Language of document : ECLI:EU:T:2017:86

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

16 ta’ Frar 2017 (*)

“FAEG u FAEŻR – Miżuri marbuta maż-żona – Infiq eskluż mill-finanzjament – Korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa – Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑145/15,

Ir-Rumanija, irrappreżentata inizjalment minn R.‑H. Radu, V. Angelescu, R. Mangu, D. Bulancea, N. Horumbă, E. Mierlea u T. Crainic, sussegwentement minn R.‑Radu, V. Angelescu, R. Mangu, N. Horumbă, E. Mierlea u T. Crainic bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan u G. von Rintelen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għanda bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103, tas-16 ta’ Jannar 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 16, p. 33),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude (Relatur), President tal-Awla, M. Kancheva u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: I. Drăgan, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest u l-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka [iħassar] ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16), jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll (iktar ’il quddiem is-“SIAK”). Is-SIAK hija l-għodda prinċipali ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll għall-iskemi ta’ għajnuna għaż-“żoni”. Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 73/2009, is-SIAK tinkludi fost l-oħrajn bażi ta’ data kompjuterizzata tal-azjendi agrikoli u tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna kif ukoll sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli bbażata fuq sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata (iktar ’il quddiem is-“SIĦA-SIG”), b’mod konformi mal-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament.

2        Fil-kuntest tal-amministrazzjoni kondiviża, is-sistema globali ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-infiq agrikolu, prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex tinkiseb garanzija suffiċjenti dwar l-effikaċja tal-amministrazzjoni tar-riskju ta’ żball dwar il-legalità u r-regolarità tal-għajnuna, essenzjalment jinkludi erba’ livelli:

–        l-ewwel livell huwa kompost mill-istruttura amministrattiva mandatorja fuq livell tal-Istati Membri, ibbażata fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji tal-pagamenti u ta’ awtorità inkarigata mill-akkreditazzjoni tagħhom;

–        it-tieni livell huwa kompost mis-sistemi ddettaljati ta’ kontroll u mis-sanzjonijiet dissważivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-aġenziji tal-pagamenti;

–        it-tielet livell huwa kompost mill-kontrolli a posteriori mwettqa mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni indipendenti maħtura mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), u mal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2006, L 171, p. 90), applikabbli ratione temporis fil-mument tal-kontrolli li l-korp ta’ konċiljazzjoni Rumen għandu jwettaq għas-snin ta’ talba 2009 u 2010;

–        ir-raba’ livell huwa kompost mill-clearance tal-kontijiet imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea u li jinvolvi l-clearance tal-kontabbiltà annwali kif ukoll l-approvazzjoni tal-konformità pluriannwali.

3        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103, tas-16 ta’ Jannar 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 16, p. 33, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni eskludiet, minn fost l-infiq mhux kopert mill-finanzjament tal-Unjoni, ċertu nfiq magħmul mir-Rumanija, għas-snin ta’ talba 2009 u 2010.

4        Permezz ta’ din id-deċiżjoni, somma tal-ammont totali ta’ EUR 128 368 775 – maqsuma f’ammont ta’ EUR 92 471 526 għall-Partita tal-Baġit 6701 u ta’ EUR 35 897 249 għall-Partita tal-Baġit 6711 – ġiet għalhekk eskluża mill-finanzjament tal-Unjoni, bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ korrezzjoni ta’ 10 % għall-infiq abbażi tas-sena ta’ talba 2009 u ta’ 5 % għall-infiq abbażi tas-sena ta’ talba 2010, minħabba “[d]għufijiet fil-kontroverifiki amministrattivi u fil-kontrolli fuq il-post”.

5        Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk tagħlaq proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità, abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549), applikabbli ratione temporis meta ġiet adottata din id-deċiżjoni, fis-16 ta’ Jannar 2015.

6        Fil-kuntest tal-amministrazzjoni kondiviża tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, l-għajnuna għaż-żona, eskluża mill-finanzjament tal-Unjoni bid-deċiżjoni kkontestata, kienet tħallset lill-bdiewa mill-Agenția de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură (APIA, aġenzija ta’ ħlas u ta’ intervent għall-agrikoltura, ir-Rumanija), jiġifieri l-aġenzija tal-pagamenti Rumena inkarigata mill-amministrazzjoni u mill-kontroll tal-iskemi ta’ għajnuna. In-nuqqasijiet ta’ kontroll kollha kkonstatati huma relatati mad-determinazzjoni taż-żoni ammissibbli, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed minnhom, in-nuqqas J (ara l-punt 20 iktar ’il quddiem), relatat mal-pagamenti bil-quddiem u mal-kalkolu tas-sanzjonijiet.

7        Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq nuqqasijiet relatati mal-kontroll mill-APIA tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tal-għajnuna, ikkonstatati mill-Kummissjoni fil-kuntest taż-żewġ investigazzjonijiet dwar l-għajnuna għaż-żona, imwettqa fir-Rumanija mit-2 sas-6 ta’ Novembru 2009, f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009 (Investigazzjoni AA/2009/20), u mis-27 ta’ Settembru sal-1 ta’ Ottubru 2010, għas-sena ta’ talba 2010 (Investigazzjoni AA/2010/16), abbażi tal-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1290/2005. L-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet kien li jiġi ddeterminat jekk l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-iskemi ta’ għajnuna għaż-żona kinux iseħħu b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għas-sena ta’ talba, “l-għan iktar speċifiku tal-verifika [kien] is-superviżjoni tal-implementazzjoni tal-miżuri korrettivi fir-rigward tad-dgħufijiet tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll (skont il-pjan ta’ azzjoni)”. Skont informazzjoni pprovduta mir-Rumanija u mhux ikkontestata mill-Kummissjoni, dan il-pjan ta’ azzjoni ta’ tliet snin, intiż prinċipalment għall-attwalizzazzjoni tas-SIĦA-SIG Rumen ma immaġni ortofotografiċi tal-2008, tal-2009 u tal-2010, ġie implementat, bi qbil mal-Kummissjoni, sa minn Ġunju 2009 u ntemm fi tmiem is-sena 2011.

8        Permezz ta’ ittri tas-7 ta’ April 2010 u tat-18 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Rumanija l-konstatazzjonijiet tagħha wara l-investigazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kif ukoll talbiet għal informazzjoni addizzjonali, b’mod konformi mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006. L-awtoritajiet Rumeni rrispondew permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Ġunju 2010 u tad-19 ta’ Mejju 2011.

9        Il-Kummissjoni sejħet laqgħa bilaterali, li nżammet fl-1 ta’ Ġunju 2012. Il-minuti ta’ din il-laqgħa ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet Rumeni b’ittra tas-17 ta’ Jannar 2013. Fil-punt 3 ta’ dawn il-minuti, intitolat “Konklużjoni u impatt finanzjarju”, il-Kummissjoni tindika li hija “żżomm il-pożizzjoni tagħha li tgħid li s-sistema implementata fir-Rumanija għandha ċerti dgħufijiet kbar, prinċipalment f’dak li jirrigwarda s-SIĦA-SIG kif ukoll fir-rigward tat-twettiq tal-kontrolli fuq il-post u tal-kontrolli amministrattivi”. Hija tispeċifika li, “[s]kont id-Dokument VI/5330/97 [intitolat “Linji gwida dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija”], dawn id-dgħufijiet kienu jikkorrispondu għal punti dgħajfa tal-kontrolli prinċipali (jiġifieri l-kontroverifiki amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post) u tal-kontrolli sekondarji (jiġifieri l-pagamenti u l-kalkolu tas-sanzjonijiet) u ħolqu riskju ta’ telf fuq skala kbira għall-fondi f’dak li jirrigwarda l-infiq magħmul abbażi tal-ewwel u tat-tieni pilastri [tal-politika agrikola komuni]”. Hija kompliet tgħid li, “[m]adankollu, fir-rigward tal-impatt finanzjarju ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-awtoritajiet Rumeni qed jiġu mfakkra li huma għandhom il-possibbiltà li jipprovdu provi ċari li juru li r-riskju għall-fondi huwa iżgħar mill-korrezzjoni b’rata fissa normalment applikata, skont id-dokument ta’ xogħol imsemmi iktar ’il fuq”.

10      L-awtoritajiet Rumeni rrispondew b’ittra tat-18 ta’ Marzu 2013.

11      B’ittra tal-21 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Rumanija, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006, il-proposta tagħha li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somom ta’ EUR 90 174 906 għas-sena ta’ talba 2009 u ta’ EUR 50 362 738 għas-sena ta’ talba 2010. Ir-raġunijiet għal din l-esklużjoni u l-miżuri li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kellha, għalhekk, l-intenzjoni li tapplika korrezzjoni ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009 u ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010 kienu msemmija fl-Annessi 1 u 2 ta’ din l-ittra.

12      B’ittra tal-4 ta’ Ottubru 2013, ir-Rumanija adixxiet lill-korp ta’ konċiljazzjoni b’din il-proposta ta’ korrezzjoni finanzjarja, b’mod konformi mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006. Ir-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni, stabbilit fil-21 ta’ Marzu 2014, ġie kkomunikat lill-awtoritajiet Rumeni fis-26 ta’ Marzu 2014.

13      Fir-rapport tiegħu, il-korp ta’ konċiljazzjoni jikkonkludi li kien possibbli li jintlaħaq qbil parzjali bejn il-partijiet billi bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“6.1. Il-korp jikkonstata li l-partijiet jaqblu dwar reviżjoni tal-bażi tal-korrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li ċerti somom tas-sena finanzjarja 2009 jingħaddew fuq is-sena finanzjarja 2010 u f’dak li jirrigwarda l-irkupri kunsiderevoli, bla ħsara għal provi li jiġu prodotti mill-awtoritajiet.

6.2. Fir-rigward tal-livell tal-korrezzjoni, ir-rata fissa ta’ 10 % proposta għall-2009 hija ikbar minn dik (ta’ 7.4 %) applikata għall-2008 u għal dik proposta għall-2010. Il-korp jistaqsi jekk il-livell tal-korrezzjoni għall-2009 jistax jiġi stabbilit b’mod iktar preċiż permezz ta’ eżerċizzju simili għal dak li ġie aċċettat għall-2008. Madankollu, dan ikun jippreżupponi li dawn il-kalkoli jkopru d-dgħufijiet kollha u li jkunu jikkonċernaw ir-riskju inkorsi mill-fondi. Il-korp ma huwiex f’pożizzjoni li jiddeċiedi jekk dan huwiex possibbli.

