux oġġettivament neċessarja tal-KMS setgħet tiġi dedotta mill-fatt li s-sistema MasterCard tista’ tiffunzjona mingħajrhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-appellanti, sa fejn jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li eżerċitat livell ta’ stħarriġ ferm ristrett meta kkonfermat dan it-test legali, huma ineffettivi u għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

120    Min-naħa l-oħra, sa fejn, b’din ir-raba’ parti, l-appellanti jintendu jikkontestaw il-livell ta’ stħarriġ li sar mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni ta’ dan it-test għall-fatti tal-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati f’dan ir-rigward huma essenzjalment identiċi għal dawk imqajma fl-ambitu tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali u esposti fil-punt 99 ta’ din is-sentenza. Dawn l-argumenti għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala inammissibbli għar-raġunijiet ipprovduti fil-punt 113 ta’ din is-sentenza.

121    Peress li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali hija parzjalment ineffettiva u parzjalment inammissibbli, hemm lok li din tiġi miċħuda. Minn dan jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-aggravju uniku tal-appell inċidentali ta’ RBS u fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

 Is-sentenza appellata

122    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 123 sa 193 tas-sentenza appellata, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni.

123    Fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġudikat li “għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 94 sa 120 [ta’ din is-sentenza], il-fatt li l-ipoteżi ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr [KMS] — fuq il-bażi biss ta’ regola li tipprojbixxi t-tariffar “ex post” –, tidher li hija ekonomikament vijabbli, huwa biżżejjed biex tkun iġġustifikata t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha fl-analiżi tal-effetti ta[l-KMS] fuq il-kompetizzjoni”.

124    Il-punti 142 u 143 tas-sentenza appellata jipprovdu dan li ġej:

“142      [...] ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-fatt li [l-KMS] kellhom effett fuq l-ammont ta’ MSCs madankollu ma għandu ebda effett fuq il-kompetizzjoni bejn banek akkwirenti, u dan peress li dawn japplikaw għall-banek akkwirenti kollha bl-istess mod u jaġixxu bħala spiża komuni tad-dħul. Għalhekk, il-projbizzjoni ta’ tariffar “ex post” tkun timponi [KMS] bir-rata ta’ żero, li, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, ikun ekwivalenti għal, kif ukoll trasparenti daqs, i[l-KMS] attwali, bl-unika differenza tal-livell tiegħu.

143      Tali argument ma jistax jintlaqa’. Minkejja li huwa rrikonoxxut li [l-KMS] jiffissaw livell minimu għall-MSCs u sa fejn il-Kummissjoni setgħet tikkonstata b’mod validu li sistema Mastercard li tiffunzjona mingħajr [KMS] tibqa’ ekonomikament vijabbli, minn dan neċessarjament jirriżulta li dawn għandhom effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fatt, b’paragun ma’ suq tal-akkwist li jiffunzjona mingħajrhom, i[l-KMS] jillimitaw il-pressjoni li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek tal-akkwist matul in-negozjati tagħhom dwar l-MSCs billi jitnaqqsu l-possibbiltajiet li l-prezzijiet jinżlu taħt ċertu livell.”

125    Fil-punti 150, 157 u 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet korrettament ikkonstatat in-natura insuffiċjenti tal-pressjoni li n-negozjanti setgħu jeżerċitaw fuq l-ammont tal-KMS inkwantu din il-pressjoni setgħet biss tiġi eżerċitata b’mod effettiv lil hinn minn livell massimu ta’ tolleranza tan-negozjanti, meta l-ispiża tat-tranżazzjoni issir iktar sinjifikattiva mill-effetti negattivi ta’ rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dan il-mezz ta’ ħlas, jew ta’ diskriminazzjoni f’dan ir-rigward, fuq il-klijentela tagħhom.

126    Fi kliem il-punti 181 u 182 tas-sentenza appellata:

“181      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-kritiki dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura doppja tas-suq, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jenfasizzaw il-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-KMS. Għalhekk, essenzjalment, ir-rikorrenti jenfasizzaw li dawn jippermettu li l-funzjonament tas-sistema MasterCard jiġi ottimizzat billi jiffinanzjaw spejjeż intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-aċċettazzjoni tad-detenturi tal-karti u l-użu tagħhom. Minn dan huma jiddeduċu li, minn naħa, ma huwiex fl-interess tal-banek li jiffissaw i[l-KMS] fuq livell eċċessiv u, min-naħa l-oħra, in-negozjanti jibbenefikaw mi[ll-KMS]. Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni wkoll li injorat l-impatt tad-deċiżjoni tagħha fuq id-detenturi tal-karti, billi kkonċentrat fuq in-negozjanti biss. F’dan ir-rigward, għadd ta’ intervenjenti jżidu li, f’sistema li tiffunzjona mingħajr [KMS], huma jkunu obbligati jillimitaw il-vantaġġi mogħtija lid-detenturi tal-karti, jew saħansitra jnaqqsu l-attività tagħhom.

182      Tali kritiki huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, sa fejn dawk jimplikaw ibbilanċjar tal-effetti restrittivi ta[l-KMS] fuq il-kompetizzjoni, ikkonstatati b’mod validu mill-Kummissjoni, flimkien mal-vantaġġi ekonomiċi eventwali li jistgħu jirriżultaw minnhom. Issa, l-ibbilanċjar tal-aspetti prokompetittivi u antikompetittivi ta’ restrizzjoni jista’ jseħħ biss fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 81(3) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummisjoni, [T-65/98, EU:T:2003:281], punt 107, u l-ġurisprudenza ċċitata).”

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-aggravju uniku tal-appell inċidentali ta’ RBS

127    RBS issostni li l-Qorti Ġenerali, sa fejn ibbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet u ipoteżijiet ġenerali, wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni.

128    Qabelxejn, fl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni għandhiex effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kellha teżamina liema “ipoteżi kontrafattwali” fil-fatt tirriżulta fl-assenza tal-KMS. Billi ma ssanzjonatx, partikolarment fil-punt 132 tas-sentenza appellata, din l-ommissjoni u billi b’hekk ibbażat ruħha biss fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” iktar milli fuq kunsiderazzjonijiet dwar il-probabbiltà tal-adozzjoni ta’ tali projbizzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ħalltet il-kundizzjonijiet legali tan-neċessità oġġettiva ma’ dawk tal-effetti fuq il-kompetizzjoni.

129    Imbagħad, skont RBS, fil-loġika tas-sentenza appellata, il-KMS huma preżunti li jwasslu għal effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni peress li dawn jiffissaw il-livell ta’ tariffi tal-kummissjonijiet ta’ skambju għall-banek akkwirenti kollha. Madankollu, jekk din il-forma ta’ “analiżi mqassra” tista’ tkun suffiċjenti għal “ksur tal-għan” tal-Artikolu 81(1) KE fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni tkun tant evidenti li ma jkunx neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tagħha, f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali ksur dan l-approċċ huwa, skont RBS, totalment inadegwat sabiex jistabbilixxi analiżi tal-effetti. La l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma bbażaw l-analiżi tagħhom tal-effetti fuq provi speċifiċi u konkreti. B’hekk, partikolarment fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet l-iżball ta’ applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-għan iktar milli approċċ ibbażat fuq l-effetti.

130    Fl-aħħar nett, b’riferiment għall-punti 143, 150, 157 u 158 tas-sentenza appellata, RBS issostni li, fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata fil-liġi u hija bbażata fuq ipoteżi li hija kontradetta fis-sentenza appellata, jiġifieri li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw pressjoni fuq il-banek akkwirenti fin-negozjati tal-KMS.

131    L-appellanti jsostnu l-aggravju uniku tal-appell inċidentali ta’ RBS. Dwar l-argumentazzjoni esposta fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, huma jsostnu li l-unika differenza bejn il-KMS u l-“ipoteżi kontrafattwali” li fuqha hija bbażata s-sentenza appellata tinsab fil-livell tal-prezz tal-KMS. Fil-fatt, bħall-KMS, il-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” tkun deċiża minn MasterCard, tkun applikabbli b’mod awtomatiku u jkollha l-konsegwenza li tiffissa l-prezz iffatturat bejn dawn il-banek (għal żero). Skont l-appellanti, l-iffissar tal-livell ta’ KMS għal żero għandu l-istess effett tal-“iffissar ta’ livell minimu” tal-KMS, għalkemm f’livell iktar favorevoli għan-negozjanti u inqas favorevoli għad-detenturi tal-karti. Konsegwentement, billi naqset milli tispjega kif l-“ipoteżi kontrafattwali”, magħżula mill-Kummissjoni, tal-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tarriffi “ex post” jkollha effetti inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni mill-KMS, il-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva l-konstatazzjoni tagħha li l-KMS għandhom effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni.

132    Skont il-Kummissjoni, għalkemm RBS tirreferi fl-appell inċidentali tagħha, b’mod ġenerali, għall-punti 123 sa 182 tas-sentenza appellata, huwa allegat żball biss fir-rigward tal-punt 132 tagħha, b’mod li l-istess appell inċidentali huwa ammissibbli biss sa fejn huwa indirizzat kontra l-imsemmi punt 132.

133    Fil-mertu, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li RBS tibbaża ruħha fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Skont il-Kummissjoni, jidher għalkollox ċar li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 132 et seq tas-sentenza appellata, eżaminat l-effett fuq il-kompetizzjoni tal-KMS b’riferiment għall-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-assenza ta’ dawn il-kummissjonijiet.

