Language of document : ECLI:EU:C:2012:141

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Marzu 2012 (*)

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2006/115/KE — Artikoli 8 u 10 — Kunċett ta’ ‘utent’ u ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ — Xandir ta’ fonogrammi permezz ta’ apparat tat-televiżjoni u/jew tar-radju installat fil-kmamar ta’ lukandi”

Fil-Kawża C‑162/10,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn High Court (Commercial Division) (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2010, fil-proċedura

Phonographic Performance (Ireland) Limited

vs

L-Irlanda,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ April 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Phonographic Performance (Ireland) Limited, minn H. Sheehy, solicitor, assistita minn J. Newman, BL,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn E. Fitzsimons u J. Jeffers, BL,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Papadaki, M. Germani u G. Alexaki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn P. Gentili, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J. Gstalter, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u S. La Pergola, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU L 376, p. 28).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Phonographic Performance (Ireland) Limited (iktar ’il quddiem “PPL”) u l-Irlanda.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tad-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (iktar ’il quddiem id-“WPPT”) kif ukoll it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Dawn iż-żewġ trattati kienu ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

4        Skont l-Artikolu 2(b)(d) u (g) tad-WPPT:

“Għall-finijiet ta’ dan it-trattat:

b)      ‘fonogramma’ tifisser l-iffissar ta’ ħsejjes ta’ prestazzjoni jew ta’ ħsejjes oħra, jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes, li mhix il-forma ta’ fissazzjoni inkorporata f’xogħol ċinematografiku jew xogħol ieħor awdjoviżiv;

[...]

d)      ‘produttur ta’ fonogramma’ tfisser il-persuna, jew entità legali, li tieħu l-inizjattiva u li għandha r-responsabbiltà għall-ewwel darba li jsir l-iffissar tal-ħsejjes ta’ prestazzjoni jew ħsejjes oħra, jew ir-rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes”;

[...]

g)      ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ ta’ prestazzjoni jew fonogramma komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ interpretazzjoni jew ta’ fonogramma tfisser trasmissjoni b’kull mezz, minbarra xandir, ta’ ħsejjes ta’ prestazzjoni fissi ġo fonogramma. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 15, “komunikazzjoni lill-pubbliku” tinkludi li l-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet tal-ħsejjes fissi ġo fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku”.

5        L-Artikolu 15 tad-WPPT huwa fformulat kif ġej:

“Prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi għandhom id-dritt ta’ ħlas xieraq ta’ darba għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ippubblikati għal skopijiet kummerċjali ta’ xandir jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

2.      Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta’ darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni naturali li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta’ fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta’ darba.

3.      Kull Parti Kontraenti tista’, b’notifika mogħtija lid-Direttur Ġenerali ta’ l-WIPO, tiddikjara li se tibda tapplika d-disposizzjonijiet fil-Paragrafu 1 fir-rigward ta’ xi utenti biss, jew li b’xi mod se tillimita l-applikazzjoni tagħhom, jew li m’hi se tapplika xejn minn dawn id-disposizzjonijiet.

4.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu fonogrammi li jkunu disponibbli għall-pubbliku b’mezzi ta’ fili jew mingħajr, b’tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom, se jkunu meqjusin li kienu ppublikati għal għanijiet kummerċjali.”

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Skont il-premessi 5, 7 u 16 tad-Direttiva 2006/115:

“(5)      Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. Il-possibbiltà li jiġi żgurat dak id-dħul u li jiġi rkuprat dak l-investiment tista’ tkun garantita b’mod effettiv biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.

[…]

(7)      Il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha tiġi approssimata b'tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta’ bosta Stati Membri.

[…]

(16)      L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni aktar vasta għal sidien ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva rigward xandir u kommunikazzjoni lill-pubbliku.”

7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/115 jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tal-wirjiet tagħhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trasmessi bil-fili sew jekk bl-ajru, inklużi bil-cable jew bis-satellita.

3.      Distributur bil-cable m’għandux ikollu d-dritt previst fil-paragrafu 2 fejn huwa sempliċiment jerġa’ jittrasmetti bil-cable x-xandiriet ta' organizzazzjonijiet tax-xandir.”

