Language of document : ECLI:EU:C:2013:513

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Lulju 2013 (*)

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 81 KE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Valur legali — Obbligu li jiġi ddefinit is-suq rilevanti — Portata — Dritt għal smigħ xieraq — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi (2006) — Proporzjon tal-valur tal-bejgħ — Obbligu ta’ motivazzjoni — Tnaqqis tal-multa minħabba l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva jew minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑439/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2011,

Ziegler SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J.‑F. Bellis, M. Favart u A. Bailleux, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u N. von Lingen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas (Relatur), A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Ziegler SA (iktar ’il quddiem “Ziegler”) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011, Ziegler vs Il-Kummissjoni (T‑199/08, Ġabra p. II-3507, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 final, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sussidjarjament, għall-annullament tal-multa imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni u, iktar sussidjarjament, għat-tnaqqis ta’ din il-multa.

I –  Il-kuntest ġuridiku

2        Il-Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ”) jippreċiżaw, b’mod partikolari fil-punti 3, 45, 50 u 52 sa 55 tagħhom:

“3.      [...] dawn il-linji gwida jistabbilixxu regola li tindika meta ftehim ma jkunx jista’, b’mod ġenerali, ikollu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri [...]. L-għan tagħhom ma huwiex li jkunu eżawrjenti iżda li jippreżentaw il-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ u li jipprovdu gwida għal din l-applikazzjoni f’sitwazzjonijiet li jqumu ta’ spiss. [...]

[...]

45.      L-evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, u b’mod partikolari min-natura tal-ftehim jew tal-prattika, min-natura tal-prodotti kkonċernati u mill-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi inkwistjoni. [...] Iktar ma l-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi inkwistjoni tkun b’saħħitha, iktar huwa probabbli li ftehim jew prattika li jista’ jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jitqiesu li jkollhom effett sinjifikattiv [...]

[...]

50.      [...] il-Kummissjoni tqis li huwa opportun li tistabbilixxi prinċipji ġenerali li jindikaw meta, bħala prinċipju, il-kummerċ ma jkunx jista’ jintlaqat b’mod sinjifikattiv [...]. Meta tapplika l-Artikolu 81 [KE], il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan il-kriterju bħala preżunzjoni negattiva konfutabbli applikabbli għal kull ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) [KE] [...]

[...]

52.      Il-Kummissjoni tqis li, bħala prinċipju, ftehim ma jistax ikollu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri meta l-kundizzjonijiet kumulattivi segwenti jkunu ssodisfatti:

a)      is-sehem mis-suq totali tal-partijiet f’suq Komunitarju partikolari milqut minn ftehim ma jaqbiżx il-5 %, u

b)      fil-każ ta’ ftehim orizzontali, id-dħul mill-bejgħ annwali medju ġġenerat fil-Komunità mill-impriżi inkwistjoni [...] permezz tal-prodotti kkonċernati mill-ftehim ma jaqbiżx l-EUR 40 miljun. [...]

[...]

53.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li jekk, min-natura tagħhom stess, ftehim jew prattika jkunu jistgħu jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, pereżempju minħabba li jikkonċernaw importazzjonijiet u esportazzjonijiet jew inkella diversi Stati Membri, ikun hemm preżunzjoni pożittiva konfutabbli li dan l-effett fuq il-kummerċ huwa sinjifikattiv, meta d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-partijiet permezz tal-prodotti kkonċernati mill-ftehim u kkalkolat kif indikat fil-paragrafi 52 iktar ’il fuq u 54 iktar ’il quddiem jaqbeż l-EUR 40 miljun. Fil-każ ta’ tali ftehim li, min-natura tiegħu stess, jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ħafna drabi jista’ jiġi preżunt li l-effett fuq il-kummerċ ikun sinjifikattiv meta s-sehem mis-suq tal-partijiet ikun iktar minn 5 % [...]. Madankollu, tali preżunzjoni ma tapplikax meta l-ftehim ikopri biss parti minn Stat Membru [...].

54.      Fir-rigward tal-marġni ta’ EUR 40 miljun [...], dan huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-bejgħ totali, bl-esklużjoni tat-taxxa, iġġenerat fil-Komunità, matul is-sena finanzjarja preċedenti, mill-impriżi inkwistjoni [...] permezz tal-prodotti kkonċernati mill-ftehim [...]. Il-bejgħ bejn il-kumpanniji fl-istess grupp huwa eskluż [...].

55.      Sabiex jiġi applikat il-marġni dwar is-sehem mis-suq, huwa meħtieġ li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni (41), li għandu jinkludi s-suq tal-prodotti inkwistjoni u s-suq ġeografiku inkwistjoni. L-ishma mis-suq għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ jew, skont il-każ, tal-valur tax-xiri. Jekk dawn il-valuri ma jkunux disponibbli, ikunu jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq data kummerċjali affidabbli oħra, u b’mod partikolari fuq il-volumi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 li tinsab fil-punt 55 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, huwa ppreċiżat li huwa rrakkomandat li, meta jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni, isir riferiment għall-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Att dwar id-definizzjoni tas-suq”).

4        Il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi”) jipprovdu, taħt it-titolu “Ammont bażiku tal-multa”:

“[...]

A.      Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

13.      Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta [...] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Normalment, il-Kummissjoni ser tuża l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (iktar ’il quddiem il-‘valur tal-bejgħ’).

[...]

B.      Determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

19.      L-ammont bażiku tal-multa ser ikun marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-livell ta’ gravità tal-ksur u mmultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

[...]

21.      Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ser ikun iffissat għal livell li jista’ jilħaq it-30 %.

22.      Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fl-ogħla jew fl-inqas parti ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur, u jekk il-ksur kienx implementat jew le.

23.      Ftehim (2) orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, tqassim tas-suq u limitazzjoni tal-produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, tali ftehim għandhom jiġu ssanzjonati b’mod qawwi. Għaldaqstant, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser ikun ġeneralment fl-ogħla parti tal-iskala.

[...]

25.      Barra minn hekk, irrispettivament mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur, il-Kummissjoni ser tinkludi, fl-ammont bażiku, somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...] sabiex tiddiswadi lill-impriżi milli saħansitra jipparteċipaw fi ftehim orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet [...]. Sabiex tiddeċiedi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, li tinsab fil-punt 23 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, huwa ppreċiżat li dan il-kunċett ta’ ftehim jinkludi l-akkordji, il-prattiki miftiehma u d-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

6        Taħt it-titolu “Aġġustamenti tal-ammont bażiku”, il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi jipprovdu:

“[...]

F.      Kapaċità kontributtiva

35.      F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida, ser tippreġudika b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u ser twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Taħt it-titolu “Kunsiderazzjonijiet finali”, l-istess linji gwida jippreċiżaw, b’mod partikolari fil-punt 37 tagħhom:

“Għalkemm dawn il-linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

8        Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 21 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

9        Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, fosthom Ziegler – li, matul is-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2006, iġġenerat dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ EUR 244 420 326 –, kienu pparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju billi ffissaw prezzijiet, qassmu l-klijenti u mmanipulaw il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ offerti u minħabba f’hekk kienu wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, jew għandhom jinżammu responsabbli għal dan il-ksur, u dan għall-perijodu kollu minn Ottubru 1984 sa Settembru 2003, jew matul parti minn dan il-perijodu.

10      Is-servizzi kkonċernati mill-ksur jinkludu l-ġarr, minn jew lejn il-Belġju, ta’ oġġetti ta’ persuni fiżiċi kif ukoll ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Fid-dawl tal-fatt li l-kumpanniji tal-ġarr internazzjonali inkwistjoni huma kollha stabbiliti fil-Belġju u tal-fatt li l-akkordju kien attwat fit-territorju Belġjan, ġie kkunsidrat li ċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju kien jinsab fil-Belġju. Id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-parteċipanti fl-akkordju għal dawn is-servizzi ta’ ġarr internazzjonali kien stmat mill-Kummissjoni bħala EUR 41 miljun għas-sena 2002. Peress li d-daqs tas-settur ġie stmat bħala EUR 83 miljun, is-sehem mis-suq akkumulat tal-impriżi involuti kien għalhekk iffissat għal madwar 50 % tas-settur ikkonċernat.

11      Fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni spjegat li l-akkordju kien intiż b’mod partikolari għall-istabbiliment u għaż-żamma ta’ prezzijiet għoljin kif ukoll għat-tqassim tas-suq u li dan l-akkordju kien jieħu diversi forom, jiġifieri kien espress fil-forma ta’ ftehim dwar il-prezzijiet, ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz, imsejħa “kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza”, u ta’ ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għall-offerti miċħuda jew għall-każijiet fejn ma jsirux offerti, imsejħa “kummissjonijiet”.

12      Il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li, bejn is-sena 1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju ffunzjona b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub dwar l-iffissar tal-prezzijiet, filwaqt li l-prattika ta’ kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kienu introdotti b’mod parallel. Skont din l-istess deċiżjoni, il-prattika tal-kummissjonijiet kellha titqies bħala ffissar indirett tal-prezzijiet fir-rigward tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju sa fejn il-membri tal-akkordju kienu joħorġu, billi jindikaw servizzi fittizji, fatturi lil xulxin għal kummissjonijiet fuq l-offerti miċħuda jew fir-rigward ta’ każijiet fejn ikunu astjenew milli jippreżentaw offerta, u dan filwaqt li l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet kien jiġi ffatturat lill-klijenti.