6.3. Il-korp jiħu nota tal-perċentwali għolja ta’ rkupri ddikjarata mill-awtoritajiet [u jitlobhom] jippreżentaw lid-dipartimenti [tal-Kummissjoni] rendikont preċiż tas-sommom imniżżla akkreditu tal-fondi kif ukoll li jipproduċu l-prova tal-fatt li l-irkupri huma dovuti għan-[nuqqasijiet invokati mill-Kummissjoni fis-sistema integrata ta’ kontroll u ta’ amministrazzjoni Rumena, fil-kontrolli amministrattivi u fil-kontrolli fuq il-post kif ukoll fil-kalkolu tal-pagamenti u tas-sanzjonijiet].

Loġikament, jekk il-korrezzjonijiet ikkalkolati u proposti mill-awtoritajiet huma korretti, il-bażi finanzjarja tal-korrezzjoni[jiet] għandha titnaqqas, jekk iktar min-nofs l-għajnuna mhux dovuta ġie mħallas lura”.

14      Fid-dawl ta’ dan ir-rapport, b’ittra tal-11 ta’ April 2014, ir-Rumanija ttrażmettiet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

15      B’ittra tad-19 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Rumanija l-pożizzjoni finali tagħha.

16      B’ittra tad-19 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata lir-Rumanija, flimkien ma’ rapport fil-qosor. Fl-ewwel lok, f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni teżamina d-diversi nuqqasijiet ikkonstatati u twarrab l-evalwazzjoni individwali magħmula mill-awtoritajiet Rumeni tal-effett finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni ta’ kull wieħed min-nuqqasijiet li hija kienet identifikat taħt l-ittri majjuskoli “A”, “E”, “F”, “G” u “I”. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkonkludi, f’dan l-istess rapport, l-ewwel nett, li, fl-assenza ta’ informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni, ma huwiex possibbli li jiġi kkalkolat ir-riskju ta’ dannu finanzjarju għall-Unjoni, u dan jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rata fissa. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-kontenut tar-rapporti tal-korp ta’ ċertifikazzjoni dwar, rispettivament is-snin ta’ talba 2009 u 2010. Hija essenzjalment tosserva li dan il-korp esprima opinjoni mingħajr riżerva f’dak li jirrigwarda l-popolazzjoni koperta mis-SIAK, iżda li huwa madankollu skopra l-eżistenza possibbli ta’ żball materjali fl-istatistiċi relatati ma’ din il-popolazzjoni, b’limitu superjuri ta’ żball ta’ 2.7 %, f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009, u ta’ 4.24 %, f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2010. Barra minn hekk, għal din l-aħħar sena, il-Kummissjoni tinvoka l-assenza ta’ affidabbiltà tar-rata ta’ żbalji kkalkolata mill-korp ta’ ċertifikazzjoni Rumen, billi tibbaża ruħha fuq ir-rapport ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea fuq il-validazzjoni, minn dan il-korp ta’ ċertifikazzjoni, ta’ statistiċi ta’ kontroll għall-infiq tal-FAEG kopert mis-SIAK (proċedura ta’ garanzija msaħħa) f’dak li jirrigwarda s-sena finanzjarja 2011, li tikkorrispondi għas-sena ta’ talba 2010. It-tieni nett, biex tiddetermina r-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa applikabbli, il-Kummissjoni tqis li d-dgħufijiet fil-funzjonament tas-SIĦA-SIG u fil-kontroverifiki amministrattivi jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009. F’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2010, il-Kummissjoni tqis li dawn in-nuqqasijiet jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ rata ta’ 5 %, fid-dawl b’mod partikolari tal-attwalizzazzjoni tal-immaġni tas-SIĦA-SIG u tat-titjib fil-kontroverifiki amministrattivi.

17      B’mod iktar speċifiku, f’dak li jirrigwarda, qabel kollox, is-sena ta’ talba 2009, il-Kummissjoni tindika, fir-rapport fil-qosor, li tliet sensiliet ta’ nuqqasijiet jinvolvu riskju ta’ dannu finanzjarju. Dawn id-diversi nuqqasijiet, ikkonstatati wara li sar l-awditjar (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), u elenkati f’A u f’J mill-Kummissjoni, ġew għalhekk imqassma fi tliet gruppi.

18      L-ewwel sensiela ta’ nuqqasijiet hija komposta minn disfunzjonamenti tas-SIĦA-SIG (nuqqasijiet A u B, ara l-punt 23 iktar ’il quddiem) u nuqqasijiet fil-kontroverifiki amministrattivi (nuqqasijiet C, D u E). Il-lakuni relatati ma’ dawn il-kontrolli ewlenin jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 %, skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji ddefiniti fid-dokument intitolat “Linji gwida dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“Dokument VI/5330/97”), li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ tali rata fil-każ ta’ assenza jew ta’ ineffikaċja ta’ kontroll ewlieni jew ta’ diversi kontrolli ewlenin.

19      It-tieni sensiela ta’ nuqqasijiet ikkonstatati huma relatati mal-kontrolli fuq il-post u maż-żjarat fl-artijiet (nuqqasijiet F u G) kif ukoll mal-kontrolli fuq il-post ta’ wara l-kontrolli bit-teledetezzjoni (nuqqasijiet H u I). Il-kunsiderazzjoni flimkien ta’ dawn in-nuqqasijiet fit-twettiq tal-kontrolli ewlenin tiġġustifika, skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 %, skont id-Dokument VI/5330/97, li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ din ir-rata meta l-kontrolli ewlenin kollha jkunu twettqu, iżda mingħajr ma jkunu ġew osservati n-numru, il-frekwenzi u r-rigorożità previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

20      It-tielet sensiela ta’ nuqqasijiet jirrigwardaw il-kalkolu tal-pagamanti u tas-sanzjonijiet (nuqqas J). Dawn in-nuqqasijiet, li huma relatati ma’ kontrolli sekondarji, għalhekk jiġġustifikaw, skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tar-rata ta’ korrezzjoni ta’ 2 % prevista fid-Dokument VI/5330/97. Filwaqt li l-ewwel żewġ sensiliet ta’ nuqqasijiet, imsemmija fil-punti 18 u 19 iktar ’il fuq, jikkonċernaw kemm il-FAEG kif ukoll il-FAEŻR, it-tielet sensiela tikkonċerna biss il-FAEŻR.

21      Ir-rati ta’ korrezzjoni ta’ 5 % u ta’ 2 %, rispettivament iġġustifikati skont il-Kummissjoni mit-tieni u mit-tielet sensiliet ta’ nuqqasijiet (ara l-punti 19 u 20 iktar ’il fuq), huma assorbiti mir-rata ta’ 10 % applikata minħabba l-ewwel sensiela ta’ nuqqasijiet (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), skont id-Dokument VI/5330/97 li jipprevedi li, meta l-istess sistema tkun tinkorpora diversi nuqqasijiet, ir-rati fissi ma humiex kumulattivi, fejn l-iktar nuqqas gravi jitqies bħala indikattiv tar-riskji li tirrappreżenta s-sistema ta’ kontroll fil-globalità tagħha.

22      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2010, mir-rapport fil-qosor jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li żewġ sensiliet ta’ nuqqasijiet jinvolvu riskju ta’ dannu finanzjarju għall-fondi.

23      L-ewwel sensiela hija komposta minn disfunzjonamenti tas-SIĦA-SIG diġà kkonstatati għas-sena ta’ talba 2009 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), jiġifieri:

–        in-nuqqas A, relatat ma’ impreċiżjonijiet fis-SIĦA-SIG Rumen, peress li ċerti artijiet mhux ammissibbli għadhom ma ġewx esklużi miż-żona massima ammissibbli tal-ħbula ta’ riferiment;

–        in-nuqqas B, relatat ma’ ineżattezzi fl-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Rumeni lill-bdiewa, fl-2009 u fl-2010, minkejja titjib, fil-kuntest tal-obbligu tar-Rumanija li tipprovdi formoli stabbiliti minn qabel. Dan in-nuqqas wassal għal numru kbir ta’ żbalji, ikkonfermat min-numru kbir ta’ bdiewa li wettqu dikjarazzjonijiet żejda.

24      Dejjem fir-rapport fil-qosor, il-Kummissjoni tosserva li dawn in-nuqqasijiet A u B, li jirrigwardaw kontrolli ewlenin, jiġġustifikaw korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 %, fid-dawl tat-titjib imwettaq fl-2010 għas-SIĦA-SIG Rumena bis-saħħa tal-attwalizzazzjoni tal-immaġni ortofotografiċi.

25      It-tieni sensiela ta’ nuqqasijiet invokati mill-Kummissjoni fir-rapport fil-qosor, għas-sena ta’ talba 2010, hija identika għat-tielet sensiela invokata f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) u għalhekk tikkorrispondi għan-nuqqas J. Din tiġġustifika, skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ 2 %, assorbita mir-rata ta’ 5 % applikata minħabba l-ewwel sensiela, skont id-Dokument VI/5330/97 (ara l-punti 21 u 24 iktar ’il fuq).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Marzu 2015, ir-Rumanija ressqet dan ir-rikors. Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet wara l-preżentata tal-kontroreplika fis-16 ta’ Ottubru 2015.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2015, ir-Rumanija ppreżentat talba għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali li fiha indikat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tixtieq li tinstema’. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) laqgħet din it-talba.

28      Peress li membru tal-Awla ma setax jisma’ l-kawża, il-President tas-Seba’ Awla assenja, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

29      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura l-Qorti Ġenerali għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016.

31      Ir-Rumanija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Rumanija tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru°1306/2013 kif ukoll tad-Dokument VI/5330/97. Iż-żewġ motivi l-oħra huma bbażati rispettivament fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

34      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, barra f’dak li jirrigwarda n-nuqqas H, relatat mad-dewmien fiż-żjarat fuq il-post (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), ir-Rumanija ma tikkontestax in-nuqqasijiet ta’ kontroll invokati fil-konfront tagħha.