8        L-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta' dan il-fonogramm, għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta' ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta' dan il-ħlas bejniethom.”

9        L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet imsemmija f’dan il-Kapitolu rigward ta’:

a      użu privat;

[…]

2.      Irrispettivament mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jagħmel dispożizzjoniet għall-istess tipi ta' limitazzjonijiet rigward il-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi, organizzazzjonijiet tax-xandir u ta’ produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, hekk bħad-dispożizzjonijet previsti fil-liġi tiegħu rigward il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi.

Madankollu, jistgħu jkunu previsti liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

Il-limitazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttar normali tal-materja u ma jippreġudikawx mingħajr raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

10      Id-Direttiva 2006/115 ikkodifikat u abrogat id-Direttiva 92/100 tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).

11      Skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230):

“Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi tal-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk irrikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.”

12      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

a)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

b)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

ċ)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

d)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

 Id-dritt nazzjonali

13      Il-Liġi tal-2000 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (Copyright and Related Rights Act 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2000”) tipprovdi fl-Artikolu 97:

(1)      Salv kif ipprovdut fil-paragrafu 2, ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-awtur fuq reġistrazzjoni ta’ smigħ, xandir jew servizz ta’ programm bil-kejbil il-fatt li tinstema’ reġistrazzjoni ta’ smigħ, tintwera xandira jew servizz bil-kejbil meta din tinstema’ jew tintwera

a)      f’parti minn stabbilimenti li huma pprovduti b’mezzi ta’ rqad għal residenti jew dawk li jiġu offruti alloġġ,

b)      permezz ta’ faċilitajiet ipprovduti esklużivament jew prinċipalment lir-residenti tal-imsemmija stabbilimenti jew lil dawk li jkunu jalloġġjaw hemm.

(2)      Il-paragrafu 1 ma huwiex applikabbli għall-partijiet ta’ stabbilimenti koperti bid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu jekk jintalab ħlas moderat għad-dħul għal dik il-parti mill-istabbiliment fejn tinstema’ jew tintwera r-reġistrazzjoni, ix-xandira jew il-programm”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      PPL hija kumpannija ta’ ġestjoni kollettiva li tirrappreżenta d-drittijiet li l-produtturi ta’ fonogrammi jgawdu fuq ir-reġistrazzjoni ta’ smigħ jew fuq il-fonogrammi fl-Irlanda.

15      Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda rikors ippreżentat minn PPL kontra l-Irlanda, sabiex jiġi kkonstatat li dan l-Istat, meta adotta u żamm fis-seħħ l-Artikolu 97 tal-Liġi tal-2000, kiser l-Artikolu 4 TUE u sabiex jintalbu danni u interessi bħala kumpens għal dan in-nuqqas.

16      PPL tallega li, minħabba l-eżenzjoni ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 97(1) tal-Liġi tal-2000, l-operaturi ta’ lukandi u ta’ guesthouses (iktar ’il quddiem, kollettivament, il-“lukandi”) ma ħallsuhiex remunerazzjoni ekwa għall-użu, fil-kmamar tal-lukandi fl-Irlanda, ta’ fonogrammi li huma parti minn dawk li ngħataw liċenzja lil PPL, permezz ta’ mezz ipprovdut minn dawk responsabbli għall-operat ta’ dawn il-lukandi u fil-kuntest tas-servizz mogħti minn dawn tal-aħħar.

17      Issa, l-eżenzjoni mir-responsabbiltà favur l-operaturi ta’ lukandi li jxandru fonogrammi protetti tikser ċerti direttivi Ewropej adottati fil-qasam tad-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur, li jipprovdu d-dritt ta’ produtturi ta’ fonogrammi li jirċievu l-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa meta l-fonogrammi tagħhom huma użati f’ċerti ċirkustanzi.

18      Il-High Court (Commercial Division) tispeċifika li, fil-kawża prinċipali, din tirrigwarda biss reġistrazzjonijiet ta’ smigħ jew fonogrammi li jinstemgħu minn klijenti fi kmamar ta’ lukandi fl-Irlanda u mhux f’partijiet oħra ta’ dawn l-istabbilimenti. Lanqas ma tirrigwarda t-trasmissjonijiet interattivi jew fuq talba.

