Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-13 ta’ Ottubru 2015 – Tele2 (Netherlands) BV et vs Autoriteit Consument en Markt (ACM), parti oħra: European Directory Assistance NV

(Kawża C-536/15)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

College van Beroep voor het Bedrijfsleven

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tele2 (Netherlands) BV, Ziggo BV, Vodafone Libertel BV

Konvenuta: Autoriteit Consument en Markt (ACM)

Parti oħra: European Directory Assistance NV

Domandi preliminari

L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/22/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talbiet” jinkludi wkoll it-talba magħmula minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li titlob informazzjoni għall-finijiet ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji tat-telefon disponibbli għall-pubbliku offruti f’dan l-Istat Membru u/jew fi Stati Membri oħra?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jippermetti lill-fornitur li jipprovdi l-użu ta’ numri tat-telefon, marbut bil-leġiżlazzjoni interna li jitlob il-kunsens tal-abbonat sabiex ikun inkluż f’direttorji tat-telefon standard u f’servizzi standard ta’ tagħrif dwar it-telefon, li jagħmel, fit-talba għal kunsens, distinzjoni abbażi tal-Istat Membru li fih l-impriża, li titlob informazzjoni skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/22, toffri d-direttorju tat-telefon u s-servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon?

____________

1 Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367)