35      Ir-Rumanija min-naħa l-oħra tikkontesta l-konsegwenzi finanzjarji li rriżultaw, fid-deċiżjoni kkontestata, min-nuqqasijiet ikkonstatati. Mingħajr ma tiċħad l-eżistenza ta’ ċerti nuqqasijiet fis-SIAK Rumen, hija tinvoka b’mod partikolari l-isforzi li hija wettqet biex iżżid il-kwalità tas-SIĦA-SIG (ara l-punti 1 u 7 iktar ’il fuq). L-attwalizzazzjoni ta’ din is-sistema twettqet permezz ta’ immaġni ortofotografiċi tal-2008, tal-2009 u tal-2010, u ġiet ikkompletata fl-1 ta’ Frar 2010. Il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet dan it-titjib.

36      F’dan ir-rigward, ir-Rumanija tfakkar li s-sena 2007 kienet l-ewwel sena li matulha s-SIAK ġiet applikata f’dan il-pajjiż. L-APIA, responsabbli għall-implementazzjoni u għall-amministrazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna ta’ appoġġ għall-agrikoltura (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), iltaqgħet ma’ ċerti diffikultajiet fl-2007 u fl-2008, minħabba l-ispeċifiċità tal-istrutturi agrikoli fir-Rumanija, li jinkludu miljuni ta’ azjendi agrikoli familjari ta’ daqs żgħir. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, peress li kkonstatat irregolaritajiet fil-funzjonament tas-SIĦA-SIG u fit-twettiq tal-kontrolli fuq il-post wara l-kontroverifiki amministrattivi, kienet applikat korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2007 u korrezzjoni ta’ 7.4 % għas-sena ta’ talba 2008, ikkalkolata skont il-metodu ta’ estrapolazzjoni abbażi tar-rata ta’ żbalji li tirriżulta mill-istatistiċi ta’ kontroll iċċertifikati, li kienu ġew proposti mill-awtoritajiet Rumeni.

37      F’dan il-każ, ir-Rumanija tikkritika lill-Kummissjoni talli applikat, minkejja t-titjib imwettaq (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % abbażi tas-sena ta’ talba 2009 u ta’ 5 % abbażi tas-sena ta’ talba 2010, minflok ma kkalkolat ir-riskju reali ta’ telf finanzjarju għall-Unjoni, bħalma għamlet għas-sena ta’ talba 2008 (ara l-punt 36 iktar ’il fuq). Skont il-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni, ir-rata ta’ korrezzjoni ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 5.5 % għas-sena ta’ talba 2009 u ta’ 3.989 % għas-sena ta’ talba 2010.

38      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, jaqbel li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

39      Ir-Rumanija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma esponietx, fl-ebda mument, ir-raġunijiet li għalihom hija ma aċċettatx l-argumenti u l-provi prodotti quddiemha mill-awtoritajiet Rumeni f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġi kkalkolat ir-riskju ta’ dannu finanzjarju għall-fondi tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-Rumanija sostniet, kemm fin-noti tagħha kif ukoll matul is-seduta, li hija kienet ipproponiet żewġ metodi ta’ kalkolu alternattivi matul il-proċedura amministrattiva. Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn il-metodi, ibbażat fuq evalwazzjoni individwali tal-konsegwenzi finanzjarji ta’ kull wieħed min-nuqqasijiet ikkonstatati, il-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom hija ċaħdet l-evalwazzjonijiet individwali, magħmula mill-awtoritajiet Rumeni, li juru li r-riskju ta’ telf maħluq mill-parti l-kbira tan-nuqqasijiet kien żgħir jew ineżistenti. Il-Kummissjoni lanqas ma mmotivat ir-rifjut tagħha li tapplika, f’dan il-każ, it-tieni metodu ssuġġerit, ibbażat fuq estrapolazzjoni tar-riżultati tal-istatistiċi ta’ kontroll.

40      Ir-Rumanija ssostni, sussidjarjament, li, jekk jitqies li l-applikazzjoni ta’ rata fissa ġiet motivata suffiċjentement skont il-liġi u hija ġġustifikata, b’mod konformi mal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, mill-impossibbiltà li r-riskju ta’ dannu finanzjarju jiġi ddeterminat b’mod iktar preċiż mingħajr ma jsiru sforzi sproporzjonati, fatt li r-Rumanija tikkontesta, id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-għażla tar-rata ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) u tar-rata ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010 (ara l-punti 24 u 25 iktar ’il fuq).

41      Għalhekk hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament l-ilmenti msemmija iktar ’il fuq, ibbażati fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li jirrigwardaw, l-ewwel nett, ir-rifjut tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni individwali tar-riskju ta’ telf għall-fondi tal-Unjoni maħluq minn kull wieħed min-nuqqasijiet ikkonstatati, it-tieni nett, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika għal dan il-każ il-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni u, it-tielet nett, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ 10 % fir-rigward tal-ewwel sensiela ta’ nuqqasijiet f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009 u ta’ rata ta’ 5 % fir-rigward tal-ewwel sensiela ta’ nuqqasijiet ikkonstatati għas-sena ta’ talba 2010. Preliminarjament, għandhom isiru xi osservazzjonijiet rilevanti għall-evalwazzjoni tat-tliet ilmenti.

 Osservazzjonijiet preliminari

42      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 146 u 147).

43      B’mod partikolari, l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, huwa, minn naħa, li jipprovdi lil persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, FLS Plast vs Il-Kummissjoni, C‑243/12 P, EU:C:2014:2006, punt 49). Għalhekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwiex limitat għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, iżda jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għan iktar ġenerali, intiż li jiggarantixxi li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-att ikkontestat quddiemha (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Bensada Benallal, C‑161/15, EU:C:2016:3, punt 99).

44      Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑367/13, mhux ippubblikata, pendenti fl-appell, EU:T:2015:933, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ approvazzjoni tal-konformità jittieħdu fuq il-bażi ta’ rapport fil-qosor kif ukoll abbażi ta’ skambju ta’ ittri bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-kuntest partikolari tal-elaborazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ konformità, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies suffiċjenti meta l-Istat destinatarju jkun ġie involut mill-qrib fil-proċess ta’ elaborazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u meta kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet tqis li s-somom kontenzjużi ma kellhomx ikunu koperti mill-fondi (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑367/13, mhux ippubblikata, pendenti fl-appell, EU:T:2015:933, punt 112).

46      Minn dan jirriżulta li l-obbligu li l-Kummissjoni għandha li timmotiva ċ-ċaħda tagħha tal-evalwazzjoni tal-effett finanzjarju tan-nuqqasijiet ikkonstatati proposta mill-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-iżvilupp u tal-evoluzzjoni tal-argumenti tal-partijiet, fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja ta’ qabel id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni u intiża għall-ilħuq, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ qbil dwar ir-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja jew, fin-nuqqas ta’ qbil, għall-konċiljazzjoni tal-pożizzjonijiet rispettivi tal-imsemmija partijiet, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013.

47      Barra minn hekk, huwa biss matul il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni hija obbligata li timmotiva ċ-ċaħda tal-elementi ta’ evalwazzjoni suffiċjentement preċiżi prodotti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, ladarba dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu jipprova, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minn dan il-ksur. Għalhekk, huwa għandu jippreżenta l-iktar prova dettaljata u kompleta possibbli li ċ-ċifri huma eżatti u, jekk ikun il-każ, li l-kalkoli tal-Kummissjoni ma humiex eżatti (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑153/01, EU:C:2004:589, punt 67).

48      Dan it-tqassim tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqasijiet ikkonstatati jispjega ruħu bil-fatt li l-amministrazzjoni tal-finanzjament tal-FAEG u tal-FAEŻR hija bbażata prinċipalment fuq l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-ħarsien tal-osservanza stretta tar-regoli tal-Unjoni u hija bbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet tal-Unjoni. Huwa biss l-Istat Membru li jinsab f’pożizzjoni li jsir jaf u li jiddetermina bi preċiżjoni d-data neċessarja għat-tfassil tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR, il-Kummissjoni ma għandhiex il-prossimità neċessarja biex tikseb l-informazzjoni li hija għandha bżonn mingħand l-atturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑368/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:305, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      It-tieni nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li deċiżjoni li tkun tifforma parti minn prassi deċiżjonali stabbilita tista’ tkun motivata b’mod sommarju, b’mod partikolari permezz ta’ riferiment għal din il-prassi. Min-naħa l-oħra, hija l-awtorità tal-Unjoni li għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta d-deċiżjoni tmur ħafna iktar ’il bogħod mid-deċiżjonijiet preċedenti (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑549/13, EU:T:2016:6, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għandu wkoll jiġi osservat li l-awtorità tal-Unjoni, li f’dan il-każ hija l-Kummissjoni, għandha tirrispondi b’mod espliċitu għall-elementi ta’ informazzjoni preċiżi u ddettaljati prodotti minn Stat Membru li, matul il-proċedura amministrattiva, jipprova jeżonera ruħu mill-oneru tal-prova li huwa għandu li juri l-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqasijiet ikkonstatati, billi jistabbilixxi, għal dan il-għan, djalogu mal-Kummissjoni sabiex isib l-iktar soluzzjoni konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

51      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, wara proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità, ibbażata fuq l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, id-deċiżjoni ta’ konformità, li teskludi ċertu nfiq mill-finanzjament tal-Unjoni, tiddetermina r-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ grupp ta’ regoli preċiżi u espliċiti, li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni applikabbli u mil-linji gwida ddefiniti mill-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Tali linji gwida ma jirrigwardawx biss il-produzzjoni, mill-Istati Membri, tal-informazzjoni neċċessarja, b’mod partikolari għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu esklużi, iżda wkoll l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni u l-kriterji relatati, jekk ikun il-każ, mal-istabbiliment ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa, meta l-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni prodotta ma hijiex suffiċjentement affidabbli sabiex jiġu ddeterminati b’mod iktar preċiż l-ammonti li għandhom jiġu esklużi.