19      Barra dan, skont il-qorti tar-rinviju, jekk lukandier jipprovdi apparat għat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar tal-istabbiliment tiegħu li jinsab fl-Irlanda, li lilhom jibgħat, permezz tal-kejbil jew ta’ kull teknoloġija oħra, sinjal riċevut ċentralment, il-lukandier ma huwiex marbut, skont l-Artikolu 97(1) tal-Liġi tal-2000, li jħallas remunerazzjoni ekwa lill-produtturi ta’ fonogrammi għar-reġistrazzjonijiet ta’ smigħ imxandra bit-televiżjoni jew bir-radju.

20      Bl-istess mod, jekk lukandier iqiegħed fil-kmamar tal-istabbiliment tiegħu mezz ieħor u jqegħdu għad-dispożizzjoni tal-klijentela tiegħu reġistrazzjonijiet ta’ smigħ taħt forma fiżika jew diġitali li l-klijenti jistgħu jisimgħuhom bil-għajnuna ta’ dan il-mezz, il-lukandier lanqas ma huwa marbut li jħallas remunerazzjoni ekwa lill-produtturi ta’ fonogrammi skont l-Artikolu 97(1) tal-Liġi tal-2000.

21      Barra minn hekk, għalkemm it-talba fuq il-mertu tirrelata fuq l-uiżu ta’ reġistrazzjonijiet ta’ smigħ fil-kmamar ta’ lukandi, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 97(1) tal-Liġi tal-2000 għandu wkoll effett li jelimina r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni ekwa għal tali użu fl-isptarijiet, fil-kliniċi, djar ta’ kura, fil-ħabsijiet jew fi kwalunkwe istituzzjonijiet simili.

22      Hija speċifikat, finalment, li r-reġistrazzjonijiet ta’ smigħ inkwistjoni f’din il-proċedura huma fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali.

23      F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tar-rinviju tikkunsidra li, minħabba d-differenzi bejn id-drittijiet protetti mill-Artikoli 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u 8(2) tad-Direttiva 2006/115, mill-kuntest li fih l-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” hija użata u l-għan tad-dispożizzjonijiet rispettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħti lilll-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, l-istess tifsira li hija tat fis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I‑11519).

24      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court (Commercial Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tas-sodda tal-klijenti televiżjonijiet u/jew radjijiet li jiddistribwilhom sinjal ta’ xandir huwa “utent” li jagħmel “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma li tista’ tindaqq f’xandira għall-finijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Kodifikata 2006/115/KE […]?

2)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija fl-affermattiv, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE jobbliga lill-Istati Membri li jipprovdu dritt għall-ħlas ekwu mill-operatur tal-lukanda b’żieda ma’ ħlas ekwu mix-xandar għad-daqq tal-fonogramm?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija fl-affermattiv, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115/KE jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw l-operaturi tal-lukandi mill-obbligu li jħallsu “ħlas uniku ekwu” minħabba “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) [ta’ din id-direttiva]?

4)      L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi apparat fil-kamra tas-sodda ta’ klijent (minbarra televiżjoni jew radju) u fonogrammi f’għamla fiżika jew diġitali li jista’ jindaqq jew jinstema’ minn apparat bħal dan huwa “utent” li jagħmel “komunikazjoni lill-pubbliku” tal-fonogrammi fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE?

5)      Jekk ir-risposta għad-domanda 4 hija fl-affermattiv, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115/KE jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw l-operaturi tal-lukandi mill-obbligu li jħallsu “ħlas uniku ekwu” minħabba “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115/KE?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu televiżjonijiet u/jew radjijiet li jiddistribwilhom sinjal ta’ xandir huwiex “utent” li jagħmel att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma mxandra, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, l-Istati għandhom jipprovdu dritt sabiex jiżguraw li titħallas remunerazzjoni unika u ekwa mill-utent meta fonogramma ppubblikata għall-finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma, hija użata għal xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

27      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li min juża fonogramma għal xandira jew għal komunikazzjoni lill-pubbliku għandhom jiġi kkunsidrat bħala l-“utent” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk, f’kawża bħal dik prinċipali, hemmx il-preżenza ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”.

