Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' April 2012 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-150/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias, X. Basakou u A. Vasilopoulou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2011) 9335 finali tal-25 ta' Jannar 2012 "dwar l-għajnuna mogħtija mill-Greċja lil produtturi taċ-ċereali u lil kooperattivi ta' dan is-settur [Nru°SA 27354 (C 36/2010) (ex NN 3/2010, ex CP 11/2009)]" u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 2012 "dwar l-għajnuna mogħtija mill-Greċja lil produtturi taċ-ċereali u lil kooperattivi ta' dan is-settur [Nru SA 27354 (C 36/2010) (ex NN 3/2010, ex CP 11/2009)]", innotifikata bin-Nru C(2011) 9335 finali.

Permezz tal-ewwel motiv għall-annulament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vaga, għaliex din ma turix b'mod ċar i) fiex tikkonsisti l-għajnuna illegali, ii) il-mod li bih l-ammont tagħha ġie ddeterminat u iii) liema huma l-benefiċjarji li għandu jsir l-irkupru mingħandhom. Barra minn hekk, hija ssostni li l-pubblikazzjoni li kienet is-suġġett tagħha l-investigazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni ma hijiex ċara, liema ħaġa tikser iċ-ċertezza legali u d-drittijiet tad-difiża tat-terzi persuni interessati, bi ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, moqri flimikien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999. 

Permezz tat-tieni motiv għall-annullament, ir-rikorrenti tinvoka interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll interpretazzjoni żbaljata tal-fatti, għaliex iż-żewġ forom ta' miżuri mogħtija, jiġifieri l-għoti ta' garanzija u l-ħelsien mill-interessi, ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat illegali.

Permezz tat-tielet motiv għall-annullament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u wara ksur tal-forom sostanzjali tal-proċedura għaliex, skont interpretazzjoni żbaljata tal-fatti u motivazzjoni difettuża u/jew insuffiċjenti, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-miżuri ta' ħelsien mill-interessi u ta' garanzija tal-Istat għall-għoti ta' self lill-unjonijiet tal-kooperattivi agrikoli huma għajnuna mill-Istat illegali, peress li dawn jikkostitwixxu benefiċċju finanzjarju selettiv għall-benefiċjarji diretti u indiretti u peress li dawn jirriskjaw li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jkollhom impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Permezz tar-raba' motiv għall-annullament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li għamlet użu ħażin mis-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat peress li, f'kull każ, il-ħlasijiet tal-2009 kellhom jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni minħabba l-perturbazzjonijiet ekonomiċi serji u ċari ħafna li qedha tgħaddi minnhom l-ekonomija Griega kollha u li d-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea ma jistax jiddependi mid-dħul fis-seħħ ta' dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, bħall-Kuntest Komunitarju ta' sostenn temporanju (KKST). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet b'mod mhux immotivat biżżejjed l-argument tar-rikorrenti dwar il-kundizzjonijiet tal-KKST li kienu sodisfatti f'dan il-każ.

Permezz tal-ħames motiv għall-annullament, ir-rikorrenti tosserva li kien hemm applikazzjoni u interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107 TFUE li, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, inkludiet fl-ammonti li għandhom jiġu rkuprati bħala għajnuna mill-Istat illegali a) parti mill-interessi li, skont il-ftehim ta' self u d-digriet ministerjali Nru 56700/B3033/8 Diċembru 2008, jikkostitwixxu kontribuzzjoni (ta' 0.12 % tal-liġi 128/75) u b) l-għoti ta' garanzija ta' 2 %, stabbilita bid-digriet ministerjali Nru 2/21304/0025/26 Ottubru 2010, favur l-Istat, li ma hijiex għajnuna mill-Istat u li għandha titnaqqas mill-ammont finali li għandu jiġi rkuprat.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).