13      Fir-rigward tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li, permezz tal-preżentazzjoni ta’ tali kwotazzjonijiet, il-kumpannija ta’ ġarr li xtaqet tirbaħ il-kuntratt kienet tiżgura li l-klijent li jkun ser iħallas għall-ġarr jirċievi diversi kwotazzjonijiet. Għal dan il-għan, il-kumpannija msemmija kienet tindika lill-kompetituri tagħha l-prezz totali li dawn kellhom jindikaw għall-ġarr ikkunsidrat, li kien ikun ogħla minn dak propost minn din il-kumpannija. Dawn għalhekk kienu simulazzjonijiet ta’ kwotazzjonijiet maħruġa minn kumpanniji li ma kellhomx l-intenzjoni jwettqu l-ġarr. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-prattika kienet tikkostitwixxi manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti li kienet twassal sabiex il-prezz mitlub għall-ġarr ikun ogħla milli kien ikun f’ambjent kompetittiv.

14      Il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li dawn l-arranġamenti kienu implementati sal-2003 u li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan, jiġifieri l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq u għalhekk id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

15      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Artikolu 1 tagħha huwa fformulat kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] billi stabbilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[...]

j)      [Ziegler], mill-4 ta’ Ottubru 1984 sat-8 ta’ Settembru 2003.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(l) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 9.2 miljuni fuq Ziegler, ikkalkolata skont il-metodu espost fil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi.

17      Fl-24 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 5810 final, li temenda d-deċiżjoni kontenzjuża u li tnaqqas b’madwar EUR 600 000 il-valur tal-bejgħ iġġenerat minn destinatarju ieħor tad-deċiżjoni kontenzjuża. Peress li dan il-valur kien serva ta’ bażi għall-kalkolu tal-multa imposta fuq dan tal-aħħar, il-Kummissjoni għaldaqstant naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq dan id-destinatarju.

III –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ġunju 2008, Ziegler ippreżentat rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, sussidjarjament, għall-annullament tal-multa li kienet imposta fuqha, u, iktar sussidjarjament, għal tnaqqis sostanzjali ta’ din il-multa. Hija stiednet ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna, qabel taqta’ l-kawża, il-preżentata tal-fajl amministrattiv sħiħ fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

19      Fl-istess ħin ma’ dan ir-rikors, Ziegler ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża, b’mod partikolari, sabiex tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn jimponilha multa. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2009, Ziegler vs Il-Kummissjoni (T‑199/08 R), u l-appell minn dan id-digriet ġie sussegwentement miċħud permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2010, Ziegler vs Il-Kummissjoni [C‑113/09 P (R)].

20      Insostenn tar-rikors tagħha, Ziegler invokat disa’ motivi, ħamsa fir-rigward tat-talba prinċipali intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u erbgħa fir-rigward tat-talbiet sussidjarji, intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa.

21      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat parzjalment it-talba ta’ Ziegler li tiġi ordnata l-preżentata tal-fajl amministrattiv fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mressqa minn Ziegler u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu u kkundannat lil Ziegler għall-ispejjeż. Sabiex waslet għad-deċiżjoni tagħha l-Qorti Ġenerali għamlet b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

22      Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-ewwel motiv intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, fil-punti 41 sa 46 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li d-definizzjoni tas-suq rilevanti ma hijiex meħtieġa fil-każ ta’ restrizzjoni manifesta tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni hija obbligata tiddefinixxi l-limiti tas-suq b’mod partikolari meta, mingħajr id-definizzjoni ta’ tali limiti, ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax ikollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li, fil-każ ineżami, Ziegler kellha raġun tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ din il-kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

23      It-tieni nett, fil-punti 56 sa 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat li l-limitu ta’ EUR 40 miljun previst fil-punt 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ kien intlaħaq. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, kien meħtieġ, sabiex jiġi stmat id-daqs tas-suq għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li mid-dħul mill-bejgħ iġġenerat permezz tas-servizzi inkwistjoni jitnaqqas dak iġġenerat minn subappalti. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, meta jsir dan it-tnaqqis, il-limitu ta’ EUR 40 miljun ma jintlaħaqx.

24      Fl-aħħar nett, wara li ddeċidiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-argument imressaq minn Ziegler fir-replika fir-rigward tal-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq previst fil-punt 53 tal-imsemmija linji gwida kien biss estensjoni tal-motiv li jikkontesta l-prova tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u kien għalhekk ammissibbli, il-Qorti Ġenerali analizzat dan l-argument fil-punti 64 sa 74 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward hija osservat b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma kinitx osservat l-obbligu li tiddefinixxi s-suq inkwistjoni, obbligu li hija kienet imponiet fuqha stess fil-punt 55 tal-istess linji gwida. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Kummissjoni kienet stabbiliet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li dan il-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq kien inqabeż peress li kienet ipprovdiet deskrizzjoni tas-settur inkwistjoni li kienet iddettaljata biżżejjed sabiex jiġi evalwat jekk dan il-limitu kienx intlaħaq. Għaldaqstant, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet “eċċezzjonalment” tibbaża ruħha fuq tali limitu mingħajr ma tagħti espliċitament definizzjoni tas-suq fis-sens tal-imsemmi punt 55.

25      Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-ewwel parti tat-tielet motiv intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari, fil-punti 88 sa 94 tas-sentenza appellata, li idealment il-Kummissjoni tirrinforza l-motivazzjoni tal-kalkolu tal-multi, li l-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi adottati fl-2006 kienu implikaw bidla fundamentali fil-metodu għall-kalkolu tal-multi u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma setgħetx tibqa’ sempliċement timmotiva biss il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala “gravi ħafna” mingħajr ma tiġġustifika l-għażla tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni. Il-Qorti Ġenerali osservat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet dan il-proporzjon bħala 17 % filwaqt li mmotivat l-għażla tagħha billi rreferiet biss għan-natura “gravi ħafna” tal-ksur. F’dan id-dawl, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li “[d]in il-motivazzjoni tista’ tkun biżżejjed biss fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tapplika rata iktar qrib il-limitu inferjuri tal-iskala prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi”, iżda li, “kieku riedet tapplika rata iktar għolja, kien [imissha] tipprovdi motivazzjoni iktar dettaljata”. Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 94 tas-sentenza msemmija, li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu jgħoddu wkoll fir-rigward tal-motivazzjoni tal-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent.

26      Fir-rigward tar-raba’ motiv intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal proċedura ekwa u tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 103 sa 107 tas-sentenza appellata, li Ziegler ma kinitx ikkontestat il-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta, f’dan il-każ, deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE. Hija indikat ukoll li l-allegat nuqqas ta’ oġġettività tal-Kummissjoni ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża li seta’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża iżda kien jaqa’ taħt l-eżami magħmul fil-kuntest tal-istħarriġ tal-evalwazzjoni tal-provi jew tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan il-motiv huwa ineffettiv bħala motiv ta’ annullament. Madankollu, għal finijiet ta’ kompletezza, hija osservat li dan il-motiv kien ukoll infondat. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, l-elementi invokati minn Ziegler ma kinux ta’ natura li juru li l-allegat preġudizzju min-naħa tal-Kummissjoni jew min-naħa ta’ wieħed mill-membri tal-persunal tagħha kien espress fid-deċiżjoni kontenzjuża jew li l-Kummissjoni ma kinitx imparzjali fl-investigazzjoni tal-każ, u lanqas ma kienu juru kif l-aġir allegat fil-konfront ta’ ċerti membri tal-persunal tal-Kummissjoni, jekk jitqies li verament seħħ, seta’ ppreġudika d-dritt għal proċedura ekwa.

27      Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-aħħar motiv, intiż għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ Ziegler li permezz tagħhom invokat, essenzjalment, li ma kellhiex il-kapaċità tħallas il-multa u li kien hemm inugwaljanza fit-trattament meta mqabbla ma’ impriża oħra koperta mid-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali osservat b’mod partikolari, fil-punti 165 sa 169 tas-sentenza appellata, li l-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi kien jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li huma meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu u li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni – fis-sens li l-fatt li l-multa imposta fuq Ziegler kienet tirrappreżenta biss 3.76 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tagħha fl-2006 jindika li din il-multa ma hijiex ta’ natura li tipperikola b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat il-vijabbiltà ekonomika tagħha – kienet evalwazzjoni astratta u ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta ta’ din il-kumpannija. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li din l-evalwazzjoni ma setgħetx tkun il-bażi għaċ-ċaħda tat-talba għal tnaqqis imressqa minn Ziegler. Madankollu, peress li din tal-aħħar ma kinitx ikkontestat il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fis-sens li t-tieni kundizzjoni, marbuta mal-preżenza ta’ kuntest soċjali u ekonomiku partikolari, ma kinitx issodisfatta, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha raġun tiċħad l-argumenti ta’ Ziegler intiżi għal tnaqqis tal-multa minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji tagħha.