29      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, ikkodifikata bid-Direttiva 2006/115, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 76 tas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10) li hija timplika evalwazzjoni individwalizzata. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-identità tal-utent u tal-kwistjoni tal-użu tal-fonogramma inkwistjoni (ara s-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, speċifikat li, għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji komplimentari, ta’ natura mhux awtonoma u interdipendenti ma’ xulxin. Konsegwentement, huma għandhom jiġu applikati kemm individwalment kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom ma’ xulxin, peress li dawn jistgħu, f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, ikunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna (ara s-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

31      Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, minn naħa, enfasizzat ir-rwol indispensabbli tal-utent. Fil-fatt, dan l-utent iwettaq att ta’ komunikazzjoni meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti aċċess lill-klijenti tiegħu għal xandira radjofonika li fiha hemm xogħol protett. Fin-nuqqas ta’ tali intervent, dawn il-klijenti, meta jinsabu fiż-żona ta’ kopertura tal-imsemmija xandira, bħala prinċipju, ma jistgħux igawdu x-xogħol imxandar (ara, is-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

32      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ċerti elementi inerenti għall-kunċett ta’ pubbliku.

33      F’dan ir-rigward, il-“pubbliku”, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jikkostitwixxi numru indeterminat ta’ destintarji potenzjali u numru pjuttost kbir ta’ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84).

34      Fir-rigward, qabel kollox, tan-natura “indeterminata” tal-pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “trasmissjoni pubblika (komunikazzjoni pubblika)” mogħtija mill-Glossarju tad-WIPO li, mingħajr ma għandu setgħa vinkolanti fil-liġi, madankollu jikkontribwixxi għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ pubbliku, dan il-kunċett huwa intiż li “jrendi perċettibbli xogħol [...] fi kwalunkwe mod xieraq, lil persuni b’mod ġenerali, għall-kuntrarju ta’ persuni speċifiċi li jappartjenu lil grupp privat” (ara, sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

35      Fir-rigward, sussegwentement, tal-kriterju dwar “numru pjuttost kbir ta’ persuni”, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li dan irid jindika li l-kunċett ta’ pubbliku għandu ċerti limitu de minimis, u dan jeskludi minn dan il-kunċett numru ta’ persuni kkonċernati żgħir ħafna, jew insinjifikattiv (ara s-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86). Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat dan in-numru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet lil destinatarji potenzjali. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti biss li jsir magħruf kemm persuni għandhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel, iżda wkoll kemm minnhom kellhom suċċessivament aċċess għalih (ara, is-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punti 86 u 87).

36      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm in-natura lukrattiva ta’ “komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma hijiex irrilevanti, a fortiori dan huwa l-każ meta hemm dritt għal remunerazzjoni ekwa, essenzjalment ekonomika, li għandhom l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi tal-fonogrammi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punti 88 u 89).

37      Huwa għalhekk mifhum, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-pubbliku li huwa s-suġġett tal-komunikazzjoni huwa, minn naħa, dak li jimmira lilu l-utent u, min-naħa l-oħra, riċettiv, b’mod jew ieħor għall-komunikazzjoni tiegħu, u mhux “maqbud” b’kumbinazzjoni (ara s-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punti 91).

38      Huwa fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dawn il-kriterji, u bi qbil mal-evalwazzjoni individwalizzata, kif innutat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li għandu jiġi evalwat jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu settijiet tat-televiżjoni tal-klijenti tagħha u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal ta’ xandir iwettaqx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

39      Għalkemm huma l-qrati nazzjonali li għandhom, bħala prinċipju, jiddeterminaw jekk dan huwiex il-każ f’kawża partikolari u li jagħmlu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dak ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li, rigward il-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tevalwa jekk hemmx tali att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

40      Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fis-sitwazzjoni kkontemplata mill-qorti tar-rinviju fejn l-operatur ta’ lukanda jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jagħti sinjal tax-xandir, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42), għalkemm jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tas-sinjal trasportatur ta’ fonogrammi, il-klijenti ta’ tali lukanda ma jkunux jistgħu jgawdu fonogrammi tagħhom jekk mhux permezz tal-intervent deliberat ta’ dan l-operatur. Ir-rwol tiegħu huwa għaldaqstant essenzjali fis-sens tal-punt 31 ta’ din is-sentenza.