134    Skont il-Kummissjoni, il-pożizzjoni li skontha l-KMS ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni ma hijiex plawżibbli fiha nfisha. RBS ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kuntest reali. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tafferma li l-KMS joħorġu minn deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tiffissa l-prezzijiet u li l-effetti restrittivi ta’ dawn il-kummissjonijiet huma evidenti.

135    Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” setgħet isservi ta’ bażi għal raġonament realistiku li jippermetti li jsir paragun tas-sitwazzjoni bil-KMS u mingħajrhom. Skont il-Kummissjoni, is-sistema MasterCard hija kostruzzjoni artifiċjali. Ma huwiex neċessarju għall-funzjonament ta’ suq b’żewġ naħat li naħa ta’ dan is-suq iħallas remunerazzjoni lin-naħa l-oħra, iżda dan huwa dak li l-appellanti għażlu għas-sistema tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-punti 107 sa 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi bl-użu tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” bħala soluzzjoni ta’ sostituzzjoni tal-KMS.

136    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma taqbilx li s-sentenza appellata hija bbażata fuq il-premessa li prezzijiet għolja jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Skont il-Kummissjoni, il-konstatazzjoni kkonfermata minn din is-sentenza hija li dawn il-prezzijiet għolja huma l-konsegwenza ta’ ftehim restrittiv.

137    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq provi speċifiċi u konkreti, kif ukoll l-allegazzjoni ta’ kontradizzjoni tar-raġunijiet esposta fil-punt 130 ta’ din is-sentenza.

–       Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

138    LBG issostni li l-Qorti Ġenerali, fl-analiżi tagħha tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni li tidher fil-punti 123 sa 193 tas-sentenza appellata, wettqet żbalji ta’ liġi.

139    Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx l-argumenti rilevanti u lanqas l-elementi lilha sottomessi u ma pprovdietx motivazzjoni xierqa sabiex tiġġustifika kif il-KMS jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-suq akkwirenti, meta “l-iffissar tal-prezz” ġie allegat fis-suq emittenti. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx kif il-KMS jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-suq akkwirenti, fejn dawn jikkostitwixxu biss spiża ta’ dħul komuni għall-kompetituri kollha.

140    Imbagħad, fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet u b’mod partikolari l-provi ta’ natura ekonomika, il-Qorti Ġenerali wettqet, skont LBG, żbalji ta’ liġi meta eskludiet diversi elementi fl-analiżi tagħha. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-eżami ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx l-importanza tar-restrizzjonijiet li joħorġu minn sistemi oħra ta’ ħlas u lanqas l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema, li, skont il-Qorti Ġenerali, huma rilevanti biss fl-ambitu tal-Artikolu 81(3) KE. Fil-fatt, skont LBG, sabiex jiġi ġġudikat li l-Kummissjoni wriet suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha tiżgura ruħha li l-Kummissjoni eżaminat l-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest tajjeb tagħha.

141    Fl-aħħar nett, skont LBG, il-Qorti Ġenerali applikat livell inadegwat ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 169 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fil-fatt applikat livell ta’ stħarriġ wisq limitat, b’mod distint minn dak li joħroġ mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39) kif ukoll KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-272/09 P, EU:C:2011:810, punti 94, 102 u 103).

142    L-appellanti jsostnu dan l-aggravju b’argumenti simili għal dawk invokati insostenn tal-appell inċidentali ta’ RBS.

143    Il-Kummissjoni tikkunsidra partikolarment li, minkejja li BoS u LTSB, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ġew awtorizzati jesponu argumenti ġodda, huma ma setgħux iqajmu motiv ta’ annullament kompletament ġdid, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, peress li r-rikors fl-ewwel istanza ma kkontestax id-delimitazzjoni tas-swieq li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tafferma li l-punt 168 tas-sentenza appellata, li jipprovdi “[i]r-rikorrenti kif ukoll għadd ta’ intervenjenti, essenzjalment jakkużaw lill-Kummissjoni li, fir-raġunament tagħha, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni [l-aspett ta’ żewġ naħat] tas-suq u jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti adottata mill-Kummissjoni”, huwa żbaljat.

144    Fir-rigward tal-livell ta’ stħarriġ applikat mill-Qorti Ġenerali fuq il-provi ekonomiċi, il-Kummissjoni ssostni li l-appell inċidentali ta’ LBG ma jissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, is-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni (EU:C:2011:810) ma tqanqalx wisq interess, inkwantu tittratta appell li jinvolvi biss multa u għandha biss obiter dicta fir-rigward tal-livell ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet.

145    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-argument ta’ LBG dwar l-“ispiża ta’ dħul komuni” ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali fil-punti 142 u 143 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkontestati minn LBG b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

146    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-kritika, riprodotta fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, li s-sentenza appellata ma rrikonoxxietx l-importanza tal-effetti restrittivi ta’ sistemi oħra ta’ ħlas u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema, lanqas ma tosserva l-imsemmi Artikolu 169(2) u tfittex li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni

147    L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà esposta fil-punt 132 ta’ din is-sentenza hija bbażata fuq qari ineżatt tal-appell inċidentali ta’ RBS. B’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni tallega, RBS ma tagħmilx sempliċi riferiment b’mod ġenerali għall-analiżi tal-effetti restrittivi tal-KMS li saret mill-Qorti Ġenerali, iżda tinvoka punti preċiżi tas-sentenza appellata insostenn tal-argumenti tagħha, kif esposti fil-punti 129 u 130 ta’ din is-sentenza. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà esposta fil-punt 132 ta’ din is-sentenza għandha għalhekk tiġi miċħuda.

148    Barra minn hekk, sa fejn, bl-argument tagħha espost fil-punt 128 tas-sentenza appellata, RBS tikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tagħmel analiżi partikolari, għandu jitfakkar li, meta appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għal motiv, dan ma jistax jiġi kkritikat, fuq il-bażi tal-ammissibbiltà tal-aggravju tal-appell, li ma ċċita ebda passaġġ jew parti mis-sentenza appellata li tkun prevista preċiżament mill-argument tiegħu, peress li, ipotetikament, huwa invokat nuqqas ta’ tweġiba (ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 423).

149    Fir-rigward tal-argumentazzjoni esposta fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li tali argumentazzjoni hija bbażata fuq qari żbaljat tal-appell inċidentali ta’ LBG. Kif jirriżulta mill-punti 139 sa 142 ta’ din is-sentenza, din sempliċement ressqet argumenti dwar l-assenza ta’ effetti restrittivi tal-KMS mingħajr ma kkontestat id-definizzjoni tas-suq rilevanti bħala tali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà esposta fl-imsemmi punt 143 għandha tiġi miċħuda.

150    Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni riprodotti fil-punti 144 sa 146 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-appell inċidentali ta’ LBG ġie ppreżentat fil-31 ta’ Ottubru 2012. Issa, l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni, daħal fis-seħħ biss l-għada. Sa fejn din id-dispożizzjoni, billi teżiġi li l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati fl-appell “għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati”, tistipula kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, din ma tistax tiġi applikata b’mod retroattiv.

151    Madankollu, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, fis-seħħ fid-data tal-preżentata tal-appell inċidentali ta’ LBG, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2002:582, punti 497 u 618, kif ukoll EFIM vs Il-Kummissjoni, C‑56/12 P, EU:C:2013:575, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Appell jew aggravju li huwa wisq nieqes miċ-ċarezza sabiex tingħata tweġiba għalih ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punti 101 u 106; Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 43 sa 45, kif ukoll EFIM vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:575, punt 21).

152    Fil-każ ineżami, l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG jidentifika b’mod espliċitu parti mis-sentenza appellata meqjusa li ma osservatx il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju, jiġifieri l-punt 169 tagħha, b’argumentazzjoni ċara insostenn ta’ dan l-argument. Barra minn hekk, sa fejn, b’dan l-aggravju, LBG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema, peress li qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-aspett huwa rilevanti biss fl-ambitu tal-Artikolu 81(3) KE, huwa suffiċjentement ċar li din il-kritika tipprevedi l-punti 181 u 182 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kritiki tal-appellanti dwar l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema huma rilevanti biss fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, sa fejn, b’dan l-aggravju, LBG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma rrikonoxxietx l-importanza tar-restrizzjonijiet li joħorġu minn sistemi oħra ta’ ħlas, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, LBG ma tistax tiġi kkritikata li ma elenkatx il-punti tas-sentenza appellata previsti minn din il-kritika. Fl-aħħar nett, b’mod kuntrarju għas-suġġeriment tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, tali argumenti ma humiex limitati għal kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-fatti, iżda jikkostitwixxu kwistjonijiet ta’ punti ta’ liġi ammissibbli fl-istadju tal-appell peress li dawn l-argumenti jqajmu l-kwistjoni tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-effetti restrittivi tal-KMS taħt l-Artikolu 81(1) KE.

153    Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà esposti fil-punti 144 sa 146 ta’ din is-sentenza għandhom ukoll jiġu miċħuda.

–       Fuq il-mertu tal-aggravju uniku tal-appell inċidentali ta’ RBS u tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

154    Kif jirriżulta mill-punt 141 ta’ din is-sentenza, LBG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat livell inadegwat ta’ stħarriġ ġudizzjarju, partikolarment fil-punt 169 tas-sentenza appellata.