52      Peress li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, bħala prinċipju, għarfien sħiħ tar-regoli u tar-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni rilevanti u mil-linji gwida ddefiniti mill-Kummissjoni b’mod konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi korrezzjoni finanzjarja fuq Stat Membru tista’, bħala regola ġenerali, tkun limitata għal riferiment għall-prassi abitwali u li ssemmi l-punti ta’ fatt li fuqhom il-Kummissjoni qed tibbaża ruħha f’din id-deċiżjoni, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq. Dan, madankollu, ma huwiex il-każ meta l-Kummissjoni titbiegħed mill-prassi abitwali tagħha u tadotta linji gwida ġodda, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni tal-informazzjoni prodotta mill-Istati Membri, bil-għan li tintwera l-affidabbiltà ta’ tali informazzjoni.

53      Issa, f’dan il-każ, in-nota ta’ gwida li l-Kummissjoni tiddikjara li bbażat ruħha fuqha, fid-deċiżjoni kkontestata, hija nota ta’ gwida tad-19 ta’ Jannar 2010, dwar it-tisħiħ tal-garanzija, mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni, tal-legalità u tar-regolarità tal-operazzjonijiet fuq livell tal-benefiċjarji finali (iktar ’il quddiem in-“nota tad-19 ta’ Jannar 2010”). Din in-nota (punt 2) tintroduċi, fil-fatt, tisħiħ tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-istatistiċi ta’ kontroll, li fuqha huwa bbażat il-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex “tipprovdi bażi iktar solida sabiex tiġi deċiża l-affidabbiltà ta’ [dawn] l-istatistiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Istati Membri li ddeċidew li japplikaw din is-sistema ta’ garanzija msaħħa jimponu fuq il-korpi ta’ ċertifikazzjoni l-obbligu li jwettqu kontroll sħiħ ġdid, għal kull waħda mill-popolazzjonijiet ta’ nfiq, fuq kampjun rappreżentattiv ta’ tranżazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ kontroll fuq il-post mill-aġenzija tal-pagamenti. Dan il-kampjun jinkludi bejn 110 u 180-il tranżazzjoni għal kull popolazzjoni. Il-kontroll ta’ validazzjoni ma huwiex limitat għall-verifikazzjoni tal-kwalità tal-kontrolli fuq il-post, iżda jkopri t-trattament kollu tal-fajl, sa minn meta tiġi rċevuta l-applikazzjoni għall-għajnuna sal-kalkolu u sal-eżekuzzjoni tal-pagament finali, inkluża l-applikazzjoni ta’ eventwali sanzjonijiet.

54      F’dan il-kuntest, minn naħa, għandu jiġi osservat li, matul l-ewwel applikazzjonijiet, f’kull Stat Membru, ta’ din is-sistema ta’ garanzija msaħħa, li tissuġġetta l-validazzjoni, mill-korp ta’ ċertifikazzjoni, tar-rata ta’ żbalji tal-istatistiċi ta’ kontroll għal rekwiżiti ġodda kunsiderevoli, hija l-Kummissjoni li għandha tesponi b’mod ċar u espliċitu r-raġunijiet preċiżi ta’ eventwali ċaħda tal-kalkolu tar-riskju ta’ telf propost mill-awtoritajiet nazzjonali, minħabba li dan il-kalkolu huwa bbażat fuq statistiċi ta’ kontroll li ma kinux ġew iċċertifikati skont il-linji gwida l-ġodda.

55      Min-naħa l-oħra, il-linji gwida ddefiniti fin-nota tad-19 ta’ Jannar 2010 ma jistgħux iċaħħdu lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jipproponu evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju ta’ kull wieħed min-nuqqasijiet ikkonstatati (ara l-punt 61 iktar ’il quddiem). Fil-fatt, l-għażla tal-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni, abbażi ta’ data li kienet is-suġġett ta’ garanzija msaħħa skont il-linji gwida ddefiniti fin-nota tad-19 ta’ Jannar 2010, hija ta’ natura fakultattiva għall-Istati Membri, hekk kif barra minn hekk jirriżulta b’mod ċar mill-imsemmija nota.

56      Għaldaqstant, meta dan ma jkunx jeħtieġ sforzi sproporzjonati, bħala prinċipju hija l-Kummissjoni li għandha teżamina, b’mod konformi mal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, l-evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tad-diversi nuqqasijiet ikkonstatati proposta, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru, u li għandha timmotiva suffiċjentement skont il-liġi l-eventwali ċaħda tagħha ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja. Motivazzjoni fil-qosor ta’ tali ċaħda bħala prinċipju tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 sa 45 u 47 sa 49 iktar ’il fuq.

57      Ft-tielet lok, u irrispettivament mill-metodu ta’ kalkolu hekk propost, motivazzjoni suffiċjentement espliċita hija b’mod partikolari meħtieġa fir-rigward tal-Istati Membri, li għandhom jaġixxu id f’id mal-Kummissjoni biex jiżguraw ruħhom, minn naħa, li l-infiq magħmul fil-kuntest tal-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa jkun konformi mar-regoli tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li, f’każ ta’ irregolaritajiet, il-portata tar-riskju inkors mill-fondi tal-Unjoni tkun tista’ tiġi ddeterminata bl-iktar mod preċiż possibbli. Tali obbligu ta’ motivazzjoni jirrispondi barra minn hekk għal-linji gwida ddefiniti fid-Dokument VI/5330/97, li essenzjalment jindikaw li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni titjib magħmul mill-Istati Membri għas-sistema tagħhom ta’ kontroll u li f’dan ir-rigward jenfasizzaw li l-“approvazzjoni għandu jkollha l-għan li tkun preventiva u korrettiva iktar milli tkun ikkonċepita bħala mezz li permezz tiegħu jiġu imposti s-sanzjonijiet, u għandha tkun akkumpanjata minn garanziji proċedurali xierqa meta l-korrezzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu evitati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

58      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu evalwati t-tliet ilmenti tar-Rumanija msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq li jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, iċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-evalwazzjoni individwali, mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-effett finanzjarju ta’ kull wieħed min-nuqqasijiet, it-tieni nett, ir-rifjut tagħha li tapplika l-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni u, fl-aħħar nett, l-għażla tagħha li tapplika rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009 u rata ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010.

 Fuq il-motivazzjoni tar-rifjut li titwettaq evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tad-diversi nuqqasijiet

59      Fin-noti tagħha, ir-Rumanija invokat l-assenza ta’ motivazzjoni taċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-evalwazzjoni individwali li din tal-ewwel kienet wettqet tad-diversi nuqqasijiet. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-Rumanija kkonfermat, matul is-seduta, li hija kienet għall-ewwel ipproponiet, matul il-proċedura amministrattiva, li twettaq evalwazzjoni individwali tar-riskju ta’ telf għall-baġit tal-Unjoni maħluq minn kull wieħed mid-diversi nuqqasijiet ikkonstatati. Huwa biss minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-kalkoli pprovduti mill-awtoritajiet Rumeni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effett finanzjarju tal-parti l-kbira tan-nuqqasijiet li dawn l-awtoritajiet ipproponew, fil-kuntest tal-konċiljazzjoni, li jiġi applikat il-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni abbażi tal-istatistiċi ta’ kontroll. Bil-kontra ta’ dak li allegat il-Kummissjoni matul is-seduta, l-assenza ta’ risposta mill-awtoritajiet Rumeni għat-talba għal informazzjoni addizzjonali dwar punti preċiżi, relatati, b’mod partikolari, man-nuqqas G, li jirrigwarda t-trattament tad-differenzi ta’ erja ta’ 3 % jew inqas (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tas-17 ta’ Jannar 2013 li kien fiha l-konklużjonijiet tal-laqgħa bilaterali tal-1 ta’ Ġunju 2012, ma kienx ifisser li r-Rumanija kenet irrinunċjat għall-evalwazzjoni individwali proposta.

60      Matul is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li kien possibbli, fit-teorija, li tintuża evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tad-diversi nuqqasijiet ikkonstatati, filwaqt li fl-istess ħin speċifikat, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-Rumanija, li hija kienet ċaħdet, matul il-laqgħa bilaterali, l-evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju ta’ kull wieħed min-nuqqasijiet proposta mill-awtoritajiet Rumeni. Peress li l-imsemmija awtoritajiet ma wiġbux għal uħud mill-mistoqsijiet tagħha u ma insistewx, b’mod partikolari matul il-konċiljazzjoni, dwar l-argumenti tagħhom fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq evalwazzjoni individwali, il-Kummissjoni kienet qieset li huma kenu rrinunċjaw għall-applikazzjoni ta’ dan il-metodu. Għalhekk, l-argumenti dwar din l-evalwazzjoni individwali, invokati mir-Rumanija quddiem il-Qorti Ġenerali, huma irrilevanti.

61      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti li ntefqu bla bżonn u li, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu skoperti bi sforz proporzjonat, hija tista’ tapplika korrezzjonijiet estrapolati jew b’rata fissa. Minn dan jirriżulta li l-kalkolu tal-korrezzjoni bbażat fuq evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tad-diversi nuqqasijiet, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, huwa bħala prinċipju ammissibbli, meta tali evalwazzjoni individwali ma tkunx timplika sforzi sproporzjonati.

62      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet Rumeni rrinunċjawx għall-evalwazzjoni individwali, hekk kif issostni l-Kummissjoni.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li ċ-ċirkustanza li l-awtoritajiet Rumeni ma rrispondewx għal ċerti talbiet għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni ma tistax, waħedha, tiġi interpretata fis-sens li dawn l-awtoritajiet irrinunċjaw li jipproponu li r-rata ta’ korrezzjoni tiġi kkalkolata abbażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tad-diversi nuqqasijiet.

64      It-tieni nett, minn eżami tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv ma tirriżulta l-ebda rinunċja espliċita min-naħa tar-Rumanija għall-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu għal kull nuqqas individwali.

65      It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet Rumeni kinux impliċitament irrinunċjaw għal evalwazzjoni individwali tal-konsegwenzi finanzjarji tad-diversi nuqqasijiet, minn naħa, għandu jiġi osservat li, wara li l-Kummissjoni ċaħdet, matul il-laqgħa bilaterali, l-evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tad-diversi nuqqasijiet, li kienet twettqet mill-awtoritajiet Rumeni, dawn tal-aħħar ma ppreżentawx evalwazzjoni individwali iktar preċiża tal-effett finanzjarju ta’ dawn in-nuqqasijiet fir-risposta tagħhom tat-18 ta’ Marzu 2013 għall-konklużjonijiet tal-laqgħa bilaterali, b’risposta għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2013 jew sussegwentement matul il-proċedura amministrattiva.