41      Fir-rigward, sussegwentement, tal-klijenti ta’ lukanda, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-klijenti ta’ tali lukanda jikkostitwixxu numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali., sa fejn l-aċċess ta’ dawn il-klijenti għas-servizzi tal-imsemmi stabbiliment jirriżulta, bħala prinċipju, mill-għażla stess ta’ kull wieħed minnhom u ma hija limitata biss minn kemm kapaċi jiġu ospitati persuni. Għaldaqstant, f’tali każ bħal dan, huwa jirrigwarda “persuni b’mod ġenerali”, skont il-punt 34 ta’ din is-sentenza.

42      F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, skont il-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-għadd kbir ta’ destinatarji potenzjali, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klijenti ta’ lukanda jikkostitwixxu numru pjuttost kbir ta’ persuni, hekk li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala pubbliku (ara, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

43      Fir-rigward, finalment, tan-natura lukrattiva, kif imsemmi fil-punti 36 u 36 ta’ hawn fuq, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, il-klijenti ta’ lukanda jistgħu jiġi kkwalifikat bħala “fil-mira” u “reċettivi”.

44      Fil-fatt, l-att magħmul mill-operatur ta’ lukanda, intiż li jipprovdi aċċess għax-xogħol imxandar lill-klijenti tiegħu, jikkostitwixxi servizz addizzjonali li jinfluwenza l-pożizzjoni ta’ dan l-istabbiliment u, għaldaqstant, il-prezz tal-kmamar (ara f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). Barra minn hekk, jista’ jattira klijenti addizzjonali interessati minn dan is-servizz supplimentari (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑9083, punt 205).

45      Minn dan isegwi li, f’kawża bħal dik prinċipali, ix-xandir ta’ fonogrammi mill-operatur ta’ lukanda għandu natura lukrattiva.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-operatur ta’ lukanda jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal ta’ xandir huwa “utent” li jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma mxandra fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

 Fuq it-tieni domanda

48      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jagħti sinjal ta’ xandir huwiex obbligat li jħallas remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, għax-xandir ta’ fonogramma mxandra, minbarra dik imħallsa mix-xandar.

49      Għandu qabel kollox jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat, fir-rigward tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li l-operatur ta’ lukanda li jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jittrażmetti xogħol protett lil pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mill-awturi tax-xogħol protett meta jawtorizza l-użu tiegħu għall-komunikazzjoni lill-pubbliku oriġinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 42).

50      Għandu jiġi enfasizzat li l-element ta’ “pubbliku ġdid”, ibbażat fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

51      Issa, meta l-operatur ta’ lukanda jikkomunika fonogramma mxandra fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, huwa juża din il-fonogramma mxandra fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, huwa juża din il-fonogramma b’mod awtonomu u jittrażmettiha lil pubbliku distint u supplimentari għal dak kopert mill-att ta’ komunikazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, għal din it-trażmissjoni, l-imsemmi operatur jieħu, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ hawn fuq, il-benefiċċji ekonomiċi li huma indipendenti minn dawk miksuba mix-xandar jew mill-produttur ta’ fonogrammi.

52      Konsegwentement, f’tali sitwazzjoni, l-operatur ta’ lukanda huwa marbut, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li jħallas remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni ta’ din il-fonogramma, minbarra dik imħallsa mix-xandar.

53      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tal-Irlanda, li mit-termini “jew” u “uniku”, użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jirriżulta li lukandier ma għandux ikun obbligat iħallas remunerazzjoni għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogrammi ġaladarba xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ dawn il-fonogrammi fix-xandiriet tiegħu.