155    Fir-rigward tal-estent tal-istħarriġ ġudizzjarju, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Unjoni jirriżulta li, meta tiġi adita, skont l-Artikolu 263 TFUE, b’rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha b’mod ġenerali teżerċita, fuq il-bażi tal-elementi miġjuba mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, stħarriġ komplet fir-rigward tal-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Remia et vs Il-Kummissjoni, EU:C:1985:327, punt 34; Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, EU:C:2011:815, punti 54 u 62; kif ukoll Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punt 59). Il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tivverifika ex officio jekk il-Kummissjoni mmotivatx id-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Otis et, EU:C:2012:684, punt 60).

156    Matul dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha, skont ir-rwol assenjat lilha, fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, mit-Trattati UE u FUE, sabiex tirrinunzja għall-eżerċizzju ta’ stħarriġ profond kemm tad-dritt kif ukoll tal-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 62, kif ukoll Otis et, EU:C:2012:684, punt 61).

157    Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li, fl-ambitu tal-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni tal-effetti restrittivi tal-KMS, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, użat l-espressjoni “stħarriġ limitat”, li jista’ jagħti l-impressjoni li din eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju fuq id-deċiżjoni kkontestata iktar limitata minn dik meħtieġa mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 155 u 156 ta’ din is-sentenza.

158    Madankollu, fiha nfisha, tali espressjoni ma turix neċessarjament li l-Qorti Ġenerali, fil-fatt, ma eżerċitatx l-istħarriġ ġudizzjarju meħtieġ. Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jsir eżami tal-aggravji sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2011:810, punti 108 u 109).

159    Fil-każ ineżami, bl-argument tagħha dwar il-livell inadegwat tal-istħarriġ ġudizzjarju, LBG speċifikament ibbażat ruħha biss fuq il-punt 169 tas-sentenza appellata, punt espost fl-ambitu tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali tal-ilmenti li jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti applikata mill-Kummissjoni. Madankollu, fl-ambitu ta’ dan l-appell, l-appellanti ma kkontestawx direttament l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar din id-definizzjoni, jiġifieri s-suq akkwirenti.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument imqajjem minn LBG, sa fejn dan jikkritika lill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju applikat f’dik il-parti tal-analiżi tagħha, jirriżulta, f’kull każ, ineffettiv. Fir-rigward tal-kumplament tiegħu, l-argument ta’ LBG dwar l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli inkwantu ma jidentifikax bi preċiżjoni l-partijiet l-oħra tas-sentenza appellata li huwa jipprevedi.

161    Fir-rigward tal-kritika ta’ RBS, prodotta fil-qosor fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, li, fl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni għandhiex effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kellha teżamina liema “ipoteżi kontrafattwali” fil-fatt tirriżulta fl-assenza tal-KMS, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li sabiex jiġi evalwat jekk ftehim għandux jitqies ipprojbit minħabba distorzjonijiet tal-kompetizzjoni li jkunu l-effett tiegħu, il-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata fil-kuntest reali tagħha fejn din isseħħ fl-assenza tal-ftehim inkwistjoni (ara s-sentenzi LTM, 56/65, EU:C:1966:38, 360; Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punti 16 u 17; Lancôme u Cosparfrance Nederland, 99/79, EU:C:1980:193, punt 26; L’Oréal, 31/80, EU:C:1980:289, punt 19; ETA Fabriques d’Ébauches, 31/85, EU:C:1985:494, punt 11; Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, EU:C:1999:12, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll General Motors vs Il-Kummissjoni, EU:C:2006:229, punt 72). Kif il-Qorti Ġenerali korrettament ikkunsidrat fil-punt 128 tas-sentenza appellata, l-istess jingħad fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

162    Madankollu, mill-punt 132 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, sabiex tevalwa l-effetti kompetittivi tal-KMS, fuq “l-ipoteżi ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr [KMS] — fuq il-bażi biss ta’ regola li tipprojbixxi t-tariffar ‘ex post’”, jiġifieri fuq l-istess “ipoteżi kontrafattwali” li hija applikat sabiex teżamina jekk il-KMS setgħux jitqiesu restrizzjoni anċillari fis-sens tal-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tas-sistema ta’ ħlas MasterCard.

163    Issa, kif jirriżulta mill-punt 108 ta’ din is-sentenza, l-istess “ipoteżi kontrafattwali” ma hijiex neċessarjament xierqa għal kwistjonijiet kunċettwalment distinti. Fil-fatt, meta l-kwistjoni hija dik dwar jekk il-KMS għandhomx effetti restrittivi tal-kompetizzjoni, il-punt dwar jekk, mingħajr dawn il-kummissjonijiet, iżda bħala effett tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”, sistema ta’ ħlas miftuħa bħalma hija s-sistema MasterCard tistax tibqa’ vijabbli ma huwiex, fih innifsu, determinanti.

164    Min-naħa l-oħra, għal dan il-għan, għandu jiġi evalwat l-effett tal-iffissar tal-KMS fuq il-parametri tal-kompetizzjoni, bħalma huma, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità u l-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi. B’hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 161 ta’ din is-sentenza, il-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata fil-kuntest reali fejn din isseħħ fl-assenza ta’ tali kummissjonijiet.

165    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ koordinazzjoni bejn impriżi fid-dawl tal-Artikolu 81 KE timplika n-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih l-arranġament ta’ koordinazzjoni inkwistjoni jkun jinsab, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-proprjetà jew servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Delimitis, C‑234/89, EU:C:1991:91, punti 19 sa 22; Oude Luttikhuis et, EU:C:1995:434, punt 10; Asnef-Equifax u Administración del Estado, EU:C:2006:734, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 54).

166    Minn dan isegwi li x-xenarju previst fl-ipoteżi tal-assenza tal-arranġament ta’ koordinazzjoni inkwistjoni għandu jkun realistiku. Minn din il-perspettiva, huwa permissibbli, fejn xieraq, li jitqiesu l-iżviluppi probabbli li jseħħu fis-suq fl-assenza ta’ dan l-arranġament.

167    Madankollu, fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ttrattat il-probabbiltà, jew il-plawsibbiltà, tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” fl-ipoteżi tal-assenza tal-KMS fl-ambitu tal-analiżi tagħha tal-effetti restrittivi ta’ dawn il-kummissjonijiet. B’mod partikolari, hija ma ttrattatx, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 155 u 156 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni ta’ kif, fid-dawl partikolarment tal-obbligi imposti fuq in-negozjanti u fuq il-banek akkwirenti fuq il-bażi tal-Honour All Cards Rule, li ma hijiex is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, il-banek emittenti jistgħu jiġi inċitati, fl-assenza tal-KMS, sabiex jirrinunzjaw għal kummissjonijiet fil-każ tar-regolarizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet b’karti bankarji.

168    Huwa veru li, kif jirriżulta mill-punt 111 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta li, fl-ambitu tal-eżami tan-natura anċillari, fis-sens tal-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, tal-KMS, teżamina jekk kienx probabbli li l-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” tiġi fis-seħħ fl-assenza ta’ tali kummissjonijiet. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 161 u 165 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni hija differenti fil-kuntest distint tal-kwistjoni ta’ jekk il-KMS għandhomx effetti restrittivi tal-kompetizzjoni.

169    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa korrettament sostnut fil-każ ineżami li, billi bbażat ruħha biss fuq il-kriterju tal-vijabbiltà ekonomika, partikolarment fil-punti 132 u 143 tas-sentenza appellata, sabiex tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” fl-ambitu tal-analiżi tagħha tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni, u billi evitat, għaldaqstant, li tispjega fl-ambitu ta’ din l-analiżi jekk kienx probabbli li tali projbizzjoni tiġi fis-seħħ fl-assenza tal-KMS b’xi mod għajr dak ta’ intervent regolatorju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

170    Madankollu, għandu jitfakkar li jekk mir-raġunijiet ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat għal raġunijiet oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tar-raġunijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28, kif ukoll FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Dan huwa l-każ fil-każ ineżami. L-argumentazzjoni tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali dwar in-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS, kif deskritta fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ikkontestat fl-ambitu ta’ dan l-appell, kienet essenzjalment ibbażata fuq l-allegazzjoni li, fl-assenza tal-KMS, l-akkwirenti jkunu f’pożizzjoni sottostanti “at the mercy” għall-emittenti, li jkunu jistgħu jiddeterminaw b’mod unilaterali l-ammont tal-kummissjoni ta’ skambju, peress li n-negozjanti u l-akkwirenti jkollhom jaċċettaw it-tranżazzjoni.

172    Fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, kif jirriżulta mill-punti 78 sa 121 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi li “[l]-possibbiltà li ċerti banek li joħorġu l-karti jisfruttaw lill-banek akkwirenti li huma marbuta bl-[Honour All Cards Rule] tista’ titneħħa permezz ta’ regola ta’ netwerk li għandha effetti inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni mis-soluzzjoni attwali ta’ MasterCard li tipprevedi li għandu jiġi applikat ċertu livell ta’ drittijiet tal-interskambju. Is-soluzzjoni l-oħra tkun regola li timponi projbizzjoni ta’ tariffar ‘ex post’ fl-assenza ta’ ftehim bilaterali bejniethom”.

173    Minn dan isegwi li, kif jirriżulta mill-punti 94 sa 96 tas-sentenza appellata, l-unika għażla oħra li tidher fl-ewwel istanza bħala li tista’ tippermetti lis-sistema MasterCard li tiffunzjona fl-assenza tal-KMS kienet fil-fatt l-ipoteżi ta’ sistema li tiffunzjona biss fuq il-bażi tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-projbizzjoni tista’ titqies bħala “ipoteżi kontrafattwali” mhux biss ekonomikament vijabbli fl-ambitu tas-sistema MasterCard, iżda wkoll plawsibbli jew probabbli, ladarba xejn ma jirriżulta mis-sentenza appellata u huwa paċifiku li quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ġie sostnut li MasterCard kienet tippreferi tħalli s-sistema tagħha taqa’ milli tadotta s-soluzzjoni l-oħra, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi ‘ex post’.