28      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla ma’ impriża oħra li kienet destinatarja tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet ċaħdet ukoll it-talba mressqa minn din l-impriża l-oħra taħt il-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, minħabba li ma kienx hemm kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li, għalkemm il-Kummissjoni kienet effettivament tat lil din tal-aħħar tnaqqis tal-multa taħt il-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida, mid-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ din l-impriża u dik ta’ Ziegler ma kinux komparabbli u li kien biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-multa imposta fuq Ziegler kienet ferm inqas mil-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha, filwaqt li dik imposta fuq l-impriża l-oħra, qabel it-tnaqqis, kienet qabżet kunsiderevolment dan il-limitu massimu.

IV –  It-talbiet tal-partijiet

29      Permezz tal-appell tagħha, Ziegler qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara dan l-appell bħala ammissibbli u fondat;

–        tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi hija stess it-tilwima;

–        tilqa’ t-talbiet li hija ressqet fl-ewwel istanza u, għalhekk, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni jew, iktar sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment din il-multa, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

30      Barra minn hekk, fir-replika tagħha, Ziegler titlob li t-talbiet għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet mressqa mill-Kummissjoni jiġu ddikjarati inammissibbli jew, minn tal-inqas, infondati.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, filwaqt li tissostitwixxi ċerti raġunijiet tal-Qorti Ġenerali;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għal annullament, u

–        tikkundanna lil Ziegler għall-ispejjeż.

V –  Fuq l-appell

32      Insostenn tal-appell tagħha, Ziegler tinvoka erba’ aggravji.

A –  Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-prova tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

33      Ziegler taqsam l-ewwel aggravju tagħha fi tliet partijiet fejn l-ewwel waħda tikkonċerna l-obbligu li jiġi ddefinit is-suq rilevanti filwaqt li t-tieni u t-tielet parti jikkonċernaw, essenzjalment, il-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq previst fil-punt 53 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi. Madankollu, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex qabel kollox tissostitwixxi ċerti raġunijiet, sostituzzjoni li skontha għandha twassal għaċ-ċaħda tal-ewwel aggravju.

1.     Fuq it-talbiet tal-Kummissjoni għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet

a)     L-argumenti tal-partijiet

34      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ ma humiex maħsuba sabiex jagħmlu r-rekwiżit ta’ prova tan-natura sinjifikattiva tal-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri iktar strett minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza. Għall-kuntrarju tal-kalkolu tal-multi, li fir-rigward tiegħu għandha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni, hija ma tistax tikkunsidra li akkordju li jkollu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi eskluż mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, il-limiti indikati fil-punti 52 u 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ huma biss indikattivi. Bl-istess mod, mill-punt 55 ta’ dawn il-linji gwida ma jistax jiġi dedott li hija obbligata tiddefinixxi s-suq fil-każijiet, bħalma huma l-kartelli, fejn mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali definizzjoni hija superfluwa. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, ir-raġunijiet mogħtija fil-punti 64 sa 74 tas-sentenza appellata huma żbaljati u għandhom jiġu ssostitwiti.

35      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ dħul mill-bejgħ fis-sens tal-punti 52 u 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ u l-kunċett ta’ valur tal-bejgħ imsemmi fil-punt 13 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi u meta kkunsidrat li d-dħul mill-bejgħ fis-sens tal-imsemmija punti 52 u 53 ma setax jinkludi dak iġġenerat permezz ta’ subappalti. Fil-fatt, is-subappalti huma attività ekonomika rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri jistax jitqies li ntlaqat b’mod sinjifikattiv, minkejja li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni titlob li jiġu ssostitwiti r-raġunijiet li jinsabu fil-punti 56 sa 63 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, li ma kienx ġie pprovat li l-limitu ta’ EUR 40 miljun kien inqabeż.

36      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni titlob is-sostituzzjoni tar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 40 sa 50, u b’mod partikolari fil-punt 48, tas-sentenza appellata. Skontha, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-argumenti ta’ Ziegler dwar il-limitu ta’ 5 % ta’ sehem mis-suq kienu ammissibbli. Fil-fatt, dawn l-argumenti ma setgħux jiġu dedotti mir-rikors promotur u għalhekk ma misshomx ġew ikkunsidrati bħala estensjoni ta’ motiv diġà invokat iżda bħala parti ġdida u għalhekk inammissibbli.

37      Ziegler issostni li dawn it-talbiet għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet huma inammissibbli sa fejn, minn naħa, ma għandhom ebda impatt fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, ma humiex preċiżi. Fi kwalunkwe każ, dawn it-talbiet ma humiex fondati.

38      Skont Ziegler, fl-ewwel lok, bl-indikazzjoni, fil-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, ta’ limiti li ma jinsabux fil-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tillimita s-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, hija ma tistax ma timxix ma’ dawn il-limiti mingħajr ma tipprovdi motivazzjoni adegwata. Barra minn hekk, meta tagħżel li tapplikahom, bħalma għamlet f’dan il-każ, il-Kummissjoni hija obbligata tosservahom.

39      Fit-tieni lok, skont Ziegler, id-distinzjoni allegata mill-Kummissjoni bejn il-kunċetti ta’ valur mill-bejgħ u ta’ dħul mill-bejgħ ma hijiex ikkorroborata, b’mod partikolari, la mill-formulazzjoni, la mill-ispirtu tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati u lanqas a fortiori mill-ġurisprudenza.

40      Fit-tielet lok, Ziegler issostni li l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq kienu ammissibbli peress li kienu estensjoni tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet, ikkontestata minn Ziegler, għandu, minn naħa, jiġi kkonstatat li dawn it-talbiet ma jistgħux jitqiesu li huma inammissibbli minħabba n-natura mhux preċiża tagħhom. Fil-fatt, fir-rigward ta’ kull waħda mit-talbiet li hija ressqet, il-Kummissjoni identifikat bi preċiżjoni s-siltiet mis-sentenza appellata li hija tikkunsidra li huma legalment żbaljati, ir-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li huma hekk kif ukoll ir-raġunijiet li skontha l-Qorti Ġenerali kien imissha tat sabiex ma twettaqx żball ta’ liġi, jiġifieri dawk li hija kienet sostniet quddiemha fir-risposta tagħha.

42      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex talba għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet tkun ammissibbli, huwa meħtieġ li jkun hemm interess ġuridiku, fis-sens li din it-talba għandha tkun tali li, permezz tal-eżitu tagħha, tikseb vantaġġ għall-parti li tkun ressqitha. Dan jista’ jkun il-każ meta t-talba għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet tikkostitwixxi difiża kontra aggravju imressaq mill-appellant (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 23, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Iride vs Il-Kummissjoni, C‑329/09 P, punti 48 sa 51).

43      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel talba, dwar ir-raġunijiet li jikkonċernaw il-kunċett ta’ “effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” u l-obbligu li jiġi ddefinit is-suq rilevanti, għandu jiġi osservat li, jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni, minħabba n-natura vinkolanti tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, kienet obbligata tiddefinixxi s-suq rilevanti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju mressaq minn Ziegler issir ineffettiva. Fil-fatt, Ziegler ma tkunx tista’ tibqa’ ssostni li l-Qorti Ġenerali eżentat, b’mod żbaljat, lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tiddefinixxi s-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha interess tressaq din it-talba li, għalhekk, hija ammissibbli.

44      Fir-rigward tat-tieni talba, dwar ir-raġunijiet li jikkonċernaw il-fatt li ma nqabiżx il-limitu ta’ EUR 40 miljun, jekk jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, bi ksur tad-dritt, naqset milli tagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ imsemmi fil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi u dak tad-dħul mill-bejgħ fis-sens tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ u ddeduċiet minn dan, b’mod żbaljat, li dan il-limitu ma kienx intlaħaq, ikun hemm lok li jiġi kkonstatat li l-qbiż ta’ dan il-limitu kien stabbilit. F’tali ipoteżi, it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju mressaq minn Ziegler, li jikkonċernaw l-evalwazzjoni biss tal-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq, isiru ineffettivi. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha wkoll interess tressaq din it-talba li, għalhekk, hija wkoll ammissibbli.

45      Fir-rigward tat-tielet talba, dwar ir-raġunijiet li jikkonċernaw l-ammissibbiltà tal-argumenti ta’ Ziegler relatati mal-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi deċiż jekk hijiex ammissibbli, li din it-talba għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala infondata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26).

46      Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv jew argument, li jikkostitwixxu estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkunu marbuta mill-qrib ma’ dan il-motiv għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra p. I‑8547, punt 17).