54      Fil-fatt, meta juża t-terminu “uniku” f’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jenfasizza li l-Istati Membri ma humiex marbuta li jipprovdu li l-utent iħallas diversi remunerazzjonijiet distinti għall-istess att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, għalkemm din ir-remunerazzjoni unika hija, kif jirriżulta kjarament mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, maqsuma fost il-benefiċjarji differenti tar-remunerazzjoni ekwa li huma l-artisti li jinterpretaw u li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogrammi. Dwar il-konġunzjoni “jew”, li tinsab fil-frażi “għal kull komunikazzjoni lill pubbliku b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku”, din għandha tiġi interpretata fis-sens li remunerazzjoni hija dovuta kemm fil-każ ta’ xandir kif ukoll f’dak ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal ta’ xandir huwa obbligat li jħallas remunerazzjoni ekwa, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, għax-xandir ta’ fonogramma mxandar, minbarra dik imħallsa mix-xandar.

 Fuq ir-raba’ domanda

56      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, mhux settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju, iżda mezz ieħor kif ukoll fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali li tista’ titqassam jew tinstema’ permezz ta’ dan il-mezz, huwiex “utent” li jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubblika” ta' fonogramma, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija tibbaża r-risposta tagħha għall-ewwel domanda jibqgħux rilevanti anki fil-każ li l-operatur ta’ lukanda jipprovdi lill-klijenti tagħha mezz li ma huwiex sett tat-televiżjoni u/jew tar-radju, u fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali li tista’ tixxandar jew tiġi estiża permezz ta’ dan il-mezz.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li jinsab fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu b’mod partikolari fid-WPPT, u b’mod kompatibbli magħhom, u b’tali mod li huma jibqgħu kompatibbli ma’ dawn tal-aħħar, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih tali kunċetti jinsabu u l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjonijiet (ara s-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

59      Issa, l-Artikolu 2(g) tad-WPPT, li jirrigwarda l-komunikazzjoni lill-pubbliku u jirreferi għall-Artikolu 15 ta’ dan it-trattat, jispeċifika li dan l-aħħar kunċett jinkludi wkoll il-fatt li jsiru jinstemgħu mill-pubbliku l-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes stabbiliti fuq fonogramma”.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll il-fatt li jsiru jinstemgħu mill-pubbliku l-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes stabbiliti fuq fonogramma.

61      Din il-konklużjoni hija wkoll ikkorroborata mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li tispeċifika li tirrigwarda “kull” komunikazzjoni lill-pubbliku, għaldaqstant kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni possibbli u fattibbli.

62      Issa, l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu mezz, li ma huwiex settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju, kif ukoll fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali li jistgħu jixxandru jew jinstemgħu permezz ta’ dan il-mezz jipprovdu ż-żewġ elementi li bihom jsiru jinstemgħu l-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes stabbiliti fuq dawn il-fonogrammi u l-bażi materjali ta’ dawn il-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes, jiġifieri l-fonogrammi.

63      Konsegwentement, din il-forma ta’ komunikazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 2(g) u 15 tad-WPPT moqrija flimkien.

64      Sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ domanda hija differenti mill-ewwel waħda biss fir-rigward tal-forma tat-trażmissjoni ta’ fonogrammi, jista’ jiġi dedott li, rigward l-operatur kif ukoll il-klijentela tiegħu, dawn huma l-istess fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ domandi.

65      Konsegwentement, jista’ jiġi preżunt, minn naħa, li l-operatur ta’ din il-lukanda, jista jiġi kkunsidrat bħala “utent” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u, min-naħa l-oħra, li l-klijentela ta’ dan l-istabbiliment għandhom jiġu kkunsidrati bħala “pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm element partikolari jkun tali li jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja għal konklużjoni differenti.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi evalwat jekk il-forma speċifika ta’ trażmissjoni, permezz ta’ mezz kif ukoll ta’ fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali li jistgħu jixxandru jew jinstemgħu permezz ta’ dan il-mezz, tistax twassal għal konklużjoni differenti minn dik magħmula fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

67      Issa, dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, sa fejn l-operatur ta’ lukanda li jinstalla fil-kmamar tal-lukanda tiegħu tali mezz u tali fonogrammi jipprovdi, b’dan il-mod, lill-klijenti ż-żewġ elementi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jgawdu x-xogħlijiet inkwistjoni, minn dan jirriżulta li, mingħajr l-intervent tiegħu, il-klijenti ma jkollhomx aċċess. Għaldaqstant, ir-rwol tiegħu huwa essenzjali.