174    Konsegwentement, anki jekk il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li n-natura ekonomikament vijabbli tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post” fl-ambitu tas-sistema MasterCard kienet suffiċjenti, fiha nfisha, sabiex tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-projbizzjoni fl-ambitu tal-analiżi tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet tibbaża ruħha, sabiex tipproċedi bl-analiżi tal-effetti restrittivi tal-KMS, fuq l-istess “ipoteżi kontrafattwali” li hija applikat fl-ambitu tal-analiżi tagħha tan-neċessità oġġettiva ta’ dawn il-kummissjonijiet, għalkemm għal raġunijiet li ma humiex dawk esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 132 u 143 tas-sentenza appellata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 169 ta’ din is-sentenza ma jaffettwax l-analiżi tal-effetti restrittivi li saret mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-“ipoteżi kontrafattwali” inkwistjoni.

175    Bl-istess mod, dan l-iżball ma jaffettwax id-dispożittiv tas-sentenza appellata li jidher li huwa bbażat fuq raġunijiet legali oħra.

176    Fir-rigward tal-argument, prodott fil-qosor fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, li permezz tiegħu LBG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma rrikonoxxietx l-importanza tar-restrizzjonijiet li joħorġu minn sistemi oħra, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat li, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali espressament ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet korretta meta ħadet inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni intersistemi fl-ambitu tal-analiżi tagħha tal-effetti tal-KMS. Peress li huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata, dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, EU:C:1996:434, punti 48 u 49).

177    Fir-rigward tal-argument, previst ukoll fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, li permezz tiegħu LBG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema huwa rilevanti biss fl-ambitu tal-Artikolu 81(3) KE, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 161 ta’ din is-sentenza u kif LBG issostni wkoll, il-Qorti Ġenerali kienet marbuta tiżgura ruħha li l-Kummissjoni eżaminat l-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest reali tagħha. Fil-fatt, sabiex jiġi evalwat jekk koordinazzjoni bejn impriżi għandhiex titqies ipprojbita minħabba distorzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma l-effett tagħha, għandu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, jittieħed inkunsiderazzjoni kull element rilevanti, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-swieq, relatat mal-kuntest ekonomiku jew ġuridiku li fih tali koordinazzjoni taqa’, indipendentement minn jekk tali element jaqax taħt is-suq rilevanti.

178    Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, mingħajr ma dan ma ġie direttament ikkontestat fl-ambitu ta’ dan l-appell, li l-Kummissjoni setgħet tqis is-suq akkwirenti bħala suq rilevanti għall-analiżi tagħha tal-effetti kompetittivi tal-KMS. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 176 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ambitu tal-evalwazzjoni definittiva tagħha tal-fatti, li ma ġietx ikkontestata fl-ambitu ta’ dan l-appell, irrilevat li hemm ċerti interazzjonijiet bejn in-naħa tal-“ħruġ tal-karti” [emittenti] u dik tal-“akkwist” [akkwirenti], bħan-natura kumplimentari tas-servizzi u l-preżenza tal-effetti tan-netwerks indiretti, peress li l-estent tal-aċċettazzjoni tal-karti min-negozjanti u n-numru ta’ karti fiċ-ċirkulazzjoni jinfluwenzaw lil xulxin.

179    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih il-koordinazzjoni inkwistjoni taqa’ jinkludi, kif l-appellanti, RBS u LBG isostnu, l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema ta’ ħlas miftuħa ta’ MasterCard, b’mod partikolari ladarba huwa paċifiku li hemm interazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat ta’ din is-sistema (ara, b’analoġija, is-sentenzi Delimitis, EU:C:1991:91, punti 17 sa 23, kif ukoll Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 42).

180    Madankollu, fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-punti 181 u 182 tas-sentenza appellata, l-argumentazzjoni essenzjali mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma hijiex ikkontestata fl-ambitu ta’ dan l-appell, ma kinitx tinkludi l-argument imressaq issa minn LBG f’dan l-appell, li skontu, għall-eżami ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest tajjeb tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema inkwistjoni. Għall-kuntrarju, il-kritiki mressqa fl-ewwel istanza dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema sempliċement enfasizzaw il-vantaġġi ekonomiċi li joħorġu mill-KMS. Issa, kif jirriżulta mill-punt 93 ta’ din is-sentenza u mill-kliem stess tal-Artikolu 81 KE, sa fejn huwa kkonstatat li miżura hija ta’ natura li jkollha effett sfavorevoli sinjifikattiv fuq il-parametri tal-kompetizzjoni, bħal, partikolarment, il-prezz, il-kwantità u l-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi, u taqa’ għalhekk taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, tali vantaġġi jistgħu jitqiesu biss fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE.

181    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk setgħet korrettament tikkonkludi, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li l-kritiki mressqa quddiemha dwar l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema kienu irrilevanti fl-ambitu tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE sa fejn dawn kienu jimplikaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġi ekonomiċi skont dan il-paragrafu. Il-Qorti Ġenerali kienet korretta wkoll meta kkonkludiet li l-vantaġġi ekonomiċi eventwali li setgħu jirriżultaw mill-KMS huma rilevanti biss fil-kuntest tal-analiżi skont l-Artikolu 81(3) KE.

182    Minn dan isegwi li l-argument ta’ LBG dwar l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata u ma huwiex għalhekk fondat.

183    Fir-rigward tal-kritika ta’ RBS, prodotta fil-qosor fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali wettqet “analiżi mqassra” tal-effetti tal-KMS, b’mod partikolari fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni twieġeb, kif jirriżulta mill-punt 134 ta’ din is-sentenza, li l-KMS joħorġu minn deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tiffissa l-prezzijiet u li l-effetti antikompetittivi tagħhom huma evidenti.

184    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni b’mod li jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza LTM, EU:C:1966:38, 359 u 360; Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 15, kif ukoll Allianz Hungária Biztosító et, EU:C:2013:160, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

185    Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, EU:C:2013:160, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

186    Għandu, madankollu, jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 27 u 141 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-eżistenza ta’ ksur bl-għan kif previst fl-Artikolu 81(1) KE, iżda fuq l-effetti tal-KMS.

187    F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni timplika, ma jistax għalhekk isir użu, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 184 ta’ din is-sentenza, minn sempliċi suppożizzjonijiet jew affermazzjonijiet li l-effetti antikompetittivi tal-KMS huma “evidenti” (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punti 16 u 20).

188    Fir-rigward tal-argumenti previsti fil-punti 131, 139 u 142 ta’ din is-sentenza, li sa ċertu punt jikkoinċidu mal-argument ta’ RBS espost fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u mill-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 135).

189    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sabiex il-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni meħuda u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 29, u Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 81). Kif diġà espost fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix madankollu fuq il-Qorti Ġenerali l-obbligu li tipprovdi rendikont li jsegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wara l-ieħor, kull raġunament artikolat mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ b’hekk tkun impliċita kemm-il darba tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx laqgħat l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:513, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Madankollu, jekk huwa veru, kif jirriżulta mill-punt 169 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, fid-dawl tas-sostituzzjoni tar-raġunijiet li saret fil-punti 171 sa 175 ta’ din is-sentenza, l-argumenti li jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet analiżi mqassra tal-effetti tal-KMS u li, fuq din il-kwistjoni, immotivat b’mod insuffiċjenti s-sentenza appellata ma jistgħux ikunu bbażati fuq dan l-iżball waħdu.

191    Barra minn hekk, sa fejn l-argumenti, imsemmija fil-punt 188 ta’ din is-sentenza, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali b’analiżi jew motivazzjoni insuffiċjenti tal-effetti kompetittivi tal-KMS, dawn ma jistgħux jintlaqgħu.

192    Fil-fatt, billi validament ibbażat ruħha fuq l-“ipoteżi kontrafattwali” ta’ sistema li tiffunzjona fuq il-bażi tal-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ tariffi “ex post”, b’mod kuntrarju għal dak li RBS issostni, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-KMS, min-natura tagħhom stess, jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali, iżda wettqet analiżi tal-effetti kompetittivi ta’ dawn il-kummissjonijiet. Għandu jiġi enfasizzat li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ma tirriżultax biss mill-qari tal-punt 143 tas-sentenza appellata, kif jidher li RBS tissuġġerixxi, iżda tinkludi wkoll l-analiżi kollha li tidher fil-punti 123 sa 193 ta’ din is-sentenza.

193    B’mod partikolari, jekk, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod ċar li l-KMS kellhom effetti restrittivi sa fejn dawn “jillimitaw il-pressjoni li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek tal-akkwist matul in-negozjati tagħhom dwar l-MSCs billi jitnaqqsu l-possibbiltajiet li l-prezzijiet jinżlu taħt ċertu livell”, u dan b’kuntrast ma’ “suq tal-akkwist li jiffunzjona mingħajrhom”, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha għal preżunzjoni li l-KMS jistabbilixxu livell minimu għall-MSC iżda, għall-kuntrarju, wettqet eżami fid-dettall, fil-punti 157 sa 165 tas-sentenza appellata, sabiex tiddetermina jekk dan fil-fatt kienx il-każ.