66      Barra minn hekk, fl-ittra li permezz tagħha talbu konċiljazzjoni, tal-4 ta’ Ottubru 2013 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), l-awtoritajiet Rumeni ma semmewx, taħt it-titolu “Konsegwenzi finanzjarji”, metodu ta’ kalkolu għal kull nuqqas individwali. Il-metodu ta’ kalkolu tar-riskju ta’ telf għall-fondi, li huwa propost f’dik il-parti tal-ittra tal-4 ta’ Ottubru 2013, jirrigwarda kalkolu għan-nuqqasijiet kollha u huwa bbażat fuq metodu b’estrapolazzjoni tar-rata ta’ żbalji li jirriżultaw mill-istatistiċi ta’ kontroll. L-awtoritajiet Rumeni osservaw li r-riskji li jirriżultaw minn ċerti nuqqasijiet kienu taħt il-livell ta’ materjalità u kienu jirriflettu l-irkupri mwettqa. Abbażi ta’ dawn l-elementi, l-awtoritajiet Rumeni pproponew espliċitament, fl-aħħar mill-aħħar, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni, diġà implementat f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2008 u li kien iwassal għal rata ta’ korrezzjoni li ma kinitx taqbeż il-5.5 % għas-sena ta’ talba 2009 u ta’ 3.99 % għas-sena ta’ talba 2010.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ġiet iffokata fuq il-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni. Għalhekk, mir-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni, stabbilit fil-21 ta’ Marzu 2014 (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-għan esklużiv tar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-korp kien tentattiv ta’ approssimazzjoni tal-pożizzjonijiet diverġenti tal-partijiet fil-kuntest tas-smigħ tagħhom fir-rigward tal-possibbiltà li l-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni msemmi iktar ’il fuq jiġi applikat f’dak li jirrigwarda s-snin ta’ talba 2009 u 2010.

68      Min-naħa l-oħra, għandu madankollu jiġi osservat li, fl-ewwel parti tat-talba tagħhom għal konċiljazzjoni tal-4 ta’ Ottubru 2013 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), iddedikata għall-eżami individwali tad-diversi nuqqasijiet ikkonstatati, l-awtoritajiet Rumeni rrepetew il-konklużjonijiet tagħhom li kienu essenzjalment jgħidu li l-konsegwenzi finanzjarji ta’ kull wieħed min-nuqqasijiet kienu ta’ natura limitata. F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kalkolu tal-effett finanzjarju tan-nuqqas A, relatat man-nuqqasijiet tas-SIĦA-SIG (ara l-punti 18 u 23 iktar ’il fuq), dawn l-awtoritajiet invokaw metodu ta’ kalkolu ġdid permezz ta’ paragun mad-data tas-SIĦA-SIG tas-sena ta’ wara, fir-rigward tal-elementi sostnuti fir-risposta tagħhom tat-18 ta’ Mejju 2012 għall-invit għal-laqgħa bilaterali kif ukoll fir-risposta tagħhom tat-18 ta’ Marzu 2013 għall-konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa.

69      Ir-raba’ nett, fir-rapport fil-qosor, il-Kummissjoni semmiet, għal kull wieħed min-nuqqasijiet A, E, F, G u I, l-evalwazzjoni individwali tar-riskju ta’ telf għall-fondi mwettqa mill-awtoritajiet Rumeni (ara l-punti 17 sa 19 iktar ’il fuq), u dan juri li l-Kummissjoni nnifisha ma kinitx tqis, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija awtoritajiet kienu rrinunċjaw għall-applikazzjoni ta’ tali metodu ta’ kalkolu.

70      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jitqies li r-Rumanija kienet irrinunċjat għal metodu ta’ kalkolu individwali tar-riskji għall-fondi, nuqqas b’nuqqas.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata jew fir-rapport fil-qosor li jakkompanjaha, fuq l-elementi kollha ta’ evalwazzjoni individwali invokati mill-awtoritajiet Rumeni matul il-proċedura amministrattiva u li għandha timmotiva ċ-ċaħda tagħhom.

72      Għal dan il-għan, kien ikun suffiċjenti li l-Kummissjoni tindika b’mod sommarju r-raġunijiet prinċipali għar-rifjut tagħha li tuża l-metodu ta’ evalwazzjoni individwali tar-riskji ta’ telf maħluq mid-diversi nuqqasijiet, propost mill-awtoritajiet Rumeni bħala metodu ta’ evalwazzjoni alternattiv għall-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni, qabel ma dawn l-awtoritajiet ma jiffokaw l-argumenti tagħhom fuq dan l-aħħar metodu, matul il-konċiljazzjoni.

73      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għas-sentejn ta’ talba 2009 u 2010 eżaminati, ir-rapport fil-qosor ma jinkludix tali motivazzjoni, anki sommarja. Fil-fatt, fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ nuqqasijiet, il-Kummissjoni llimitat ruħha li ssemmi kalkoli mwettqa mill-awtoritajiet Rumeni, mingħajr ma mmotivat iċ-ċaħda tagħhom.

74      Qabel kollox, fir-rigward tan-nuqqas A, relatat ma kontroll ewlieni, l-Kummissjoni ma mmotivatx iċ-ċaħda tal-metodu li jikkonsisti fl-ipparagunar tad-data tas-sena N ma dik tas-sena N + 1 (ara l-punt 68 iktar ’il fuq). Issa, skont l-awtoritajiet Rumeni, l-ipparagunar tad-data tas-SIĦA-SIG tas-sena ta’ talba 2009 ma’ dik tal-2010 juri li t-tnaqqis ta’ żoni agrikoli wara l-attwalizzazzjoni tas-SIĦA-SIG kien biss ta’ 2.3 %. Fir-rigward tal-ipparagunar tad-data tas-sena ta’ talba 2010 ma’ dik tal-2011, dan juri li it-tnaqqis taż-żoni wara din l-attwalizzazzjoni tas-SIĦA-SIG kien ta’ 1.88 %, li huwa inqas mil-livell ta’ materjalità ta’ 2 %.

75      Għalkemm huwa minnu li mit-tabella dwar it-titjib tal-immaġni ortofotografiċi tas-SIĦA-SIG li tinsab fir-rapport fil-qosor jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda d-data tas-sena ta’ talba 2010, li magħha l-awtoritajiet Rumeni kienu qabblu d-data tas-sena ta’ talba 2009, parti kbira minn dawn l-immaġni kienu għadhom mhux sodisfaċenti, sa fejn it-titjib kien jikkonċerna biss madwar 33 % minnhom. Madankollu, il-Kummissjoni ma esponietx b’mod ċar, fir-rapport fil-qosor jew fil-korrispondenza tagħha mal-awtoritajiet Rumeni matul il-proċedura amministrattiva, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset, minkejja t-titjib żgħir tas-SIĦA-SIG u tal-kontroverifiki amministrattivi, li ma kienx possibbli li l-effett finanzjarju tan-nuqqas A għas-sena ta’ talba 2009 jiġi evalwat individwalment skont il-metodu ta’ pparagunar propost. Barra minn hekk, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2010, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element relatat mal-kwalità tal-immaġni ortofotografiċi tas-SIĦA-SIG li jikkorrispondu għas-sena ta’ talba 2011, li magħhom l-awtoritajiet Rumeni kienu pparagunaw id-data tal-2010.

76      Barra minn hekk, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2009, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata suffiċjentement, b’mod partikolari sa fejn din tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni, l-evalwazzjoni individwali tan-nuqqasijiet E, F u G, ikkonstatati biss f’dak li jirrigwarda din is-sena ta’ talba, proposta mill-awtoritajiet Rumeni (ara l-punti 18, 19 u 69 iktar ’il fuq).

77      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda n-nuqqas E, relatat ma trattament mhux korrett tar-riżultati tat-teledetezzjoni, u n-nuqqas G, relatat mat-trattament tad-differenzi ta’ erja ta’ 3 % jew inqas, il-Kummissjoni tillimita ruħha, fir-rapport fil-qosor, li ssemmi riżultati tal-kalkolu mwettaq mill-awtoritajiet Rumeni dwar l-effett finanzjarju rispettiv tagħhom, mingħajr ma tindika b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija kienet qed tikkonfuta l-affidabbiltà ta’ dawn il-kalkoli. L-awtoritajiet Rumeni kienu evalwaw l-effett finanzjarju tan-nuqqas E għal EUR 856 159.59 u dak tan-nuqqas G għal EUR 5 478.03.

78      Fir-rigward tan-nuqqas F, relatat mal-inklużjoni ta’ artijiet mhux ammissibbli, il-Kummissjoni tammetti espliċitament li dan in-nuqqas għandu biss effett finanzjarju limitat, kif jirriżulta mill-evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Rumeni. Dawn tal-aħħar kienu qiesu li dan l-effett ma kienx sinjifikattiv, għaliex iż-żona totali aċċettata minħabba l-inklużjoni ta’ artijiet mhux ammissibbli kienet ta’ 646.41 ettari. Il-Kummissjoni madankollu ma tislet l-ebda konklużjoni minn dan f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, u tillimitha ruħha li tiddikjara, essenzjalment, li hija żżomm il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza tan-nuqqas F, li fl-2009 wassal sabiex dikjarazzjonijiet żejda jiġu aċċettati b’mod irregolari.

79      Min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda tal-evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju maħluq min-nuqqas I, relatat mal-aċċettazzjoni ta’ żoni mhux ammissibbli, hija motivata suffiċjentement skont il-liġi. Fir-rapport fil-qosor, il-Kummissjoni tindika li l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw kalkolu tar-riskju finanzjarju li jirriżulta minn dan in-nuqqas li kien jammonta għal EUR 88 465.14. Madankollu f’dan ir-rigward il-Kummissjoni tosserva li r-riskju finanzjarju li jirriżulta mill-kampjun ikkontrollat mill-ispetturi tagħha matul il-verifika ma setax jiġi direttament estrapolat għall-popolazzjoni kollha, kif kienu għamlu l-awtoritajiet Rumeni.