47      F’dan il-każ, mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fit-tieni parti tal-ewwel motiv imsemmi fir-rikors promotur, Ziegler, l-ewwel nett, ikkontestat, fil-punt 44 ta’ dan ir-rikors, “[i]d-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji inkwistjoni u d-daqs tas-suq f’euro kif ikkunsidrati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-istima magħmula tal-ishma mis-suq tal-għaxar kumpanniji inkwistjoni u tal-kumpanniji l-oħra li joperaw fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali”. It-tieni nett, hija sostniet, fil-punt 45 tar-rikors promotur, li “[i]l-[metodu] applikat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-ishma mis-suq u d-daqs ta’ dan is-suq huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-istima tal-ishma mis-suq tal-kumpanniji inkwistjoni magħmula fil-punt 89 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] hija żbalata fil-fatt”. Fl-aħħar nett, hija sostniet, fil-punt 58, li l-“inkoerenzi u l-ineżattezzi irrilevati [fir-rikors promotur] fir-rigward tal-kalkolu tal-ishma mis-suq u tad-daqs tas-suq f’euro jaffettwaw, bħala konsegwenza, l-evalwazzjoni tal-effett tal-ftehim inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn [l-]Istati Membri” u f’dan ir-rigward għamlet riferiment għall-premessa 373 tad-deċiżjoni kontenzjuża li, b’mod partikolari, tagħmel riferiment għall-qbiż tal-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq.

48      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-“limitu ta’ 5 % imsemmi fir-replika [kien] jirrappreżenta biss l-estensjoni ta’ motiv eżistenti u mhux motiv ġdid” u għalhekk ikkunsidrat li l-argumenti ta’ Ziegler fir-rigward tal-allegat fatt li ma nqabiżx dan il-limitu kienu ammissibbli.

49      Għaldaqstant, it-tielet talba tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda mill-ewwel filwaqt li l-fondatezza tal-ewwel żewġ talbiet ser tiġi eżaminata, fejn ikun meħtieġ, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel aggravju mressaq minn Ziegler.

2.     Fuq il-fondatezza tal-ewwel aggravju

a)     Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, dwar l-obbligu li jiġi ddefinit is-suq

i)     L-argumenti tal-partijiet

50      Skont Ziegler, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li “eċċezzjonalment” il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li l-impriżi kkonċernati kellhom sehem mis-suq ta’ iktar minn 5 % mingħajr ma tkun iddefinixxiet is-suq ikkonċernat.

51      Prinċipalment, Ziegler issostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, teżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu li tiddefinixxi s-suq inkwistjoni stabbilit fil-punt 55 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, li jirreferu għall-Att dwar id-definizzjoni tas-suq. Peress li dawn il-linji gwida jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jammonta għal ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dan il-każ kien preċiżament minħabba li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kundizzjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kienet issodisfatta u minħabba li kienet strieħet biss fuq il-preżunzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida li hija kienet obbligata tiddefinixxi s-suq rilevanti.

52      Sussidjarjament, Ziegler issostni li r-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ddefinit is-suq huma vvizzjati minn kontradizzjoni u minn żbalji materjali. Il-kontradizzjoni tinsab fil-fatt li l-Qorti Ġenerali teżenta lill-Kummissjoni minn dan l-obbligu għar-raġuni, esposta fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, li, fil-prattika, dan l-obbligu kien ġie ssodisfat. Minn tal-inqas, skont Ziegler, hemm nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt sa fejn il-Qorti Ġenerali ma tiġġustifikax għalfejn tagħti lill-Kummissjoni l-benefiċċju tal-applikazzjoni ta’ standard ta’ prova inqas għoli.

53      Fir-rigward tal-iżbalji materjali, Ziegler issostni li, minn naħa, deskrizzjoni tas-settur inkwistjoni ma tistax titqies li hija l-istess bħall-kunċett legali ta’ suq użat fid-dritt tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-kriterji tan-natura sostitwibbli tal-provvista u tad-domanda kien imissha wasslet għall-konklużjoni li kien hemm suq uniku u uniku li jiġbor fih is-servizzi kollha ta’ ġarr internazzjonali, b’dimensjoni ġeografika li tmur ferm lil hinn mit-territorju Belġjan. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx legalment tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet identifikat kif meħtieġ mil-liġi s-suq Belġjan tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali minn u lejn il-Belġju.

54      Minbarra t-talba tagħha għal sostituzzjoni tar-raġunijiet, il-Kummissjoni tenfasizza, l-ewwel nett, li, matul il-proċedura amministrattiva, Ziegler ma sostnietx li l-kundizzjoni dwar l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ.

55      It-tieni nett, skont din l-istituzzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id-definizzjoni tas-suq eventwalment rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-livell ta’ 5 % tas-sehem mis-suq inqabiżx u, min-naħa l-oħra, id-definizzjoni kompleta tas-suq rilevanti, magħmula meta jkun meħtieġ li tiġi evalwata s-saħħa ta’ operatur fis-suq. Huwa biss fit-tieni każ li tkun meħtieġa analiżi li tmur lil hinn minn sempliċi deskrizzjoni tas-settur ikkonċernat. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-akkordji manifesti, ikun superfluwu li jiġi ddefinit is-suq. Għaldaqstant, fir-rigward tal-kartelli, huwa biżżejjed, sabiex jiġi ssodisfat il-punt 55 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, li tingħata deskrizzjoni tas-settur li tippermetti li jiġi stabbilit is-sehem mis-suq tal-parteċipanti fl-akkordju.

56      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa xi ftit kontradittorju. Madankollu, dan juri biss li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li hija ma kinitx osservat l-obbligu li tiddefinixxi s-suq rilevanti. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti tagħha dwar is-sostituzzjoni ta’ raġunijiet.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57      Preliminarjament, sa fejn, meta tenfasizza li Ziegler ma sostnietx, matul il-proċedura amministrattiva, li l-kundizzjoni dwar l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma kinitx issodisfatta, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li, fir-rigward b’mod partikolari tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, ma hemm ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tobbliga lid-destinatarju tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt jew ta’ liġi tiegħu matul il-proċedura amministrattiva għaliex altrimenti ma jkunx jista’ jagħmel dan sussegwentement fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt, fl-assenza ta’ bażi legali prevista espliċitament għal dan il-għan, tali limitazzjoni tkun kuntrarja għall-prinċipji fundamentali ta’ legalità u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punti 89 u 91).

58      Għaldaqstant, Ziegler ma tistax titqies li ma setgħetx issostni quddiem il-Qorti Ġenerali, u f’din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE marbuta mal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma kinitx issodisfatta.

59      Ziegler, prinċipalment, tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżentat lill-Kummissjoni mill-obbligu li tiddefinixxi s-suq rilevanti li din tal-aħħar kienet imponiet fuqha stess fil-punt 55 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, filwaqt li l-Kummissjoni targumenta, għall-kuntrarju, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta tat lil dawn il-linji gwida forza vinkolanti. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha stess orjentament għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha permezz ta’ atti bħalma huma l-linji gwida, u dan sa fejn dawn l-atti jkunu jinkludu regoli indikattivi dwar l-orjentament li għandu jittieħed minn din l-istituzzjoni u sa fejn jimxu man-normi stabbiliti fit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 34 u 36, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 62).

60      Għalhekk, għalkemm miżuri li jkunu maħsuba li jkollhom effetti esterni, bħalma huma linji gwida li jikkonċernaw operaturi ekonomiċi, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjonijiet legali li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, dawn il-miżuri xorta waħda jistabbilixxu regoli dwar l-aġir indikattivi tal-prassi li għandha tiġi segwita li minnhom l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed, f’każ partikolari, mingħajr ma tipprovdi raġunijiet kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, meta tadotta tali regoli dwar l-aġir u meta tiddikjara, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li sejra tapplikahom għall-każijiet koperti minn dawn ir-regoli, l-istituzzjoni inkwistjoni tkun qiegħda tistabbilixxi limiti għaliha stess fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli għaliex altrimenti tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tali regoli dwar l-aġir li jkollhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 209 sa 211).

61      Dan huwa l-każ fir-rigward tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ. Fil-fatt, mill-punt 3 tagħhom jirriżulta li, għalkemm l-għan tagħhom huwa li jassistu lill-qrati u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, huma għandhom ukoll l-għan li “jippreżentaw il-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ u li jipprovdu gwida għal din l-applikazzjoni f’sitwazzjonijiet li jqumu ta’ spiss”. Barra minn hekk, il-formulazzjoni b’mod partikolari tal-punti 50, 52 u 53 ta’ dawn il-linji gwida tindika b’mod ċar li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tapplikahom, b’mod partikolari sabiex tevalwa jekk ftehim għandux effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

62      Issa, huwa paċifiku, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 49 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għażlet li tapplika l-linji gwida msemmija għall-każ ineżami sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE bbażata fuq l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kinitx issodisfatta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta, fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata, iddeċidiet essenzjalment li l-Kummissjoni, fil-każ ineżami, kienet meħtieġa tosserva l-linji gwida msemmija, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

63      Barra minn hekk, anki jekk id-definizzjoni tas-suq rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 81 KE hija superfluwa f’ċerti ċirkustanzi, jiġifieri meta, anki fl-assenza ta’ tali definizzjoni, ikun possibbli li jiġi ddeterminat li l-akkordju inkwistjoni jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandu l-għan jew l-effett li jostakola, jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Frar 2006, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, C‑111/04 P, punt 31), il-verifika tal-qbiż ta’ limitu ta’ sehem mis-suq ma tistax, mid-definizzjoni tagħha stess, issir fl-assenza ta’ xi tip ta’ definizzjoni ta’ dan is-suq. F’dan id-dawl, il-punt 55 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ jipprovdi, b’mod loġiku, li, “[s]abiex jiġi applikat il-marġni dwar is-sehem mis-suq, huwa meħtieġ li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni” u jirreferi għall-Att dwar id-definizzjoni tas-suq imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab f’dan l-istess punt 55.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet marbuta, fil-kuntest ta’ dawn il-linji gwida, li tiddefinixxi s-suq rilevanti. Għaldaqstant, l-ewwel talba għal sostituzzjonijiet ta’ raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

65      Madankollu, l-argumenti mressqa b’mod prinċipali minn Ziegler ma jistgħux jintlaqgħu.

66      Huwa minnu li, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li “huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu [li tiddefinixxi s-suq rilevanti] stabbilit fil-[punt] 55 tal-[L]inji gwida [dwar l-effett fuq il-kummerċ]” u kkunsidrat, fil-punt 72 tas-sentenza msemmija, li “eċċezzjonalment, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq it-tieni kundizzjoni alternattiva tal-[punt] 53 tal-[imsemmija linji gwida] mingħajr ma tagħti espliċitament definizzjoni tas-suq fis-sens tal-[imsemmi punt 55]”.