194    Minn dan isegwi li l-argument ta’ RBS li l-analiżi tal-effetti għandha tiġi assimilata għal analiżi ta’ restrizzjoni “bl-għan”, huwa bbażat fuq qari parzjali tas-sentenza appellata billi jiffoka biss fuq il-punt 143 tal-istess sentenza, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-eżami iktar komplet li minnu jifforma parti.

195    Bl-istess mod, l-appellanti ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tispjega l-ipoteżi meqjusa li għandha effetti inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni mill-KMS, ladarba l-unika differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet tinsab fil-livell tal-prezzijiet tal-KMS. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni korrettament tenfasizza, is-sentenza appellata ma hijiex ibbażata fuq il-premessa li l-prezzijiet għolja fihom infushom jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-kliem tal-istess punt 143, il-prezzijiet għolja huma biss il-konsegwenza tal-KMS li jillimitaw il-pressjoni li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek akkwirenti bl-effett li jkun hemm tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn l-akkwirenti fuq l-ammont tal-MSC.

196    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq l-analiżi li ssostni l-affermazzjonijiet li jidhru fil-punt 143 tas-sentenza appellata. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 183 sa 195 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-analiżi tagħha dwar l-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni.

197    Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-argument ibbażat fuq l-allegata kontradizzjoni tar-raġunijiet issollevat minn RBS u espost fil-punt 130 ta’ din is-sentenza. Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li ma hemm xejn kontradittorju fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali meta din irrikonoxxiet li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw pressjoni fuq l-ammont tal-KMS, filwaqt li kkwalifikat din il-pressjoni bħala insuffiċjenti sabiex timpedixxi li l-KMS jistabbilixxu livell minimu u b’hekk inaqqsu l-kompetizzjoni bejn l-akkwirenti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod ċar, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tikkwalifika bħala insuffiċjenti l-imsemmija pressjoni sa fejn din setgħet tintervjeni biss lil hinn mil-limitu massimu ta’ tolleranza tan-negozjanti. Dawn huma evalwazzjonijiet li ma jikkontradixxux lil xulxin u għalhekk jirriżulta li dan l-argument ma huwiex fondat (ara, b’analoġija, id-digriet Piau vs Il-Kummissjoni, C‑171/05 P, EU:C:2006:149, punt 85).

198    Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi kkonstatat li jekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kif intqal fil-punt 169 ta’ din is-sentenza, dan l-iżball ma jistax iwassal bħala tali għall-annullament tas-sentenza appellata u dan fid-dawl tas-sostituzzjoni tar-raġunijiet li saret fil-punti 171 sa 175 ta’ din is-sentenza. Fir-rigward tal-kumplament, l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-aggravju uniku tal-appell inċidentali ta’ RBS u tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG huma parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

199    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell inċidentali ta’ RBS u l-ewwel aggravju ta’ dak ta’ LBG għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

200    Essenzjalment, it-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(3) KE huwa artikulat fi tliet partijiet. L-appellanti jsostnu dan l-aggravju u jippreżentaw osservazzjonijiet supplimentari fir-rigward.

 Is-sentenza appellata

201    Skont il-Qorti Ġenerali, it-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien kompost, essenzjalment, minn żewġ partijiet. Fl-ambitu tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni li applikat għalihom oneru tal-prova ferm għoli fir-rigward tal-prova tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 81(3) KE. Fl-ambitu tat-tieni parti tal-istess motiv, huma allegaw li l-analiżi tal-Kummissjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienet ivvizzjata minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Peress li kkunsidrat li kien impossibbli li l-ewwel parti tiġi eżaminata fl-astratt, il-Qorti Ġenerali eżaminat iż-żewġ partijiet tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza b’mod konġunt.

202    Fil-punt 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “sa fejn i[l-KMS] ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet anċillari fir-rigward tas-sistema MasterCard, huwa ġustament li l-Kummissjoni eżaminat jekk kinux jeżistu xi vantaġġi sinjifikattivi li jirriżultaw speċifikament mi[ll-KMS]. Għalhekk, il-fatt li fil-premessa 679 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni taċċetta li s-sistemi ta’ karti tal-ħlas, bħalma hija s-sistema MasterCard, tikkostitwixxi progress tekniku u ekonomiku ma għandux effett fuq il-punt dwar jekk i[l-KMS] jissodisfawx l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(3) KE”.

203    Fil-punti 208 sa 216 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumentazzjoni tal-appellanti dwar ir-rwol tal-KMS fl-ibbilanċjar bejn in-naħat “emittenti” u “akkwirenti” tas-sistema MasterCard. Fil-punt 217 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “[f]id-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, tiċħad l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti sabiex jintwera li l-vantaġġi oġġettivi li jistgħu jirriżultaw mis-sistema MasterCard huma attribwibbli għar-rwol li jħaddnu [l-KMS] tagħha”.

204    Fil-punt 220 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali żiedet li, jekk stess kellu jitqies li seta’ jiġi dedott li l-KMS jikkontribwixxu għaż-żieda tal-produzzjoni tas-sistema MasterCard, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex jintwera li dawn jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 81(3) KE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 221 tal-istess sentenza, li l-ewwel benefiċjarji ta’ tali żieda huma l-organizzazzjoni ta’ ħlas MasterCard u l-banek li jipparteċipaw fiha u li t-titjib, fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE, ma jistax jiġi assimilat għal kull vantaġġ li l-imsieħba jiksbu mill-ftehim fir-rigward tal-attività ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni tagħhom.

205    Fil-punti 222 sa 225 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-eżistenza tal-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi imputabbli lill-KMS fir-rigward tan-negozjanti u kkonkludiet, fil-punt 226 tal-istess sentenza, li “fl-assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ rabta mill-qrib biżżejjed bejn i[l-KMS] u l-vantaġġi oġġettivi li minnhom jibbenefikaw in-negozjanti, il-fatt biss li huma jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda fl-output tas-sistema MasterCard ma jistax, waħdu, juri li l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(3) E hija sodisfatta.”

206    Fil-punti 227 sa 229 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fin-nuqqas tal-produzzjoni tal-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi imputabbli lill-KMS fir-rigward tan-negozjanti, wieħed miż-żewġ gruppi ta’ utenti kkonċernati mill-karti ta’ ħlas, il-kritika tal-appellanti dwar teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-vantaġġi tal-KMS għad-detenturi ta’ karti kienet ineffettiva.

207    Fil-kuntest tal-argumentazzjoni tal-appellanti li tikkritika lill-Kummissjoni li taġixxi bħala “regolatur tal-prezzijiet” tal-KMS, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 230 sa 232 tal-istess sentenza, ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet eżaminat u validament ċaħdet il-fondatezza tal-argumentazzjoni żviluppata mill-appellanti matul il-proċedura amministrattiva u li l-assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li jiġi ssodisfatt il-livell ta’ prova ekonomika meħtieġa mill-Kummissjoni, preżunta stabbilita, ma timplikax tnaqqis fl-oneru tal-prova, jew saħansitra inverżjoni tiegħu.

208    Fl-aħħar nett, fil-punti 236 u 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-analiżi tagħha tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(3) KE, fit-termini li ġejjin:

“236      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrewx li r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE kienet ivvizzjata b’illegalità. Billi kien neċessarju li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu sabiex dan ikun applikabbli, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kritiki tar-rikorrenti dwar l-aspetti l-oħra tal-analiżi tal-Kummissjoni skont dan l-Artikolu.

237      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq in-natura għolja wisq tal-oneru tal-prova impost fuq ir-rikorrenti, ukoll għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-argumenti u l-provi mressqa mir-rikorrenti u, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, setgħet tikkonkludi b’mod validu li huma ma kinux jippermettu li jintwera li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3)KE kienu kollha sodisfatti. Sa fejn il-Kummissjoni setgħet, b’mod validu, tikkonkludi li r-rikorrenti ma pproduċewx il-prova tal-eċċezzjoni li huma kienu qegħdin jinvokaw, l-allegazzjoni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju in dubio pro reo għandha wkoll tiġi miċħuda.”

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

–       L-argumenti tal-partijiet

209    LBG issostni li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterju korrett fir-rigward tal-oneru tal-prova, jiġifieri l-bilanċ ta’ probabbiltajiet. Billi tirreferi għall-osservazzjonijiet bil-miktub li hija ppreżentat fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE quddiem il-Qorti Ġenerali, LBG issostni li din tal-aħħar kellha teżamina s-sistema MasterCard fl-intier tagħha, liema sistema toħloq vantaġġi sinjifikattivi għad-detenturi ta’ karti u għan-negozjanti. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx titlob lil MasterCard tipprova l-livell preċiż tal-KMS, iżda kellha sempliċement titlob prova tal-metodologġija li MasterCard issegwi fl-iffissar tal-KMS.

210    Il-Kummissjoni tqis li t-tliet allegazzjonijiet prinċipali mressqa minn LBG fl-ambitu tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali huma inammissibbli sa fejn dawn huma bbażati fuq affermazzjonijiet vagi u ġenerali li ma jippermettux la li jiġu identifikati l-partijiet tas-sentenza appellata kkontestati u lanqas li jiġi ddeterminat fuq liema bażi legali dawn huma bbażati b’mod konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. LBG ma tistabbilixxix b’mod ċar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, iżda sempliċement tirriproduċi argumenti diġà mressqa fl-ewwel istanza.

211    Speċifikament, il-Kummissjoni ssostni li, insostenn tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, LBG ma tindika ebda punt tas-sentenza appellata u ma tgħid xejn dwar il-ġurisprudenza invokata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-livell ta’ prova adegwat.

