Language of document : ECLI:EU:C:2013:524

Kawżi magħquda C‑523/11 u C‑585/11

Laurence Prinz

vs

Region Hannover (C‑523/11)

u

Philipp Seeberger

vs

Studentenwerk Heidelberg (C‑585/11)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Hannover)

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza — Fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ mogħtija lil ċittadin ta’ Stat Membru għal studju fi Stat Membru ieħor — Rekwiżit ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini matul, minn tal-inqas, tliet snin qabel il-bidu tal-istudju”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Ċittadin ta’ Stat Membru li jistudja fi Stat Membru ieħor — Inklużjoni — Effett — Tgawdija tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea

(Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ għal studju li jsir fi Stat Membru ieħor — Għoti suġġett għall-kundizzjoni unika ta’ perijodu ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat — Inammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Assenza

(Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22-24)

2.        L-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti, matul perijodu ta’ iktar minn sena, ta’ fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ, għall-finijiet ta’ studju fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni unika, li l-applikant ikollu r-residenza permanenti tiegħu fis-sens ta’ din il-liġi, fit-territorju nazzjonali, matul perijodu ta’ minn tal-inqas tliet snin qabel ma jibda tali studji.

Fil-fatt, tali kundizzjoni tista’ tiskoraġġixxi ċittadini nazzjonali milli jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, fid-dawl tar-rilevanza li dan l-eżerċizzju tal-libertà jista’ jkollu fuq id-dritt għal fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ.

Huwa minnu li, jista’ jkun leġittimu għal Stat Membru li jagħti biss fondi lil studenti li jkunu wrew ċertu grad ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-imsemmi Stat. Madankollu, il-prova meħtieġa minn Stat Membru sabiex tiġi invokata l-eżistenza ta’ rabta ġenwina ta’ integrazzjoni ma għandhiex tkun wisq esklużiva, jew tiffavorixxi indebitament fattur li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-grad ġenwin u effettiv tar-rabta bejn l-applikant u dan l-Istat Membru, bl-esklużjoni ta’ kull fattur ieħor rappreżentattiv. Għalhekk, l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni tista’ titqies li hija sodisfatta permezz tal-konstatazzjoni li, matul ċertu perijodu, student ikun irrisjeda fl-Istat Membru fejn ikun talab li jibbenefika minn fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ. Madankollu, kundizzjoni unika ta’ residenza li teskludi mill-fondi lil studenti li, minkejja li ma jkunux irrisjedew fl-Istat Membru li jkun alloka l-fondi matul perijodu kontinwu ta’ tliet snin immedjatament qabel ma jkunu bdew jistudjaw barra l-pajjiż, għandhom madankollu rabtiet li jorbtuhom b’mod suffiċjenti mas-soċjetà tal-imsemmi Stat Membru. Dan jista’ jkun il-każ meta student ikollu n-nazzjonalità tal-Istat Membru inkwistjoni u jkun attenda skola hemmhekk matul perijodu sinjifikattiv, jew minħabba fatturi oħra, bħal, b’mod partikolari, il-familja tiegħu, ix-xogħol tiegħu, il-konoxxenzi lingwistiċi tiegħu jew l-eżistenza ta’ rabtiet soċjali jew ekonomiċi oħra.

(ara l-punti 32, 36-38, 41 u d-dispożittiv)