67      Madankollu, minn qari globali tal-punti 65 sa 73 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma eżentat lill-Kummissjoni mill-obbligu li tiddefinixxi s-suq inkwistjoni meta tibbaża ruħha fuq il-limitu ta’ 5 % tas-suq Komunitarju rilevanti. Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, kienet identifikat b’mod adegwat is-servizzi kkonċernati sa fejn kienet ipprovdiet “deskrizzjoni biżżejjed dettaljata tas-settur inkwistjoni, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika” u għalhekk setgħet “tivverifika l-affermazzjonijiet bażi tal-Kummissjoni u fejn, fuq din il-bażi, il-parti tas-suq akkumulat taqbeż b’mod evidenti l-limitu ta’ 5 %”.

68      F’dan id-dawl, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat b’mod partikolari, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li l-“Kummissjoni rrelevat ġustament li l-akkordju kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-settur tal-ġarr internazzjonali lejn jew mill-Belġju. Fil-fatt, il-ġarr inkwistjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Belġju jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq jew il-punt ta’ destinazzjoni [tiegħu] u li l-attività tal-akkordju kienet issir fil-Belġju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni[,] fil-kalkolu tagħha [ta]d-daqs tas-suq[,] [...] id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji barranin fuq dan is-suq. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li s-servizzi kkonċernati kienu s-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju”. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll, fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li s-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju “ġie identifikat ġustament mill-Kummissjoni bħala s-suq inkwistjoni”.

69      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkunsidrat, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, li tali deskrizzjoni kienet tikkostitwixxi definizzjoni tas-suq fis-sens tal-punt 55 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, li fuq il-bażi tagħha seta’ jiġi evalwat jekk dan il-limitu ta’ 5 % kienx inqabeż.

70      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti prinċipali ta’ Ziegler, maħsuba sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni li allegatament ingħatat lill-Kummissjoni, huma bbażati fuq qari selettiv, jekk mhux anki żbaljat, tas-sentenza appellata u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda, kif għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti sussidjarji tagħha fis-sens li l-Qorti Ġenerali pprovdiet raġunijiet kontradittorji sabiex tiġġustifika din l-eżenzjoni, jekk mhux anki fis-sens li naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dan ir-rigward, peress li dawn l-argumenti wkoll huma bbażati fuq dan l-istess qari selettiv.

71      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Ziegler fis-sens li, meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali minn tal-inqas evalwat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti legali li kellha tissodisfa fil-każ ineżami d-definizzjoni tas-suq ikkonċernat, għandu jitfakkar li d-definizzjoni tas-suq rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, hija maħsuba biss sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax ikollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk għandux l-għan jew l-effett li jostakola, jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (digriet Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 31), u li, sabiex jiġi vverifikat jekk akkordju għandux effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat il-kuntest ekonomiku u legali tiegħu (sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 37).

72      B’hekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ir-rekwiżiti li għandhom ikunu ssodisfatti mid-definizzjoni tas-suq inkwistjoni jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Ziegler, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tar-rekwiżiti legali li għandhom ikunu ssodisfatti mid-definizzjoni tas-suq fil-każ ineżami meta kkunsidrat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li d-“deskrizzjoni biżżejjed dettaljata tas-settur inkwistjoni, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika” kienet biżżejjed sabiex tikkostitwixxi definizzjoni tas-suq li permezz tagħha seta’ jiġi evalwat jekk il-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq previst fil-punt 53 tal-linji gwida msemmija kienx inqabeż fil-każ ineżami.

74      Fit-tielet lok, sa fejn Ziegler tilmenta li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, approvat id-definizzjoni tas-suq magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, sakemm l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha ma tirriżultax mill-atti fil-proċess li jkunu ġew sottomessi quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali tkun siltet minn din il-klassifikazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 23, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun ikkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, sakemm il-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli proċedurali applikabbli fil-qasam tal-oneru u l-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandhom jingħataw il-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għaldaqstant, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, din l-evalwazzjoni ma hijiex punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll General Química, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Issa, permezz tal-argumenti mfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, Ziegler qiegħda fil-verità tipprova tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, mingħajr ma tinvoka xi tip ta’ żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dawn l-argumenti huma inammissibbli.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u bħala parzjalment inammissibbli.

b)     Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, dwar l-allegazzjoni li ma nqabiżx il-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq

i)     L-argumenti tal-partijiet

78      Ziegler issostni li, anki jekk is-suq tal-ġarr internazzjonali fil-Belġju jitqies bħala s-suq rilevanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta kkunsidrat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq indikat fil-punt 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ kien neċessarjament intlaħaq f’dan il-każ u li, sabiex ma jintlaħaqx, id-daqs tas-suq irid ikun ta’ minn tal-inqas EUR 435 miljun, daqs dan li ma setax jintlaħaq sa fejn, skont il-Qorti Ġenerali, sabiex jintlaħaq dan l-ammont wieħed irid jitlaq minn suq ħafna ikbar minn dak identifikat mill-Kummissjoni.

79      Minn naħa, skont Ziegler, din l-affermazzjoni tal-aħħar ma hijiex motivata u hija bbażata fuq konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li ma kinitx diskussa b’mod kontradittorju mill-partijiet, bi ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju li s-suġġett tat-tilwima għandu jiġi stabbilit mill-partijiet u tar-regoli dwar l-oneru tal-prova. Min-naħa l-oħra, anki jekk din l-affermazzjoni hija bbażata fuq l-istima tad-daqs tas-suq ikkonċernat mogħtija fid-deċiżjoni kontenzjuża, tali sors ma jistax jiġi kkunsidrat peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-istima tad-daqs tas-suq bħala EUR 83 miljun kienet żbaljata u peress li s-suq ma kienx ġie ddefinit. Għaldaqstant ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa kontradittorju. Ziegler iżżid li, fil-fehma tagħha, id-daqs tas-suq tal-ġarr internazzjonali fil-Belġju għas-sena 2002 seta’ kien ta’ EUR 880 miljun.

80      Minbarra t-talba tagħha għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet, il-Kummissjoni tenfasizza, l-ewwel nett, li l-kwantifikazzjoni tad-daqs ipotetiku tas-suq neċessarju sabiex is-sehem mis-suq miżmum mill-parteċipanti fl-akkordju jkun jista’ jaqa’ taħt il-limitu ta’ 5 % kienet effettivament diskussa matul is-seduta u li hija pprovdiet l-elementi użati għall-kalkolu fit-tweġiba tagħha tat-22 ta’ Marzu 2010 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. It-tieni nett, l-istima tad-daqs tas-suq rilevanti f’ammont ta’ EUR 880 miljun tressqet għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ma hijiex ibbażata fuq ir-realtà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li Ziegler qiegħda tilmenta li d-daqs ta’ dan is-suq kien stmat f’ammont iktar milli huwa fil-verità fil-kuntest tal-eżami tal-limitu ta’ EUR 40 miljun iżda tilmenta li dan is-suq ġiet stmat f’ammont inqas milli huwa fil-verità fil-kuntest tal-eżami tal-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq. Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, il-limitu ta’ 5 % jibqa’ manifestament milħuq. Fil-fatt, Ziegler ma tikkontestax ir-raġunament aritmetiku adottat mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 70 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija kompletament biżżejjed sabiex jinftiehem ir-raġunament tagħha. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa wkoll issodisfat.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens, C‑259/96 P, Ġabra p. I‑2915, punti 32 u 33, kif ukoll General Química et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

82      Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali hija meħtieġa tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li permezz tagħha l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx laqgħat l-argumenti tagħhom u li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 372).