212    Fil-mertu, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza dwar l-oneru tal-prova, il-Qorti Ġenerali korrettament ibbażat ruħha, fil-punti 196 u 206 tas-sentenza appellata, fuq ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, sabiex tibbenefika mill-Artikolu 81(3) KE, l-impriża għandha tinvoka argumenti u provi konvinċenti li l-Kummissjoni għandha teżamina. Min-naħa l-oħra, il-kriterju tal-bilanċ ta’ probabbiltajiet propost minn LBG ma huwa sostnut minn ebda ġurisprudenza.

213    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, sa fejn LBG tidher li qed tikkontesta r-rekwiżit dwar ir-rabta ta’ kawżalità bejn ir-restrizzjoni reali u l-vantaġġi ta’ effikaċità, dan l-argument huwa ineffettiv inkwantu LBG ma tikkontestax il-punt rilevanti tas-sentenza appellata, jiġifieri l-punt 207 tagħha. Fi kwalunkwe każ, tali rekwiżit huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza u, konsegwentement, l-argumenti ta’ LBG li, minn naħa, is-sistema MasterCard tagħti vantaġġi sinjifikattivi lill-konsumaturi u lin-negozjanti u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju strett wisq fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE, ma jistgħux jirnexxu.

214    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni ma hijiex dik li jiġi pprovat il-livell preċiż ta’ KMS, iżda pjuttost li tingħata tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk il-KMS jinvolvux vantaġġi ta’ effikaċità oġġettivi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

215    Kif jirriżulta mill-punti 150 u 151 ta’ din is-sentenza, anki jekk l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, ma jistax jiġi applikat b’mod retroattiv għall-appell inċidentali ta’ LGB, mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-data tal-preżentata ta’ dan l-appell inċidentali, partikolarment l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li speċifikament isostnu din it-talba.

216    Appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l‑argumenti li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, sa fejn tali appell ma jinkludix argumentazzjoni li tipprevedi speċifikament li tikkritika s-sentenza appellata, dan fir-realtà jkun jikkostitwixxi talba għal sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma taqax fil-kompetenza tagħha (ara s-sentenza Deere vs Il-Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217    Issa, jekk LBG tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ma affermatx, bħala kriterju tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE, il-bilanċ ta’ probabbiltajiet, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rigward, l-appell inċidentali ma jindikax u ma jippermettix li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-punti jew il-parti mis-sentenza appellata li huwa jikkritika.

218    Għandu wkoll jiġi rrilevat li, billi rreferiet għall-argumenti mressqa fin-nota ta’ intervent tagħha fl-ewwel istanza, LBG tirriproduċi l-istess argumenti li hija kienet diġà invokat quddiem il-Qorti Ġenerali u tfittex fir-realtà li tikseb eżami mill-ġdid tagħhom, mingħajr lanqas ma tipprova tressaq argumenti legali li juru speċifikament li l-Qorti Ġenerali, bil-mod kif ipproċediet, wettqet żball ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deere vs Il-Kummissjoni, EU:C:1998:256, punt 41).

219    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni hija fondata u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG hija, għalhekk, inammissibbli.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

–       L-argumenti tal-partijiet

220    Bit-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, LBG, sostnuta mill-appellanti, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 233 tas-sentenza appellata, billi ffokat fuq il-vantaġġi prodotti biss għan-negozjanti, minkejja l-fatt li rrikonoxxiet, fil-punt 228 tal-istess sentenza, li l-vantaġġi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal kull suq u servizz li jibbenefika mill-eżistenza tal-ftehim inkwistjoni u, fil-punt 176 tal-imsemmija sentenza, li hemm rabta bejn id-detenturi ta’ karti u n-negozjanti. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat, minn naħa, il-vantaġġi kbar li jirriżultaw mis-sistema MasterCard u mill-KMS għad-detenturi ta’ karti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema u l-ottimizzazzjoni tas-sistema li għaliha l-KMS jikkontribwixxu.

221    L-appellanti jaqblu mar-raġunament ta’ LBG u jżidu li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija ċirkulari, kontradittorja u insuffiċjenti sa fejn tikkonferma l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mid-deċiżjoni kkontestata tal-vantaġġi tal-KMS għad-detenturi ta’ karti. B’mod partikolari, fil-punti 107, 110 u 118 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li d-detenturi ta’ karti jsostnu spejjeż ogħla fil-każ li l-KMS jitneħħew jew jitnaqqsu, fil-punti 178 u 233 tal-istess sentenza, li kunsiderazzjoni finanzjarja min-negozjanti hija ġġustifikata għas-servizzi pprovduti mill-banek emittenti lil dawn tal-aħħar, u, fil-punti 182 u 228 tal-istess sentenza, li l-funzjoni tal-KMS li twassal għal tnaqqis tal-ispejjeż għad-detenturi ta’ karti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE. Għalhekk, huwa impossibbli li jinftiehem kif il-Qorti Ġenerali setgħet imbagħad tikkonkludi li “[l]-kritika tar-rikorrenti dwar teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-vantaġġi ta[l-KMS] għad-detenturi tal-karti hija, fi kwalunkwe ipoteżi, irrilevanti”.

222    L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nfisha fil-punt 233 tas-sentenza appellata, meta rrikonoxxiet li kunsiderazzjoni finanzjarja tidher li hija ġġustifikata għas-servizzi li l-banek emittenti jipprovdu lin-negozjanti, għalkemm ma huwiex possibbli li jintwera bi preċiżjoni f’liema livell, filwaqt li sostniet li MasterCard naqset milli tidentifika “s-servizzi pprovduti mill-banek li joħorġu l-karti ta’ debitu differit jew ta’ kreditu li jistgħu jkunu vantaġġużi għan-negozjanti”.

223    L-appellanti jżidu li, anki jekk jitqies li huma ma pprovdewx suffiċjentement provi li n-negozjanti jibbenefikaw minn vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi maħluqa mill-KMS, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax la r-raġunijiet għalfejn, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 228 tas-sentenza appellata, l-ewwel żewġ kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 81(3) KE, ma jistgħux jiġu ssodisfatti fuq il-bażi biss tal-vantaġġi li l-KMS joħolqu lid-detenturi ta’ karti u lanqas ir-raġunijiet għalfejn il-kategoriji kollha ta’ konsumaturi għandhom jibbenefikaw mill-istess sehem tal-benefiċċji.

224    Minbarra r-raġunijiet ta’ inammissibbiltà iktar ġenerali mressqa mill-Kummissjoni, kif esposti fil-punt 210 ta’ din is-sentenza, din l-istituzzjoni ssostni li t-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG huwa insuffiċjentement sostnut. LBG tikkontesta ċerti konstatazzjonijiet fattwali marbuta mal-assenza ta’ vantaġġi ta’ effikaċità jew mas-sehem ġust mill-benefiċċji għall-utenti mingħajr, madankollu, ma tallega żnaturament.

225    Fil-mertu, il-Kummissjoni tqis li l-eżistenza ta’ benefiċċji ta’ effikaċità fid-diversi swieq ma tiggarantixxix li l-utenti jingħataw sehem ġust mill-benefiċċji, b’mod konformi mat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE. L-assenza ta’ attribuzzjoni ta’ sehem ġust mill-benefiċċji hija konstatazzjoni ta’ fatt li ma tistax tiġi appellata. Fi kwalunkwe każ, LBG ma tispjegax kif il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-attribuzzjoni ta’ sehem ġust mill-benefiċċji għall-konsumaturi hija legalment żbaljata. In-natura interdipendenti tas-swieq fis-sistema ta’ żewġ naħat ma ddgħajjefx ir-regola ġenerali li sehem ġust mill-vantaġġi ta’ effikaċità għandu tal-inqas jiġi attribwit lill-konsumaturi affettwati mir-restrizzjoni inkwistjoni.

226    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-vantaġġi għad-detenturi ta’ karti, il-massimazzjoni tal-produzzjoni tas-sistema u l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema, iżda, fil-punti 208 sa 229 tas-sentenza appellata, hija sempliċement ċaħdet l-argumenti f’dan ir-rigward. Il-konstatazzjonijiet ta’ fatt f’dan ir-rigward ma jistgħux jiġu appellati u, fi kwalunkwe każ, ma jirrivelaw ebda żball ta’ liġi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

227    L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li tipprovdi li t-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell ta’ LBG ma huwiex suffiċjentement sostnut ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li LBG identifikat il-punt preċiż tas-sentenza appellata li fiha jinsab l-allegat żball ta’ liġi, jiġifieri l-punt 233, u sostniet l-argumentazzjoni tagħha billi invokat punti speċifiċi oħra tal-imsemmija sentenza kif ukoll argumenti legali insostenn. Minn dan isegwi li l-argumentazzjoni ta’ LBG f’dan ir-rigward jissodisfa r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 215 u 216 ta’ din is-sentenza.

228    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni ssostni, permezz ta’ din it-tieni parti, LBG ma tillimitax ruħha għal kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-fatti li saret fl-istanza, iżda tissolleva essenzjalment il-kwistjoni ta’ liema swieq jistgħu jitqiesu li jiġġeneraw vantaġġi oġġettivi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-analiżi tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE. Tali kwistjoni tikkostitwixxi kwistjoni dwar punt ta’ liġi ammissibbli fl-istadju tal-appell.

229    Fil-mertu, għandu jitfakkar li LBG, sostnuta mill-appellanti, tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ffokat biss fuq il-vantaġġi li l-KMS joħolqu għan-negozjanti, b’mod li injorat il-vantaġġi li s-sistema MasterCard u l-KMS jikkonferixxu lid-detenturi ta’ karti, kif ukoll l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema u l-ottimizzazzjoni ta’ din is-sistema li għaliha l-KMS jikkontribwixxu.