80      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-ilment dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni taċ-ċaħda tal-metodu ta’ evalwazzjoni individwali tad-diversi nuqqasijiet huwa fondat, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, in-nuqqas A għas-snin ta’ talba 2009 u 2010 u, min-naħa l-oħra, in-nuqqasijiet E, F u G għas-sena ta’ talba 2009.

 Fuq il-motivazzjoni tar-rifjut li tapplika l-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni abbażi tar-rata ta’ żbalji tal-istatistiċi ta’ kontroll

81      Ir-Rumanija tfakkar li, meta hija pproponiet, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni, kif dan kien ġie diġà implementat f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2008, il-Kummissjoni ddikjarat, kif jikkonferma r-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni (punti 4 u 5 tar-rapport), li dan il-metodu kien bħala prinċipju ammissibbli, iżda li ma setax jintuża għas-snin ta’ talba 2009 u 2010.

82      Ir-Rumanija għalhekk tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut tagħha li tapplika, b’mod konformi mal-prassi preċedenti, il-metodu ta’ kalkolu msemmi iktar ’il fuq kemm f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009 kif ukoll is-sena ta’ talba 2010.

 Fuq is-sena ta’ talba 2009

83      F’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009, mir-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet il-kalkolu tar-riskju ta’ telf għall-fondi abbażi tal-metodu b’estrapolazzjoni, propost mill-awtoritajiet Rumeni, billi sostniet, b’mod partikolari, li dan il-kalkolu ma kienx ikopri n-nuqqasijiet kollha u ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni s-sanzjonijiet mhux applikati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li l-korp ta’ ċertifikazzjoni kien skopra limitu superjuri ta’ żball ta’ 2.7 % għas-sena 2009.

84      Fil-Komunikazzjoni uffiċjali tal-21 ta’ Awwissu 2013, li ħarġet immedjatament qabel it-talba għal konċiljazzjoni (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet diġà ddikjarat li l-korp ta’ ċertifikazzjoni “kien esprima opinjoni mingħajr riżerva f’dak li jirrigwarda l-popolazzjoni FAEG koperta mis-SIAK”, iżda li “madankollu [huwa kien] skopra l-eżistenza possibbli ta’ żball materjali fl-istatistiċi relatati mal-popolazzjoni FAEG koperta mis-SIAK, fid-dawl tad-differenzi kkonstatati, [jiġifieri] rata ta’ żball probabbli ħafna ta’ 0.9 % (taħt il-livell ta’ materjalità ta’ 2 %), iżda b’limitu superjuri ta’ żball ta’ 2.7 %”. Fir-rapport fil-qosor (punt 12.12.2), il-Kummissjoni essenzjalment irriproduċiet dan l-argument fl-istess kliem bħal dak li jidher fis-silta msemmija iktar ’il fuq tal-Komunikazzjoni tal-21 ta’ Awwissu 2013.

85      Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Rumanija sostniet, fir-rikors, li kienet il-Kummissjoni li kellha, abbażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, minn naħa, tispeċifika liema kienu n-nuqqasijiet mhux koperti mill-kalkolu b’estrapolazzjoni propost. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet obbligata tispjega r-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx wettqet kalkolu alternattiv abbażi ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni li hija kienet taċċetta, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqasijiet li ma kinux koperti mill-kalkolu mwettaq mill-awtoritajiet Rumeni. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-Rumanija sostniet li r-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni invokat mill-Kummissjoni kien applikabbli biss sa mis-sena ta’ talba 2010.

86      Il-Kummissjoni għalhekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi astjeniet ruħha milli tiġġustifika l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti magħmula mill-awtoritajiet Rumeni, fir-rigward tal-kalkolu b’estrapolazzjoni tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja. Barra minn hekk, din l-assenza ta’ motivazzjoni, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, ċaħdet lill-Istat Rumen mill-garanziji mogħtija lill-Istati Membri kkonċernati biex jippreżentaw l-opinjoni tagħhom (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2013, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑2/11, EU:T:2013:307, punt 54).

87      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, għas-sena ta’ talba 2008, il-Kummissjoni kienet aċċettat l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni, ukoll propost mir-Rumanija f’dak li jirrigwarda s-snin ta’ talba 2009 u 2010, ikkunsidrati f’dan il-każ.

88      Madankollu, il-partijiet ma jaqblux f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bidlitx, b’mod partikolari għas-sena ta’ talba 2009, ir-rekwiżiti tagħha meta mqabbla mas-sena ta’ talba 2008, f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali. Issa, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fin-noti tal-partijiet jew fid-dokumenti li huma pproduċew ma hemm l-iċken indikazzjoni li tippermetti li wieħed jifhem liema kienet, skont il-Kummissjoni, is-sistema ta’ ċertifikazzjoni applikabbli għas-sena ta’ talba 2009 u, b’mod partikolari, jekk din is-sistema kinitx identika għal dik implementata għas-sena ta’ talba 2008.

89      Fin-noti tagħha, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara, mingħajr spjegazzjoni, li, għas-sena ta’ talba 2009, “ir-rata ta’ żballji ma ġietx iċċertifikata mill-korp ta’ ċertifikazzjoni”. Huwa biss fit-tweġibiet bil-miktub tagħha, u sussegwentement f’dawk orali, għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni allegat li s-sistema ta’ garanzija msaħħa kienet applikabbli sa mis-sena ta’ talba 2008.

90      Fil-fatt, fit-tweġibiet bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li s-sistema ta’ ċertifikazzjoni prevista fin-nota tad-19 ta’ Jannar 2010 ma kinitx inbidlet bejn is-snin ta’ talba 2008 u 2010. Hija ddikjarat li, għas-sena ta’ talba 2008, “ir-rata ta’ żballji [kienet] ġiet iċċertifikata b’mod konformi mal-istruzzjonijiet tagħha”. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni spjegat li kien biss fl-2010 li l-awtoritajiet Rumeni talbu konċiljazzjoni u li r-riskju għall-baġit tal-Unjoni kien ġie kkalkolat fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ konċiljazzjoni. Ir-Rumanija għalhekk kienet taf bil-kontenut tan-nota tad-19 ta’ Jannar 2010, li kienet diġà ġiet eżaminata mal-Istati Membri fl-2009, u għalhekk setgħet tapplika s-sistema ta’ garanzija msaħħa sa mis-sena ta’ talba 2008.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2009, il-Kummissjoni qieset li s-sistema ta’ garanzija msaħħa, prevista fin-nota tad-19 ta’ Jannar 2010, setgħet tiġi applikata sabiex tiġi ggarantita l-affidabbiltà tal-istatistiċi ta’ kontroll għall-finijiet tal-kalkolu b’estrapolazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja, bħal għas-sena ta’ talba 2008. Il-Kummissjoni kompliet tgħid li ċ-ċifri għas-sena ta’ talba 2009 ma kinux disponibbli qabel il-15 ta’ Lulju 2010, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, tal-modulazzjoni u tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ verifika li dwarhom hemm dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità li dwarha hemm dispożizzjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243). Il-Kummissjoni minn dan iddeduċiet li s-sistema ta’ garanzija msaħħa setgħet tiġi applikata għaċ-ċifri relatati mas-sena ta’ talba 2009.

92      Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li s-sistema ta’ garanzija msaħħa kienet ta’ natura volontarja (ara l-punti 53 u 60 iktar ’il fuq). Madankollu, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tqis li, jekk Stat Membru ma jagħżilx li japplika din is-sistema, huwa ma setax jibbaża ruħu fuq l-istatistiċi ta’ kontroll stabbiliti mill-aġenzija tal-pagamenti, li fuqhom kien ibbażat il-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni.

93      Matul is-seduta, ir-Rumanija, min-naħa tagħha, ikkontestat li s-sistema ta’ garanzija msaħħa, prevista fin-nota tad-19 ta’ Jannar 2010, kienet ġiet applikata f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2008. Hija insistiet dwar il-fatt li hija ma kinitx għażlet li tapplika din is-sistema la għas-sena ta’ talba 2008 u lanqas għas-sena ta’ talba 2009.

94      Iktar minn hekk, ir-Rumanija ssostni li, fl-assenza ta’ regoli ċari u prevedibbli, is-sempliċi fatt li n-nota tad-19 ta’ Jannar 2010 kienet diġà ġiet diskussa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-2009 u li l-istatistiċi ta’ kontroll relatati mas-sena ta’ talba 2009, stabbiliti mill-APIA, ma kinux disponibbli qabel il-15 ta’ Lulju 2010 ma kienx ifisser li s-sistema ta’ garanzija msaħħa kienet diġà applikabbli fl-2010, matul iċ-ċertifikazzjoni ta’ dawn l-istatistiċi ta’ kontroll.

95      Bil-kontra ta’ dak li allegat il-Kummissjoni matul is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport fil-qosor relatat mal-korrezzjonijiet finanzjarji għas-sena ta’ talba 2008, prodott minn din l-istituzzjoni bħala anness għat-tweġibiet bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar it-tip ta’ ċertifikazzjoni li kienet ġiet implementata mir-Rumanija u aċċettata mill-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda din is-sena ta’ talba. F’dan ir-rapport (punt 12.4.5), b’kuntrast mar-rapporti ta’ sinteżi għas-snin ta’ talba 2009 u 2010 (ara l-punt 84 iktar ’il fuq u l-punt 107 iktar ’il quddiem), il-Kummissjoni ma ssemmix liema kienet ir-rata massima ta’ żball tal-istatistiċi ta’ kontroll skoperta mill-korp ta’ ċertifikazzjoni. Hija tosserva biss li dan il-korp, adit mir-Rumanija wara l-konċiljazzjoni sabiex jivverifika l-affidabbiltà tal-istatistiċi ta’ kontroll sabiex jintwera li r-riskju ta’ telf għall-fondi kien iżgħar mill-korrezzjoni ta’ 10 % proposta mill-Kummissjoni, kien ikkonferma li “d-diversi rati ta’ żballji li jirriżultaw minn dawn l-istatistiċi ta’ kontroll, f’dak li jirrigwarda diversi skemi ta’ għajnuna għaż-żona, ma kinux sinjifikattivament żbaljati”. Minn dan huwa biss possibbli li jiġi dedott li d-differenza bejn ir-rata ta’ żbalji stabbilita mill-aġenzija tal-pagamenti u dik stabbilita mill-korp ta’ ċertifikazzjoni ma kinitx taqbeż il-marġni ta’ tolleranza aċċettat mill-Kummissjoni.