83      Fil-kawża ineżami, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li huwa l-uniku punt indirizzat minn din il-parti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat dan li ġej:

“[...] l-ewwel nett, [...] l-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li s-servizzi kkonċernati kienu s-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju [...]. It-tieni nett, fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkolat id-daqs tas-suq għal EUR 83 miljun u l-parti tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju għal madwar 50 %. Dawn iċ-ċifri għandhom jiġu aġġustati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-korrezzjonijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni C (2009) 5810 [final, tal-24 ta’ Lulju 2009,] [...] u l-esklużjoni tal-bejgħ li sar b’subkuntratt [...], li jwassal, skont il-Kummissjoni, għal dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ iktar minn EUR 20 miljun u sehem mis-suq akkumulat ta’ madwar 30 %. Din il-parti tas-suq għaldaqstant tinsab dejjem lil hinn mil-limitu ta’ 5 %. It-tielet nett, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, [Ziegler] kkonstatat hi stess, matul is-seduta, li, sabiex il-limitu ta’ 5 % ma jinqabiżx, id-daqs tas-suq għandu jkun ta’ [minn tal-inqas] EUR 435 miljun. Issa, l-unika possibbiltà sabiex wieħed jasal għal tali daqs tas-suq ikkonċernat hija li jitlaq minn suq ħafna ikbar minn dak tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, suq li [madankollu] ġie identifikat ġustament mill-Kummissjoni bħala s-suq inkwistjoni”.

84      Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li minn dan il-punt 71 jirriżulta b’mod espliċitu li ċ-ċifri invokati mill-Qorti Ġenerali u l-konklużjoni li din tal-aħħar siltet minn dawn iċ-ċifri kienu fil-fatt diskussi b’mod kontradittorju mill-partijiet. Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju u fuq il-ksur, li allegatament irriżulta minn dan il-ksur, tal-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju li s-suġġett tat-tilwima għandu jiġi stabbilit mill-partijiet u tar-regoli dwar l-oneru tal-prova għandhom jiġu miċħuda.

85      It-tieni nett, mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-konklużjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 71 ma hijiex ibbażata fuq l-istima tad-daqs tas-suq li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża – li, skont il-punt 59 tas-sentenza appellata, hija żbaljata – iżda fuq iċ-ċifri aġġustati kif ġew ikkomunikati mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha tat-22 ta’ Marzu 2010 għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, fit-tweġiba tagħha l-Kummissjoni indikat li setgħet “tagħmel stima tad-daqs totali tas-suq tal-ġarr internazzjonali minn jew lejn il-Belġju billi teskludi l-ġarr ipprovdut bħala subappalt bħala massimu ta’ EUR 67.5 miljuni” u li, anki fuq tali suq iżgħar, il-parteċipanti fl-akkordji “xorta waħda għandhom, minn tal-inqas, sehem mis-suq akkumulat ta’ kważi 30 %”. Minn dan isegwi li l-kontradizzjoni ta’ raġunijiet allegata ma hijiex stabbilita.

86      F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sempliċi fatt li ċerti ċifri li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża setgħu ġew ikkunsidrati żbaljati ma jistax jippermetti li jiġi kkunsidrat li ċ-ċifri kollha kkomunikati mill-Kummissjoni huma vvizzjati bi żball. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-eżattezza taċ-ċifri ppreżentati mill-Kummissjoni, f’dan il-każ fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, hija punt ta’ fatt li, sakemm ma jkunx hemm żnaturament, li ma ġiex invokat f’dan il-każ, ma jaqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza.

87      It-tielet nett, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Ziegler, il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 71 tas-sentenza appellata, intiża sabiex tikkonstata li l-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq kien inqabeż, tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, huwa evidenti li s-sehem mis-suq akkumulat tal-parteċipanti fl-akkordju jista’ jkun proporzjonalment iżgħar biss jekk is-suq inkwistjoni jkun ikbar. Issa, sa fejn, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju kien ġie identifikat b’mod korrett mill-Kummissjoni u sa fejn, min-naħa l-oħra, id-daqs ta’ dan is-suq, kif ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali, ma jistax, sakemm ma jkunx hemm allegazzjoni ta’ żnaturament, jiġi effettivament ikkontestat fl-istadju tal-appell, sabiex tiġi ssostanzjata din l-affermazzjoni ma kienet meħtieġa ebda motivazzjoni partikolari għajr dik ibbażata fuq il-konklużjoni li kien biss il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni suq ħafna ikbar minn dak tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, li ġie identifikat b’mod korrett mill-Kummissjoni, li seta’ jwassal sabiex ma jinqabiżx dan il-limitu.

88      F’dan id-dawl, għandu barra minn hekk jiġi osservat li, meta tallega li d-daqs tas-suq tal-ġarr internazzjonali fil-Belġju għas-sena 2002 jista’ jammonta għal EUR 880 miljun, Ziegler qiegħda għal darba oħra tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tinvoka ebda żnaturament tal-provi. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza diġà mfakkra fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza, tali argumenti huma madankollu inammissibbli fl-istadju tal-appell.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni talba għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni.

c)     Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-fatt li jinqabeż il-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit riskju ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

i)     L-argumenti tal-partijiet

90      Ziegler issostni, sussidjarjament, li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-ksur inkwistjoni seta’ jkollu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għas-sempliċi raġuni li l-parteċipanti fl-akkordju kellhom iktar minn 5 % tas-suq ikkonċernat. Ziegler tirreferi, b’mod partikolari, għall-punt 45 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ u ssostni, minn naħa, li kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni hija dik li jkun hemm ftehim li, minħabba n-natura tiegħu stess, jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri. Issa, skont Ziegler, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar din il-kundizzjoni, li, barra minn hekk, ma hijiex issodisfatta fil-każ ineżami. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-preżunzjoni pożittiva stabbilita fil-punt 53 ta’ dawn il-linji gwida, skont il-formulazzjoni stess ta’ dan il-punt, ma tapplikax b’mod ġenerali u awtomatiku. Għalhekk, skont Ziegler, il-Kummissjoni hija xorta waħda obbligata li teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ u li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni.

91      Il-Kummissjoni tosserva li hemm elementi oħra, apparti l-fatt li nqabeż, b’mod barra minn hekk evidenti f’dan il-każ, il-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq, li jsaħħu l-konklużjoni li l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kien fil-fatt stabbilit. F’dan is-sens hija tosserva li Ziegler la qiegħda tieħu inkunsiderazzjoni n-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati u lanqas il-fatt li l-ftehim kien jikkonċerna t-territorju Belġjan kollu.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun jista’ jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika miftiehma għandhom, fuq il-bażi ta’ sett ta’ elementi oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li jiġi kkunsidrat, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, li dawn għandhom influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li joħolqu biża’ li jistgħu jimpedixxu t-twettiq ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li din l-influwenza ma tkunx waħda insinjifikattiva (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 36).

93      Effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza simultanja ta’ diversi fatturi li, meta kkunsidrati waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti. Sabiex jiġi vverifikat jekk ftehim għandux effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa meħtieġ li dan il-ftehim jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u legali tiegħu (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 37).

94      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li akkordju li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, minħabba n-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, b’tali mod li jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat FUE u, għalhekk, jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C‑35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 33; Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38), u li n-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati hija element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1987, Vereniging van Vlaamse Reisbureaus, 311/85, Ġabra p. 3801, punti 18 u 21).

95      Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, f’każ partikolari, wieħed biss minn dawn l-elementi, bħalma huwa l-fatt li jkunu nqabżu b’mod manifest il-limiti previsti mill-Kummissjoni fil-punt 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, ikun diġà jista’, waħdu, jindika b’mod suffiċjenti li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ntlaqat b’mod sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni, 19/77, Ġabra p. 131, punt 9, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 82, 83 u 86).

96      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-punt 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, “[f]il-każ ta’ [...] ftehim li, min-natura tiegħu stess, jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ħafna drabi jista’ jiġi preżunt li l-effett fuq il-kummerċ ikun sinjifikattiv meta s-sehem mis-suq tal-partijiet ikun iktar minn 5 %”.

97      F’dan il-każ, huwa minnu li, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddikjarat li “fil-kuntest tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-[punt] 53 tal-[Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ], huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta sabiex tiġi pprovata n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ bejn [l-Is]tati Membri”.

98      Madankollu, fil-punt 53 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li “l-preżunzjoni pożittiva, prevista fil-[punt] 53 [tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ], tapplika biss għall-ftehim jew prattiki li huma, min-natura tagħhom stess, suxxettibbli li jaffettwaw il-kummerċ bejn [l-Is]tati Membri”. Barra minn hekk, hija osservat, fil-punti 52, 65 u 71 tas-sentenza appellata, minn naħa, li n-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati mill-ftehim inkwistjoni ma kinitx ikkontestata u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kienet identifikat b’mod korrett is-suq ġeografiku tal-ftehim bħala li jkopri lill-Belġju, jiġifieri t-territorju kollu ta’ Stat Membru.

99      Għaldaqstant, minn qari tas-sentenza appellata kollha jirriżulta li, sabiex waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kienet issodisfatta fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha biss fuq il-fatt li nqabeż, fatt li barra minn hekk huwa importanti ferm, il-limitu ta’ 5 % tas-sehem mis-suq, iżda kkunsidrat ukoll il-portata ġeografika tal-ftehim u n-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 92 sa 95 ta’ din is-sentenza.