230    Qabelxejn għandu jiġi miċħud l-argument li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat injorat il-vantaġġi li jirriżultaw mis-sistema MasterCard għad-detenturi ta’ karti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tirriżulta kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE tista’ biss tkun is-suġġett ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE kemm-il darba tissodisfa l-kundizzjonijiet hemm ipprovduti, inkluża l-kundizzjoni ta’ kontribuzzjoni għat-titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni tal-prodotti jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Remia et vs Il-Kummissjoni, EU:C:1985:327, punt 38). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, meta ma jkunx possibbli li deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tinżamm distinta mill-operazzjoni jew mill-attività prinċipali li magħha hija assoċjata mingħajr ma jiġu kompromessi l-eżistenza u l-għanijiet tagħha, il-kompatibbiltà mal-artikolu 81 KE ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi eżaminata flimkien mal-kompatibbiltà tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali li għaliha hija anċillari.

231    Min-naħa l-oħra, ladarba ġie kkonstatat li tali deċiżjoni ma hijiex oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni jew ta’ attività determinata, huma biss il-vantaġġi oġġettivi li joħorġu speċifikament mill-imsemmija deċiżjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 81(3) KE (ara, b’analoġija, is-sentenza Remia et vs Il-Kummissjoni, EU:C:1985:327, punt 47).

232    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 78 sa 121 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-KMS ma kellhomx natura oġġettivament neċessarja għall-funzjonament tas-sistema MasterCard. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll korretta meta kkonkludiet, fil-punt 207 tal-istess sentenza, li l-analiżi tal-ewwel kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(3) KE kienet tirrikjedi eżami tal-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi li joħorġu speċifikament mill-KMS u mhux mis-sistema MasterCard fit-totalità tagħha. Minn dan isegwi li l-argument li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat injorat il-vantaġġi li joħorġu mis-sistema MasterCard għad-detenturi ta’ karti ma jistax jirnexxi.

233    Fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali injorat l-ottimizzazzjoni tas-sistema MasterCard li għaliha l-KMS jikkontribwixxu, għandu jitfakkar li, fil-punti 208 sa 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumentazzjoni tal-appellanti bbażata fuq ir-rwol tal-KMS fl-ibbilanċjar tan-naħat “emittenti” u “akkwirenti” ta’ din is-sistema u kkonkludiet billi ċaħdet l-argument li l-KMS jikkontribwixxu sabiex iżidu l-produzzjoni tal-istess sistema. Minn dan isegwi li l-argument ta’ LBG, f’dan ir-rigward, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u jirriżulta għaldaqstant li huwa infondat.

234    Fir-rigward tal-argumenti li l-Qorti Ġenerali injorat b’mod żbaljat l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema u l-vantaġġi li jirriżultaw mill-KMS għad-detenturi ta’ karti, qabelxejn, skont ġurisprudenza stabbilita, it-titjib, fis-sens tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE, ma jistax jiġi identifikat għal kull vantaġġ li l-imsieħba jiksbu mill-ftehim inkwistjoni fir-rigward tal-attività tagħhom ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni. Dan it-titjib għandu partikolarment jipprovdi vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi, ta’ natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li dan l-ftehim joħloq fil-livell tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, 502).

235    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-eżami ta’ ftehim, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar jikkontribwixxix għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni tal-prodotti jew għal promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku u jekk dan il-ftehim joħloqx vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi, għandu jsir fid-dawl tal-argumenti ta’ fatt u tal-provi prodotti mill-impriżi (ara f’dan is-sens, fir-rigward ta’ talba għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE, is-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 102).

236    Tali eżami jista’ jirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-eventwali speċifikazzjonijiet tas-settur ikkonċernat mill-ftehim inkwistjoni, kemm-il darba dawn il-karatteristiċi u dawn l-ispeċifikazzjonijiet ikunu deċiżivi fuq ir-riżultat tal-eżami (ara s-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, EU:C:2009:610, punt 103). Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE, hija n-natura favorevoli tal-effett fuq il-konsumaturi kollha fis-swieq rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, EU:C:2006:734, punt 70).

237    Minn dan isegwi li, fil-preżenza ta’ sistema b’żewġ naħat bħas-sistema MasterCard, sabiex jiġi evalwat jekk miżura li bħala prinċipju tikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE sa fejn din toħloq effetti restrittivi fir-rigward ta’ wieħed miż-żewġ gruppi ta’ konsumaturi assoċjat ma’ din is-sistema, tistax tissodisfa l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema li taħtha din il-miżura taqa’, inkluż, jekk ikun il-każ, il-vantaġġi oġġettivi kollha li jirriżultaw mill-istess miżura mhux biss fis-suq li fih ir-restrizzjoni ġiet ikkonstatata, iżda wkoll fis-suq li jinkludi l-grupp l-ieħor ta’ konsumaturi assoċjat ma’ din is-sistema, partikolarment meta, bħal fil-każ ineżami, huwa stabbilit li hemm interazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat tas-sistema inkwistjoni. Għal dan il-għan, għandu jiġi evalwat, jekk ikun il-każ, jekk tali vantaġġi humiex ta’ natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li l-istess miżura toħloq fil-livell tal-kompetizzjoni.

238    Madankollu, fil-każ ineżami, l-argument ta’ LBG li l-Qorti Ġenerali injorat b’mod żbaljat l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema ma jistax jintlaqa’. Kif ġie rrilevat fil-punt 233 ta’ din is-sentenza, fil-punti 208 sa 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumentazzjoni tal-appellanti dwar ir-rwol tal-KMS fl-ibbilanċjar bejn in-naħat “emittenti” u “akkwirenti” tas-sistema MasterCard u, f’dan ir-rigward, irrikonoxxiet speċifikament, fil-punt 210 ta’ din is-sentenza, li kien hemm interazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ naħat. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet billi ċaħdet l-argument li l-KMS jikkontribwixxu sabiex iżidu l-produzzjoni ta’ din is-sistema ma jnaqqas xejn mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema inkwistjoni fl-analiżi tagħha.

239    Bl-istess mod, fl-eżami tagħha tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-KMS li minnhom jibbenefikaw in-negozjanti, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-aspett ta’ żewġ naħat tas-sistema, partikolarment il-punti 222 u 223 tas-sentenza appellata, li fihom hija rrikonnoxxiet li ż-żieda fin-numru ta’ karti fiċ-ċirkulazzjoni tista’ żżid l-utilità tas-sistema MasterCard fir-rigward tan-negozjanti, anki jekk, fl-ambitu tal-evalwazzjoni definittiva tagħha tal-fatti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ikbar ma jkun in-numru ta’ karti fiċ-ċirkulazzjoni, ikbar ikun ir-riskju ta’ effetti negattivi għan-negozjanti.

240    B’mod partikolari, fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu LBG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-vantaġġi li joħorġu mill-KMS għad-detenturi ta’ karti, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 234 sa 236 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet, fil-prinċipju, marbuta, fl-eżami tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE, li tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi oġġettivi kollha li joħorġu mill-KMS, mhux biss fis-suq rilevanti, jiġifieri dak akkwirenti, iżda wkoll fis-suq distint konness tal-emissjoni.

241    Minn dan isegwi li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li kien hemm vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi li joħorġu mill-KMS għan-negozjanti, anki jekk dawn ma rriżultawx, fihom infushom, suffiċjenti sabiex jikkumpensaw għall-effetti restrittivi kkonstatati taħt l-Artikolu 81(1) KE, il-vantaġġi kollha fiż-żewġ swieq tal-utenti fis-sistema MasterCard, inkluż dak tad-detenturi ta’ karti, kienu jistgħu, fejn applikabbli, jiġġustifikaw il-KMS jekk, ikkunsidrati flimkien, dawn il-vantaġġi kienu ta’ natura li jikkumpensaw għall-effetti restrittivi ta’ dawn il-kummissjonijiet.

242    Madankollu, kif tfakkar fil-punt 234 ta’ din is-sentenza, l-eżami tal-ewwel kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 81(3) KE, iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-vantaġġi li joħorġu mill-miżura inkwistjoni humiex ta’ natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jirriżultaw minnha. B’hekk, fil-każ fejn, bħal fil-każ ineżami, effetti restrittivi huma kkonstatati biss f’suq wieħed ta’ sistema b’żewġ naħat, il-vantaġġi li joħorġu mill-miżura restrittiva f’suq distint konness li huwa assoċjat ukoll ma’ din is-sistema ma jistgħux, fihom infushom, ikunu ta’ natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jirriżultaw minn din il-miżura fl-assenza ta’ kull prova tal-eżistenza ta’ vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi imputabbli lil din il-miżura fis-suq rilevanti, partikolarment, kif jirriżulta mill-punti 21 u 168 sa 180 tas-sentenza appellata, meta l-konsumaturi li jkunu jinsabu f’dawn is-swieq ma jkunux sostanzjalment l-istess.

243    Fil-fatt, fil-każ ineżami, u mingħajr ma ġie ssollevat kwalunkwe żnaturament f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li kien hemm assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ vantaġġi oġġettivi li joħorġu mill-KMS li minnhom jibbenefikaw in-negozjanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm ħtieġa li jsir eżami tal-vantaġġi li joħorġu mill-KMS għad-detenturi ta’ karti peress li dawn ma jistgħux, fihom infushom, ikunu ta’ natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jirriżultaw minn dawn il-kummissjonijiet. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta, fil-punt 229 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li “[l]-kritika tar-rikorrenti dwar teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-vantaġġi ta[l-KMS] għad-detenturi tal-karti hija, fi kwalunkwe ipoteżi, irrilevanti”.