96      Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni, matul is-seduta, li jgħid li min-nota tad-19 ta’ Jannar 2010 (ara l-punt 53 iktar ’il fuq) jirriżulta espliċitament li s-sistema ta’ garanzija msaħħa li hija tipprevedi ġiet applikata sa mis-sena ta’ talba 2008, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, f’din in-nota, il-Kummissjoni tfakkar l-ewwel nett li, sa mis-sena finanzjarja 2008, korrispondenti għas-sena ta’ talba 2007, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni kienu obbligati li jivverifikaw u li jivvalidaw l-istatistiċi ta’ kontroll tal-infiq tal-FAEG koperti mis-SIAK u tal-infiq tal-FAEŻR, sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni garanzija dwar l-affidabbiltà ta’ dawn l-istatistiċi. Dan fil-prattika kien jimplika li l-korpi ta’ ċertifikazzjoni jieħdu inkunsiderazzjoni, fir-riżultati tal-kontrolli kkomunikati lill-Kummissjoni, l-informazzjoni ddettaljata miżmuma mill-aġenziji tal-pagamenti u li dawn jagħtu opinjoni dwar il-kwalità tal-kontrolli fuq l-artijiet billi jwettqu mill-ġdid ta’ mill-inqas għaxra minn dawn il-kontrolli għal kull kategorija ta’ nfiq. Sussegwentement, il-Kummissjoni tenfasizza, fl-istess nota, li, sabiex tirrispondi għall-kritika magħmula mill-Qorti tal-Awdituri f’dak li jirrigwarda n-natura insuffiċjenti tal-kontrolli li minnhom kienu inkarigati l-korpi ta’ ċertifikazzjoni, l-imsemmija nota tippreżenta proposta intiża li ssaħħaħ is-sistema ta’ ċertifikazzjoni.

97      Għalhekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rapport fil-qosor relatat mas-sena ta’ talba 2008 (ara l-punt 95 iktar ’il fuq), ma huwiex possibbli li l-Qorti Ġenerali tivverifika jekk ir-Rumanija kinitx għażlet li timplementa s-sistema ta’ garanzija msaħħa f’dak li jirrigwarda din is-sena ta’ talba.

98      Fir-rigward tas-sena ta’ talba 2009, inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li r-rapport fil-qosor, relatat mas-sentejn ta’ talba 2009 u 2010, jagħmel riferiment għal provvista ta’ garanzija msaħħa mill-awtoritajiet Rumeni biss għas-sena ta’ talba 2010, u mhux għas-sena ta’ talba 2009. Għalhekk, għandha tittieħed nota tal-fatt li, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk il-linji gwida ddefiniti fin-nota tad-19 ta’ Jannar 2010 kinux diġà applikabbli, ir-Rumanija f’kull każ ma kinitx għażlet li timplementa s-sistema ta’ garanzija msaħħa, prevista f’din in-nota f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009.

99      F’dan il-kuntest, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2009, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni invokat, matul il-proċedura amministrattiva u fir-rapport fil-qosor (ara l-punt 84 iktar ’il fuq), rata ta’ żbalji probabbli ħafna ta’ 0.9 % (taħt il-livell ta’ materjalità ta’ 2 %), b’limitu superjuri ta’ żball ta’ 2.7 %, ma jippermettix, fil-kuntest tal-bidla li kienet għaddejja minnha l-prassi tagħha permezz tal-linji gwida ddefiniti fin-nota tad-19 ta’ Jannar 2010 (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), li jiġu ddeterminati r-rekwiżiti fil-qasam ta’ ċertifikazzjoni u lanqas l-eventwali linji gwida li jispeċifikaw dawn ir-rekwiżiti, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tesprimi d-dubji tagħha dwar l-affidabbiltà tad-data pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni. Iktar minn hekk, l-effett tar-rata ta’ żbalji massima ta’ 2.7% fuq l-affidabbiltà tal-istatistiċi ta’ kontroll ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fir-rapport tiegħu l-korp ta’ ċertifikazzjoni kien barra minn hekk “esprima opinjoni mingħajr riżerva f’dak li jirrigwarda l-popolazzjoni FAEG koperta mis-SIAK”, u kien qies li r-rata ta’ żbalji “l-iktar probabbli” kienet ta’ 0.9 %.

100    Issa, fir-rapport tiegħu, il-korp ta’ konċiljazzjoni kien diġà esprima n-nuqqas ta’ komprensjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet li għalihom il-livell tal-korrezzjoni għas-sena ta’ talba 2009 ma jistax jiġi ddeterminat b’mod iktar preċiż, bl-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu simili għal dak aċċettat mill-Kummissjoni għas-sena ta’ talba 2008 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

101    Għalhekk, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tippermetti li wieħed jifhem liema kienet, skont il-Kummissjoni, is-sistema ta’ ċertifikazzjoni li l-Istati Membri kkonċernati kellhom jimponu fuq il-korpi ta’ ċertifikazzjoni, f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009, sabiex jiġi aċċettat li r-rati ta’ żbalji fl-istatistiċi ta’ kontroll stabbiliti mill-aġenziji tal-pagamenti tagħhom kienu suffiċjentement affidabbli u setgħu għalhekk validament iservu bħala bażi għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

102    Għandu jingħad ukoll li l-kriterji applikati mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni, sabiex tiġi ggarantita l-affidabbiltà tal-istatistiċi ta’ kontroll relatati mas-sena ta’ talba 2009, kienu jidhru iktar u iktar inkomprensibbli ladarba s-sistema ta’ ċertifikazzjoni l-ġdida, prevista fin-nota tad-19 ta’ Jannar 2010, kienet timplika, kif tenfasizza l-Kummissjoni nnifisha f’din in-nota, estensjoni sinjifikattiva tar-rwol u tad-dmirijiet tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza tal-bidliet meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ din is-sistema l-ġdida, motivazzjoni ċara u preċiża tar-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni propost mill-awtoritajiet Rumeni, għas-sena ta’ talba 2009, kien iktar u iktar neċessarju (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif tirriżulta kemm mir-rapport fil-qosor kif ukoll mill-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Rumeni matul il-proċedura amministrattiva, ikkonfermati mill-atti tal-proċess, ma tippermettix li wieħed jifhem jekk, sa mis-sena ta’ talba 2009, il-Kummissjoni saħħitx ir-rekwiżiti tagħha fil-qasam ta’ ċertifikazzjoni meta mqabbla mal-prassi preċedenti tagħha, u b’mod partikolari jekk hija kinitx warrbet il-prassi segwita f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2008.

104    Għaldaqstant, tali motivazzjoni la tippermetti li r-Rumanija tkun taf il-ġustifikazzjoni tar-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni propost u li tevalwa jekk dan ir-rifjut huwiex eventwalment ivvizzjat b’vizzju li jippermetti li l-legalità tiegħu tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni, u lanqas ma tippermetti li l-Qorti Ġenerali teżerċità l-istħarriġ tagħha, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq.

105    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi milqugħ, sa fejn il-Kummissjoni ċaħdet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni propost għas-sena ta’ talba 2009.

 Fuq is-sena ta’ talba 2010

106    F’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2010, il-Komunikazzjoni uffiċjali tal-21 ta’ Awwissu 2013 u r-rapport fil-qosor jindikaw espliċitament li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sistema ta’ garanzija msaħħa. Fil-fatt, dawn id-dokumenti huma xhieda tal-fatt li l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw il-garanzija msaħħa pprovduta mill-korp ta’ ċertifikazzjoni.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement skont il-liġi r-rifjut tagħha li tapplika s-sistema ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni propost mill-awtoritajiet Rumeni, billi invokat iż-żewġ raġunijiet li ġejjin fir-rapport fil-qosor. Minn naħa, il-Kummissjoni osservat li l-korp ta’ ċertifikazzjoni kien skopra l-eżistenza probabbli ta’ rata ta’ żbalji ta’ 1.9975 %, iżda b’limitu superjuri ta’ 4.24 %. Min-naħa l-oħra, hija invokat il-fatt li, fir-rapport tagħha dwar il-validazzjoni mill-korp ta’ ċertifikazzjoni Rumen tal-istatistiċi ta’ kontroll għall-infiq tal-FAEG kopert mis-SIAK (proċedura ta’ garanzija msaħħa) f’dak li jirrigwarda s-sena finanzjarja 2011, li tikkorrispondi għas-sena ta’ talba 2010, il-Qorti tal-Awdituri kienet ikkonkludiet l-assenza ta’ affidabbiltà tal-kontroll imwettaq minn dan il-korp, minħabba li dan ma kienx ikkonforma ruħu mal-linji gwida tal-Kummissjoni u peress li ma kienx skopra ċerti irregolaritajiet.

108    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ma taċċettax l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni għas-sena ta’ talba 2010.

 Fuq il-motivazzjoni tal-impożizzjoni ta’ rata fissa ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009 u ta’ rata fissa ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010

109    Għandu jiġi eżaminat, irrispettivament mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-użu nnifsu ta’ korrezzjoni b’rata fissa għas-sentejn ta’ talba inkwistjoni, jekk l-għażla ta’ rata fissa ta’ 10 % f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2009 u ta’ rata fissa ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010 hijiex suffiċjentement motivata.

 Fuq il-motivazzjoni tal-għażla tar-rata fissa ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009

110    L-ewwel nett, ir-raġunijiet tal-għażla ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %, għas-sena ta’ talba 2009, ma jirriżultawx b’mod ċar mir-rapport fil-qosor, li jillimita ruħu li jipprevedi, essenzjalment, li, minħabba d-dgħufijiet fil-funzjonament tas-SIĦA-SIG u tal-kontroverifiki amministrattivi, li jikkostitwixxu nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kontroll ewlieni u juru l-ineffikaċja tas-sistema ta’ kontroll, li jinvolvi riskju għoli ta’ telf għall-fondi, l-impożizzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 % hija ġġustifikata f’dak li jirrigwarda l-FAEG u l-FAEŻR.