100    Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx b’mod espliċitu dwar il-kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-punt 53 tal-linji gwida msemmija, dwar in-natura tal-ftehim inkwistjoni, mill-elementi mfakkra fil-punt 98 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-kundizzjoni kienet, skont il-Qorti Ġenerali, manifestament issodisfatta f’dan il-każ fid-dawl tal-karatteristiċi tal-ftehim inkwistjoni. Għaldaqstant, l-allegat ksur ta’ dan il-punt ma huwiex stabbilit. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għall-każ ineżami.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju invokat minn Ziegler insostenn tal-appell tagħha għandha tiġi miċħuda kif ukoll, għaldaqstant, dan l-aggravju kollu kemm hu, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-tieni talba għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni.

B –  Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tal-ammont tal-multa

1.     L-argumenti tal-partijiet

102    Ziegler issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta ddeċidiet, fil-punti 88 sa 94 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta bbażat ruħha biss fuq in-natura “gravi ħafna” tal-ksur sabiex tiffissa l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jintuża sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa kif ukoll l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent.

103    Prinċipalment, Ziegler issostni, minn naħa, li l-għoti ta’ tali deroga mill-obbligu ta’ motivazzjoni jmur kontra l-Artikolu 296 TFUE. Il-punti 20 u 22 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi jipprovdu, skontha, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi sabiex tiddeċiedi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, u dan anki meta tqis li jkun hemm l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi. Għaldaqstant, skont Ziegler, il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti u tiżnatura l-punt 23 tal-linji gwida msemmija.

104    Min-naħa l-oħra, skont Ziegler, is-sentenza appellata tikser id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), sa fejn dan id-dritt jimplika obbligu ta’ “motivazzjoni rilevanti u suffiċjenti”. Dan l-obbligu jorbot lill-Kummissjoni meta tkun qiegħda tinvestiga u tiddeċiedi każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sa fejn, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma jistax jiġi kkontestat li l-Kummissjoni tikkostitwixxi qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Skont Ziegler, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal smigħ xieraq jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tintroduċi deroga mill-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli għall-iktar ksur gravi tad-dritt tal-kompetizzjoni.

105    Ziegler iżżid li, anki jekk il-Kummissjoni ma titqiesx bħala qorti suġġetta għall-imsemmija rekwiżiti ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali, meta teżonera lill-Kummissjoni mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fil-każ li l-Kummissjoni tadotta proporzjon tal-valur tal-bejgħ qrib il-limitu inferjuri tal-iskala prevista għal dan it-tip ta’ ksur, tkun qiegħda b’hekk tirrinunzja milli teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u b’hekk tikser id-dritt għal smigħ xieraq. Fil-fatt, il-ġurisprudenza, b’mod partikolari tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tindika li l-fatt li jiġi mistħarreġ, sempliċement, jekk korp amministrattiv qabiżx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ma jikkostitwixxix stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Bl-istess mod, is-sempliċi possibbiltà li jiġi eżerċitat stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma hijiex biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti l-garanziji tas-smigħ xieraq: huwa meħtieġ ukoll li dan l-istħarriġ jitwettaq effettivament fil-każ ineżami.

106    Sussidjarjament, Ziegler issostni li, anki jekk jitqies li tali deroga mill-obbligu ta’ motivazzjoni hija aċċettabbli bħala prinċipju, il-portata li tagħtiha l-Qorti Ġenerali tagħmilha inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq kif ukoll mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti. Minn naħa, il-fatt li, skont il-punt 93 tas-sentenza appellata, din id-deroga tapplika biss meta tiġi adottata “rata iktar qrib [rata qrib ħafna]” tal-limitu inferjuri tal-iskala prevista għall-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi, mingħajr ma tingħata definizzjoni ta’ dan il-kunċett, iwassal sabiex sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Min-naħa l-oħra, meta ddeċidiet li d-deroga introdotta tkopri wkoll l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent, mingħajr ma pprovdiet ebda spjegazzjoni oħra, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-fatt, peress li l-punt 25 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi jindika li l-ammont addizzjonali għandu japplika għall-iktar ksur gravi, is-sempliċi natura tal-ksur ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

107    Fir-rigward tat-talba għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost mil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi adottati fl-2006, din hija, skont Ziegler, inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata. Il-ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni, fl-2006, ta’ dawn il-linji gwida fil-fatt ma baqgħatx rilevanti. Il-linji gwida msemmija kienu rrinforzaw l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni. Bl-istess mod, ir-rikonoxximent tan-natura kriminali tal-multi imposti mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Karta komplew jirrinforzaw ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

108    Preliminarjament, il-Kummissjoni tosserva, minn naħa, li Ziegler ma qajmitx, quddiem il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-motivazzjoni dwar il-proporzjon ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ, argumenti bbażati fuq id-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq. Min-naħa l-oħra, hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi r-raġunijiet li jinsabu fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-affermazzjoni magħmula f’dan l-aħħar punt 92, fis-sens li l-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi adottati fl-2006 kienu rrinforzaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-multi impost fuq il-Kummissjoni, hija żbaljata. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li t-tensjoni bejn il-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, osservata minn Ziegler, titneħħa jekk tintlaqa’ t-talba tagħha għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet, u b’hekk ikollu jiġi miċħud it-tieni aggravju.

109    Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa infondat. Fir-rigward, prinċipalment, minn naħa, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament, fid-dawl tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni kienet issodisfat dan l-obbligu. Min-naħa l-oħra, l-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni hija qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, marbuta b’obbligu ta’ motivazzjoni partikolari, u fuq il-fatt li l-motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata ċċaħħad lil Ziegler mid-dritt tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem qorti indipendenti li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, huma inammissibbli peress li tressqu għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell u peress li ma kienx impossibbli li jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti huma infondati. B’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma hijiex ta’ natura li ddgħajjef il-ġurisprudenza eżistenti tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi li l-Kummissjoni ma tistax titqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

110    Fir-rigward, sussidjarjament, tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tirreferi, fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku ta’ din il-multa, għall-argumenti tagħha esposti iktar ’il fuq fir-rigward tal-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent, il-Kummissjoni tqis li ma jistax jiġi kkonstatat li l-proporzjon ta’ 17 % użat f’dan il-każ jinsab fil-parti inferjuri tal-iskala ta’ bejn 15 % u 25 % jew li l-istess elementi ta’ gravità jistgħu jwasslu darbtejn għall-istess proporzjon, fid-dawl tal-fatt li dawn huma żewġ evalwazzjonijiet li jikkonċernaw il-gravità tal-ksur bħala tali.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)     Fuq it-talba għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet mressqa mill-Kummissjoni

111    Għandu jiġi osservat li, anki jekk il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni, fl-2006, tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi li ssostitwixxew dawk li kienu ġew adottati fl-1998 irrinforzaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni meta din timponi sanzjonijiet għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, dan ma jkollu ebda impatt fuq l-analiżi tal-fondatezza tat-tieni aggravju mqajjem minn Ziegler. Fil-fatt, fil-punti 93 sa 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li tali motivazzjoni rrinforzata ma kinitx neċessarja fil-kawża li kellha quddiemha. B’hekk, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ma siltet ebda konsegwenza ta’ fatt jew ta’ liġi għall-każ ineżami.

112    Għaldaqstant, it-talba tal-Kummissjoni għandha titqies bħala li hija indirizzata kontra raġunijiet tas-sentenza appellata li ma humiex ta’ siwi fundamentali għal din is-sentenza u għaldaqstant, peress li hija ineffettiva, din it-talba għandha fi kwalunkwe każ tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C‑137/95 P, Ġabra p. I‑1611, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑182/99 P, Ġabra p. I‑10761, punti 54 u 55).

b)     Fuq il-fondatezza tat-tieni aggravju

i)     Fuq il-parti prinċipali

113    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li għalkemm, fil-kuntest ta’ din il-parti, Ziegler tressaq, b’mod partikolari, ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, l-artikolu applikabbli f’dan il-każ huwa l-Artikolu 253 KE peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu dan ma huwiex rilevanti peress li l-motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma kinitx suġġetta, fil-kuntest tal-Artikolu 253 KE, għal rekwiżiti differenti minn dawk applikabbli fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jinftiehem fis-sens li jikkonċerna, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 253 KE.

114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità materjali tal-att kontenzjuż (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    F’dan id-dawl, minn naħa, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-obbligu li jiġu mmotivati tali deċiżjonijiet huwa għalhekk intiż, apparti li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li minħabba fih tkun tista’ tikkontesta l-validità tagħha (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 147 u 148, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

116    Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att inkwistjoni, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom f’li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Barra minn hekk, fir-rigward tal-għażla tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, il-punt 21 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi jipprovdi li, “[b]ħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ser ikun iffissat għal livell li jista’ jilħaq it-30 %”. Il-punt 22 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi, barra minn hekk, li “[s]abiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fl-ogħla jew fl-inqas parti ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur, u jekk il-ksur kienx implementat jew le”. Il-punt 23 tal-linji gwida msemmija jippreċiża li l-“proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward [tal-ftehim orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, tqassim tas-suq u limitazzjoni tal-produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti] ser ikun ġeneralment fl-ogħla parti tal-iskala”.