68      Minħabba li ma hemm l-ebda element speċifiku li jirrikjedi eżami, għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, twettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, mhux settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal ta’ xandir, iżda mezz ieħor kif ukoll fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali li jistgħu jixxandru jew jinstemgħu permezz ta’ dan il-mezz, huwa “utent” li jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Għaldaqstant huwa obbligat li jħallas “remunerazzjoni ekwa” taħt din id-dispożizzjoni għat-trasmissjoni tal-imsemmija fonogrammi.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

70      Permezz tat-tielet u tal-ħames domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, li jipprovdi limitazzjoni fuq id-dritt ta’ remunerazzjoni ekwa previst fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, meta jirrigwarda “użu privat”, jippermettix lill-Istati Membri sabiex jeżentaw lill-operatur ta’ lukanda li twettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubblika” ta’ fonogramma, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, mill-obbligu li jħallsu tali remunerazzjoni.

71      Qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 153 tal-konklużjonijiet tagħha, ma hijiex in-natura privata jew in-nuqqas tal-użu tax-xogħol mill-klijenti ta’ lukanda li huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur ta’ tali stabbiliment jistax jibbaża ruħu fuq il-limitazzjoni bbażata fuq “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, iżda n-natura privata jew le tal-użu li jagħmel mix-xogħol dan l-operatur stess.

72      Issa, l-“użu privat” ta’ xogħol protett ikkomunikat lill-pubbliku mill-utent tiegħu jikkostitwixxi kontradizzjoni fit-termini, sa fejn “pubbliku” huwa mid-definizzjoni tiegħu “mhux privat”.

73      Għalhekk, fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, il-limitazzjoni bbażata fuq “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tal-imsemmija direttiva, ma tistax tapplika.

74      Tali interpretazzjoni lanqas madankollu ma hija tali li ser tneħħi kull effettività minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Fil-fatt, din tal-aħħar tibqa’ żżomm kamp ta’ applikazzjoni usa’ billi tirrigwarda użi oħra minbarra komunikazzjoni lill-pubbliku, bħall-“iffissar” fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

75      Barra minn hekk, li l-utent jibbenefika mil-limitazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, meta jewttaq att ta’ komunikazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva li din il-limitazzjoni hija applikabbli biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jaffettwawx l-użu normali tax-xogħol jew ta’ għan ieħor u lanqas jippreġudikaw mingħajr raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt.

76      Fil-fatt, tali interpretazzjoni tneħħi l-obbligu tal-utent li jħallas remunerazzjoni ekwa għal-forom ta’ użu tax-xogħol li jikkorrispondi għal użu kummerċjali tiegħu, u dan joħloq preġudizzju mingħajr raġuni għall-interessi leġittimi tal-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu protetti preċiżament permezz tad-dritt għal remunerazzjoni ekwa.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, li jipprovdi limitazzjoni fuq id-dritt għal remunerazzjoni ekwa previst fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, meta jirrigwarda “użu privat”, ma jippermettix lill-Istati Membri sabiex jeżentaw lill-operatur ta’ lukanda milli jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, mill-obbligu li jħallas tali remunerazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal ta’ xandir huwa “utent” li jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma mxandra, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

2)      L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal ta’ xandir huwa obbligat li jħallas remunerazzjoni ekwa, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, għax-xandir ta’ fonogramma mxandra, minbarra dik imħallsa mix-xandar.

3)      L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, mhux settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lihom jibgħat sinjal ta’ xandir, iżda mezz ieħor kif ukoll fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali li jistgħu jixxandru jew jinstemgħu permezz ta’ dan il-mezz, huwa “utent” li jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Għaldaqstant huwa obbligat li jħallas “remunerazzjoni ekwa” taħt din id-dispożizzjoni għat-trasmissjoni tal-imsemmija fonogrammi.

4)      L-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, li jipprovdi limitazzjoni fuq id-dritt għal remunerazzjoni ekwa previst fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, meta jirrigwarda “użu privat”, ma jippermettix lill-Istati Membri sabiex jeżentaw lill-operatur ta’ lukanda milli jwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, mill-obbligu li jħallas tali remunerazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.