244    Fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti, esposta fil-punt 221 ta’ din is-sentenza, li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija ċirkulari, kontradittorja u insuffiċjenti fuq dan il-punt, din l-argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’.

245    Fil-fatt, anki fil-każ li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fl-analiżi tagħha tan-neċessità oġġettiva tal-KMS, li kien hemm vantaġġi għad-detenturi ta’ karti li jistgħu, fil-prinċipju, jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE, ma kienx hemm lok, kif jirriżulta mill-punti 240 sa 243 ta’ din is-sentenza, li jsir eżami ta’ tali vantaġġi fil-każ ineżami. Għalhekk, ma jirriżultax li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt, b’mod partikolari fil-punt 229 tas-sentenza appellata, huwa kontradittorju.

246    Fir-rigward tal-argument, li jidher fil-punt 222 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nfisha fil-punt 233 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq ċitazzjoni selettiva li twassal b’hekk għal qari żbaljat ta’ l-istess sentenza. Fil-fatt, bl-espressjoni “kunsiderazzjoni finanzjarja”, il-Qorti Ġenerali tirreferi, mhux kif jissuġġerixxi l-appellanti, għal vantaġġi oġġettivi għan-negozjanti, iżda għall-MSC. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx li kunsiderazzjoni finanzjarja min-negozjanti għall-ispejjeż esposti mill-banek emittenti għas-servizzi li jipprovdulhom kienet tidher iġġustifikata, iżda sempliċement ikkonstatat li l-appellanti kellhom jidentifikaw il-vantaġġi li setgħu jitqiesu li jiġġustifikaw l-MSC.

247    Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma tispjegax għal xiex l-ewwel żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 81(3) KE, ma jistgħux jiġu ssodisfatti unikament fuq il-bażi tal-vantaġġi li l-KMS jipprovdu lid-detenturi ta’ karti, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-punti 240 sa 245 ta’ din is-sentenza.

248    Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma spjegatx ir-raġuni li għaliha l-kategoriji kollha ta’ konsumaturi għandhom jibbenefikaw mill-istess sehem mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-KMS, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dan l-approċċ huwa ibbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkonstatat li kull grupp ta’ utenti kellu jibbenefika mill-istess sehem ta’ dawn il-benefiċċji, iżda sempliċement indikat li, peress li kienu jikkostitwixxu wieħed miż-żewġ gruppi ta’ utenti kkonċernati mill-karti ta’ ħlas, in-negozjanti kellhom jibbenefikaw ukoll mill-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi imputabbli lill-KMS. B’dan il-mod, l-użu tal-kelma “wkoll” fil-punt 228 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat, korrettament, li n-negozjanti kellhom jibbenefikaw mill-KMS “kif ukoll” id-detenturi ta’ karti, u mhux “bl-istess mod” bħal dawn tal-aħħar.

249    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-argumentazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġi għad-detenturi ta’ karti li jirriżultaw mill-KMS hija infondata.

250    Fid-dawl tal-premess, it-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

–       L-argumenti tal-partijiet

251    Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, LBG issostni li l-Qorti Ġenerali ssuġġerixxiet, fil-punt 233 tas-sentenza appellata, li l-uniċi elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-KMS humiex stabbiliti f’livell xieraq huma l-kumpens min-negozjanti għall-ispejjeż sostnuti mill-banek emittenti fir-rigward tas-servizzi pprovduti lin-negozjanti kif ukoll id-dħul l-ieħor miksub mill-banek emittenti. LBG tikkritika lill-Kummissjoni bl-approċċ restrittiv tagħha fil-każ ineżami, approċċ li jidher li din l-istituzzjoni adottat ukoll fil-Każ Visa CMI [Każ COMP/39.398 – Visa MIF, C(2010) 8760]. Filwaqt li tirreferi għall-osservazzjonijiet bil-miktub li hija ppreżentat fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE, quddiem il-Qorti Ġenerali, LBG issostni li l-Kummissjoni kellha ssegwi l-approċċ li hija adottat f’oqsma oħra paragunabbli fejn hija aċċettat ġustifikazzjonijiet ferm usa’ fuq il-bażi tal-Artikolu 81(3) KE.

252    LBG issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta approvat kriterju wisq rigoruż skont l-Artikolu 81(3) KE li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-vantaġġi sinjifikattivi li jirriżultaw mis-sistema MasterCard u mill-KMS għad-detenturi ta’ karti u n-negozjanti. Barra minn hekk, il-metodoloġija tal-Qorti Ġenerali ma tistax tiffunzjona fil-prattika, peress li din teżiġi provi preċiżi għall-ġustifikazzjoni tal-livelli tal-KMS speċifiċi, provi li huma improbabbli li jiġu prodotti. La l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma pprovdew spjegazzjoni dwar il-metodoloġija preċiża li MasterCard kellha ssegwi sabiex tiffissa l-KMS f’livell ġustifikabbli. Din l-inċertezza tqajjem preokkupazzjonijiet sinjifikattivi għall-operaturi u tista’ tippreġudika lill-konsumaturi billi timblokka l-innovazzjoni fis-suq.

253    Minbarra l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà iktar ġenerali mressqa mill-Kummissjoni, kif esposti fil-punt 210 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa insostenn tat-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ orjentazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali, huma ineffettivi.

254    Fil-mertu, il-Kummissjoni tqis li l-argument ta’ LBG dwar l-allegat nuqqas ta’ orjentazzjonijiet fil-livell ġustifikabbli tal-KMS jimplika li jinqaleb l-oneru tal-prova u ma jirrileva ebda żball ta’ liġi. LBG tikkontradixxi lilha nfisha meta tirreferi għall-punt 233 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-provi li l-appellanti setgħu jressqu sabiex jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE. Fl-aħħar nett, ir-riferiment għall-Każ Visa CMI, imsemmi fil-punt 251 ta’ din is-sentenza, huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ dan l-appell.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

255    Qabelxejn, fir-rigward tal-argument espost minn LBG li l-Kummissjoni adottat approċċ wisq restrittiv fil-każ ineżami, bħalma għamlet fil-Każ Visa CMI msemmi fil-punt 251 ta’ din is-sentenza, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan l-argument bl-ebda mod ma jindika l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u huwa, għaldaqstant, inammissibbli.

256    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu LBG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta approvat kriterju wisq rigoruż li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-vantaġġi sinjifikattivi li joħorġu mis-sistema MasterCard u mill-KMS għad-detenturi ta’ karti u n-negozjanti, dan l-argument huwa, essenzjalment, identiku għal dawk li ġew diġà eżaminati fl-ambitu tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet esposti fil-punti 227 sa 250 ta’ din is-sentenza.

257    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti li l-metodoliġija segwita mill-Qorti Ġenerali ma tistax tiffunzjona fil-prattika, peress li din teżiġi provi preċiżi għall-ġustifikazzjoni tal-livelli ta’ KMS speċifiċi li huma improbabbli li jiġu prodotti u l-fatt li la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma pprovdew spjegazzjonijiet dwar il-metodoloġija preċiża li MasterCard kellha ssegwi sabiex tistabbilixxi l-KMS f’livell ġustifikabbli, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma humiex intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi. Tali argumenti huma għalhekk inammissibbli.

258    It-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG għandha għalhekk tiġi miċħuda. Hemm lok li t-tieni aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG jiġi miċħud kollu kemm hu.

259    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-appell prinċipali kif ukoll iż-żewġ appelli inċidentali ppreżentati minn RBS u LBG għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

260    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

261    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ l-istess regoli, applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

262    Peress li l-appellanti tilfu t-talbiet tal-appell tagħhom u l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż, hemm lok li dawn tal-aħħar jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fl-appell prinċipali.

263    Fir-rigward tal-appelli inċidentali, peress li RBS u LBG tilfu t-talbiet tagħhom u l-Kummissjoni talbet il-kundanna tagħhom għall-ispejjeż, hemm lok li dawn tal-aħħar jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fl-appelli inċidentali rispettivi tagħhom.

264    Barra minn hekk, skont qari konġunt tal-Artikoli 140(3) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li f’dan il-każ l-appellanti jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom marbuta maż-żewġ appelli inċidentali u li RBS u LBG ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-appell inċidentali ppreżentat mill-parti l-oħra.

265    Skont l-Artikolu 184(4) ta’ dawn ir-regoli, HSBC, MBNA, BRC u EuroCommerce għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-appell prinċipali u mal-appelli inċidentali. Peress li Banco Santander SA ma pparteċipatx fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija ma tistax tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħhom.

266    Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184 tal-istess regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell prinċipali u l-appelli inċidentali huma miċħuda.

2)      MasterCard Inc., MasterCard International Inc. u MasterCard Europe SPRL huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-appell prinċipali u mal-appelli inċidentali, dawk tal-Kummissjoni Ewropea marbuta mal-appell prinċipali.

3)      Royal Bank of Scotland plc, Bank of Scotland plc u Lloyds TSB Bank plc huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kummissjoni Ewropea marbuta mal-appelli inċidentali rispettivi tagħhom.

4)      HSBC Bank plc, MBNA Europe Bank Ltd, British Retail Consortium, EuroCommerce AISBL u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.