111    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Dokument VI/5330/97 jipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata ta’ 10 % b’mod partikolari jekk kontroll jew diversi kontrolli ewlenin jitwettqu tant ħażin jew tant rari li jkunu ineffikaċji sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni għal għajnuna. Min-naħa l-oħra, dan id-dokument jipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata ta’ 5 % biss meta l-kontrolli ewlenin kollha jkunu twettqu, iżda mingħajr ma jkunu ġew osservati n-numru, il-frekwenzi u r-rigorożità previsti mil-leġiżlazzjoni.

112    Issa, il-Kummissjoni ma esponietx, la fir-rapport fil-qosor u lanqas fil-korrispondenza tagħha mal-awtoritajiet Rumeni, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li d-disfunzjonamenti tas-SIĦA-SIG (nuqqasijiet A u B) u n-nuqqasijiet fil-kontroverifiki amministrattivi (nuqqasijiet C, D u E) setgħu jiġu assimilati għall-ineffikaċja ta’ kontroll jew ta’ diversi kontrolli ewlenin. Motivazzjoni espliċita f’dan ir-rigward kienet iktar u iktar neċessarja sa fejn, wara l-istabbiliment tas-SIĦA-SIG Rumen insegwitu għall-adeżjoni tar-Rumanija, kienet qed isseħħ l-implementazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

113    It-tieni nett, l-argument tal-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ 10 % huwa ta’ natura inkoerenti. Fil-fatt, fir-risposta l-Kummissjoni ssostni li kull wieħed min-nuqqasijiet A sa E jista jiġġustifika, waħdu, tali rata, sa fejn dan huwa nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kontroll ewlieni.

114    Madankollu, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni timmotiva l-applikazzjoni tar-rata ta’ 10 % bil-“kumulu tad-disfunzjonamenti tas-SIĦA-SIG u tan-nuqqasijiet tal-kontroverifiki amministrattivi”, jiġifieri bil-kumulu tan-nuqqasijiet A sa E. Fil-waqt li tenfasizza l-importanza tas-SIĦA-SIG, il-Kummissjoni effettivament tippreċiża li d-disfunzjonamenti tas-SIĦA-SIG ma jikkostitwixxux l-uniku element li wassal għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ 10 %. F’dan ir-rigward hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, “l-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli tikkostitwixxi element ewlieni tal-applikazzjoni korretta ta’ skema marbuta maż-żona”, li “l-assenza ta’ sistema affidabbli ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tkun fiha nnifisha timplika riskju għoli ta’ dannu għall-baġit tal-Unjoni” u li “għalhekk, in-nuqqas ta’ implementazjoni tajba tas-SIĦA-SIG jiġġustifika, waħdu, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %” (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑3/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:388, punt 43). Il-Kummissjoni għalhekk tippreċiża li n-nuqqas A ma jistax jiġġustifika, waħdu, l-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 10 %. Għalhekk il-Kummissjoni bbażat ruħha, biex timponi rata ta’ 10 %, fuq il-kunsiderazzjoni flimkien tan-nuqqasijiet A sa E, li tkun tinvolvi l-ineffikaċja tas-sistema ta’ kontroll li tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ tali rata, skont id-Dokument VI/5330/97 (ara l-punt 111 iktar ’il fuq).

115    Issa, din l-ispjegazzjoni, pprovduta fil-kontroreplika u kkonfermata mill-Kummissjoni matul is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ma tirriżultax b’mod ċar mir-rapport fil-qosor u hija f’kontradizzjoni mal-argument invokat mill-Kummissjoni fir-risposta (ara l-punt 113 iktar ’il fuq).

116    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata, sa fejn hija tiddefinixxi rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009.

 Fuq il-motivazzjoni tal-għażla ta’ rata fissa ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010

117    Fir-rapport fil-qosor, il-Kummissjoni timmotiva l-applikazzjoni tar-rata fissa ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010 bid-“dgħufijiet fil-funzjonament tas-SIĦA-SIG u tal-kontroverifiki amministrattivi, li jikkonstitwixxu nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kontroll ewlieni u juru l-ineffikaċja tas-sistema ta’ kontroll, li jinvolvi riskju għoli ta’ telf għall-fondi”. Il-Kummissjoni tippreċiża li, “[f]id-dawl tat-titjib imwettaq mill-awtoritajiet Rumeni fl-2010, [fir-rigward] b’mod partikolari [tal-]attwalizzazzjoni tal-immaġni u [tat-]titjib tal-kontroverifiki amministrattivi (software ġdid sabiex jiġu evitati l-pagamenti doppji jew mhux korretti), korrezzjoni ta’ 5 % hija ġġustifikata”.

118    Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tad-diversi nuqqasijiet ikkonstatati, ir-rapport fil-qosor isemmi biss, għas-sena ta’ talba 2010, in-nuqqasijiet A u B, relatati mad-dgħufijiet tas-SIĦA-SIG, u mhux in-nuqqasijiet C, D u E, relatati mal-kontroverifiki amministrattivi. L-istess jgħodd għar-risposta.

119    Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li hija kienet ibbażat ruħha fuq in-nuqqasijiet A u B, li jirriżultaw rispettivament min-nuqqas ta’ preċiżjoni tas-SIĦA-SIG u mill-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-bdiewa, sabiex timponi r-rata ta’ 5 %. Madankollu hija kompliet tgħid li n-nuqqas A kien jiġġustifika, waħdu, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ 5 %.

120    Issa, l-inkoerenza tar-rapport fil-qosor, li, għalkemm jagħmel riferiment biss għad-dgħufijiet tas-SIĦA-SIG (nuqqasijiet A u B) f’dak li jirrigwarda n-nuqqasijiet ikkonstatati għas-sena ta’ talba 2010 (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), jinvoka wkoll in-nuqqasijiet fil-kontroverifiki amministrattivi (nuqqasijiet C, D u E) biex jiġġustifika l-applikazzjoni tar-rata ta’ 5 % (ara l-punt 117 iktar ’il fuq), setgħet biss tqajjem dubji serji dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-għażla ta’ din ir-rata kinitx motivata mill-kumulu taż-żewġ tipi ta’ nuqqasijiet imsemmija iktar ’il fuq jew jekk kinitx ibbażata unikament fuq id-dgħufijiet tas-SIĦA-SIG.

121    Barra minn hekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni u tal-ambigwità tiegħu, ir-rapport fil-qosor bl-ebda mod ma jippermetti li wieħed jifhem li, skont il-Kummissjoni, in-nuqqas A, relatat man-nuqqas ta’ preċiżjoni tas-SIĦA-SIG, kien suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġġustifika l-għażla tar-rata ta’ 5 %, kif din l-istituzzjoni spjegat matul is-seduta (ara l-punt 119 iktar ’il fuq).

122    Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn hija tiddefinixxi rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010.

 Konklużjoni dwar l-eżami tat-tieni motiv

123    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni motiv huwa fondat, għas-snin ta’ talba 2009 u 2010, f’dak li jirrigwarda ċ-ċaħda, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tan-nuqqasijiet proposta mill-awtoritajiet Rumeni (ara l-punt 80 iktar ’il fuq).

124    F’kull każ, dan il-motiv huwa wkoll fondat, għas-sena ta’ talba 2009 kollha, f’dak li jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni (ara l-punt 105 iktar ’il fuq).

125    Bl-istess mod, it-tieni motiv għandu jiġi milqugħ f’dak li jirrigwarda l-għażla tar-rata fissa ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009 (ara l-punt 116 iktar ’il fuq) u tar-rata ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010 (ara l-punt 122 iktar ’il fuq).

126    Konsegwentement, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2009, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kompletament, sa fejn din tirrigwarda lir-Rumanija, minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet motivi f’dak li jirrigwarda din is-sena ta’ talba.

127    F’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2010, id-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annullata minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn hija timponi rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa mingħajr ma mmotivat suffiċjentement skont il-liġi ċ-ċaħda tal-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq evalwazzjoni individwali tan-nuqqasijiet ikkonstatati, proposta mill-awtoritajiet Rumeni (ara l-punt 123 iktar ’il fuq).

128    Fil-fatt, mill-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, li essenzjalment jikkonferma l-linji gwida ddefiniti fid-Dokument VI/5330/97, jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjonijiet b’rata fissa biss “meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod aktar preċiż il-ħsara finanzjarja magħmula lill-Unjoni”.

129    Għaldaqstant, f’dan il-każ, peress li r-Rumanija kien għad kellha l-possibbiltà li tipproponi evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tan-nuqqasijiet ikkonstatati, il-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tapplika korrezzjoni b’rata fissa, mingħajr ma timmotiva u tiġġustifika debitament iċ-ċaħda tal-evalwazzjoni proposta, meta dan ma kienx jimplika sforzi sproporzjonati, ċirkustanza, din tal-aħħar, li ma ġietx invokata mill-Kummissjoni (ara l-punti 55 u 56 iktar ’il fuq).

130    Minn dan isegwi li, sa fejn tirrigwarda lir-Rumanija, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kompletament minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn hija tapplika rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa għas-snin ta’ talba 2009 u 2010, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

131    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

132    Peress li l-Kummissjoni tilfet it-talbiet kollha tagħha, u peress li r-Rumanija għamlet talba f’dan is-sens, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103, tas-16 ta’ Jannar 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) hija annullata sa fejn din tirrigwarda lir-Rumanija.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mir-Rumanija.

Van der Woude

Kancheva

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Frar 2017.

Firem


Werrej


Il-kuntest u l-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-motivazzjoni tar-rifjut li titwettaq evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju tad-diversi nuqqasijiet

Fuq il-motivazzjoni tar-rifjut li tapplika l-metodu ta’ kalkolu b’estrapolazzjoni abbażi tar-rata ta’ żbalji tal-istatistiċi ta’ kontroll

Fuq is-sena ta’ talba 2009

Fuq i s-sena ta’ talba 2010

Fuq il-motivazzjoni tal-impożizzjoni ta’ rata fissa ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009 u ta’ rata fissa ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010

Fuq il-motivazzjoni tal-għażla tar-rata fissa ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2009

Fuq il-motivazzjoni tal-għażla ta’ rata fissa ta’ 5 % għas-sena ta’ talba 2010

Konklużjoni dwar l-eżami tat-tieni motiv

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.