118    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent, il-punt 25 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi jindika, min-naħa tiegħu, li, “irrispettivmanet mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur, il-Kummissjoni ser tinkludi, fl-ammont bażiku, somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...] sabiex tiddiswadi lill-impriżi milli saħansitra jipparteċipaw fi ftehim orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet [...]. Sabiex tiddeċiedi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22”.

119    F’dan il-każ, fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, il-Qorti Ġenerali, wara li ddeċidiet, fil-punt 89 tas-sentenza appellata – punt li ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat minn Ziegler – li l-“Kummissjoni mmotivat biżżejjed il-kwalifika ta’ ksur ‘gravi ħafna’” u wara li fakkret, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-kontenut tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni impost fl-Artikolu 253 KE, u, fil-punt 91 tal-istess sentenza, il-kontenut essenzjali tal-punti 19, 21 u 23 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, iddikjarat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“[...] għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 543 tad-[deċiżjoni kontenzjuża], il-Kummissjoni ffissat din ir-rata għal livell ftit iktar għoli min-nofs ta’ din l-iskala, jiġifieri 17 %, u mmotivat l-għażla tagħha sempliċement bin-natura ‘gravi ħafna’ tal-ksur. Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx b’mod iktar dettaljat kif il-kwalifika ta’ ksur ‘gravi ħafna’ wasslitha sabiex tiffissa r-rata ta’ 17 % u mhux proporzjon nettament iktar ‘fl-għoli tal-iskala’. Din il-motivazzjoni tista’ tkun biżżejjed biss fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tapplika rata iktar qrib il-limitu inferjuri tal-iskala prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, li barra minn hekk hija favorevoli ħafna għar-rikorrenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, motivazzjoni addizzjonali, li tmur lil hinn mill-motivazzjoni inerenti fil-linji gwida, ma hijiex neċessarja. Min-naħa l-oħra, kieku riedet tapplika rata iktar għolja, kien ikollha tipprovdi motivazzjoni iktar dettaljata.”

120    Fir-rigward tal-proporzjon użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 94 tas-sentenza appellata li, “[p]eress li [...] il-premessa 556 tad-[deċiżjoni kontenzjuża] tirreferi għall-premessa 542 u [peress] li l-limitu inferjuri tal-iskala huwa l-istess, il-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq japplikaw ukoll għall-ilmenti dwar il-motivazzjoni pprovduta għall-iffissar ta’ dan l-ammont”.

121    Minn dawn l-elementi jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, li l-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa hija ċara, mhux ekwivoka u konformi mal-metodu stabbilit fil-punti 21 u 23 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, f’dawn il-punti 21 u 23, il-Kummissjoni ddikjarat li, b’mod ġenerali, hija ser tieħu inkunsiderazzjoni proporzjon li jista’ jkun sa 30 % tal-valur tal-bejgħ, iżda li, fir-rigward ta’ ksur bħalma huwa ftehim orizzontali dwar l-iffissar ta’ prezzijiet u t-tqassim tas-suq – klassifikazzjoni adottata fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni li ma ġietx ikkontestata minn Ziegler – il-proporzjon meħud inkunsiderazzjoni ser ikun ġeneralment “fl-għola parti tal-iskala”.

122    It-tieni nett, peress li r-rata ta’ 17 % hija sostanzjalment inqas mil-limitu superjuri tal-iskala msemmija mill-Kummissjoni fil-linji gwida msemmija fir-rigward tal-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi, il-Qorti Ġenerali ġustament osservat li din ir-rata kienet favorevoli ħafna għal Ziegler. Għaldaqstant, inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kellha raġuni tikkunsidra li Ziegler ma kellhiex interess li tirċievi spjegazzjoni partikolari dwar l-għażla ta’ dan il-proporzjon u li l-Kummissjoni għalhekk ma kinitx meħtieġa timmotiva b’mod partikolari d-deċiżjoni kontenzjuża dwar dan il-punt.

123    It-tielet nett, la jirriżulta mis-sentenza appellata u lanqas ma huwa allegat minn Ziegler li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet adottata f’kuntest partikolari jew kienet tikkonċerna akkordju b’karatteristiċi partikolari b’tali mod li d-deċiżjoni kienet teħtieġ motivazzjoni speċifika min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, motivazzjoni li tmur lil hinn minn dik mogħtija u li l-assenza tagħha kien imissha ġiet issanzjonata mill-Qorti Ġenerali.

124    Ir-raba’ nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-proporzjon użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-akkordju inkwistjoni effettivament jaqa’ fil-kategorija ta’ ksur msemmija fil-punt 25 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, kategorija msemmija wkoll fil-punt 23 tagħhom, u, min-naħa l-oħra, li r-rata ta’ 17 % tinsab ukoll qrib il-limitu inferjuri tal-iskala ta’ bejn 15 % u 25 % msemmija f’dan il-punt 25. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tirreferi, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, għall-analiżi tagħha dwar il-motivazzjoni tal-proporzjon użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 121 sa 123 ta’ din is-sentenza jgħoddu wkoll għall-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ dan il-proporzjon.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment imqajjem minn Ziegler fis-sens li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 253 KE billi naqset milli tissanzjona nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-għażla tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġu ddeterminati l-ammont bażiku tal-multa u l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent, jekk mhux ukoll billi eżentat lill-Kummissjoni minn kull obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

126    Fir-rigward, barra minn hekk, tal-allegat ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta fid-dritt tal-Unjoni hija ekwivalenti għal dik mogħtija mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għaldaqstant, għandu jsir riferiment biss għad-dispożizzjoni tal-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 51).

127    Sa fejn Ziegler qiegħda ssostni, f’dan il-każ, li din id-dispożizzjoni tal-Karta ġiet miksura kemm mill-Kummissjoni u kif ukoll mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ifisser li din il-parti tkun qiegħda tingħata l-possibbiltà li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qorti tal-ewwel istanza (sentenzi tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance Once International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 111).

128    Issa, fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza, Ziegler ma ressqet ebda argument maħsub sabiex tistabbilixxi li l-Kummissjoni, meta adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, kienet kisret id-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq. Dan l-ilment huwa, għalhekk, inammissibbli.

129    Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz ta’ dan l-ilment, Ziegler qiegħda ssostni li l-Qorti Ġenerali stess kisret dan id-dritt fundamentali, għandu jiġi osservat li Ziegler tallega li dan il-ksur jirriżulta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, eżentat lill-Kummissjoni mill-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha meta tiffissa l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġu ddeterminati l-ammont bażiku tal-multa u l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent.

130    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa bbażat fuq premessa żbaljata, kif jirriżulta mill-punt 125 ta’ din is-sentenza, sa fejn il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma eżentat lill-Kummissjoni mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Għaldaqstant, sa dan il-punt, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

131    Għalhekk, il-parti prinċipali ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

ii)  Fuq il-parti sussidjarja

132    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, rikonoxxut fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma huwiex permess li ssir, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 81(1) KE (sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali fir-rigward tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet differenti għandhom biss natura purament indikattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 205, kif ukoll Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 233).

135    Madankollu, f’dan il-każ, Ziegler ma hijiex tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tissanzjona ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Kummissjoni adottat fil-konfront tagħha, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa kif ukoll l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent, proporzjon ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ, filwaqt li adottat proporzjon ta’ 15 % fil-konfront ta’ impriża oħra involuta fl-istess akkordju u li l-aġir tagħha huwa komparabbli għal ta’ Ziegler. Għall-kuntrarju, din tal-aħħar tallega li, billi kkunsidrat impliċitament, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li jistgħu jitqiesu bħala komparabbli il-każijiet fejn il-multa tkun ikkalkolata fuq il-bażi ta’ proporzjon li jikkorrispondi għal 17 % tal-valur tal-bejgħ u dawk il-każijiet fejn dan il-kalkolu jitwettaq fuq il-bażi ta’ proporzjon ta’ 15 % ta’ dan il-valur, il-Qorti Ġenerali wettqet tali ksur.

136    Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li ebda kunsiderazzjoni ta’ dan it-tip ma tinsab fl-imsemmi punt 93. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, il-paragun teoretiku ma’ eventwali prassi futura tal-Kummissjoni ma jista’ jingħata ebda forma ta’ rilevanza fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet.

137    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

138    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ppermettiet lill-Kummissjoni, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li tiffissa bħala 17 % l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont addizzjonali maħsub bħala deterrent fuq il-bażi biss tan-natura gravi ħafna tal-ksur, filwaqt li l-punt 25 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi jimplika li s-sempliċi natura tal-ksur ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwali adottata, għandu jitfakkar, minn naħa, li fil-punti 124 u 125 ta’ din is-sentenza diġà ġie kkonstatat li l-punt 94 tas-sentenza appellata ma huwiex ivvizzjat bi ksur tal-Artikolu 253 KE, kif allegat minn Ziegler fil-kuntest tal-parti prinċipali ta’ dan l-aggravju.

139    Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Ziegler, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex timmotiva b’iktar dettall id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-punt 25 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi. Fil-fatt, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-perċentwali li għandha tiġi adottata fi ħdan l-iskala msemmija f’dan il-punt, huwa minnu li dan l-istess punt jindika li “[s]abiex tiddeċiedi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22 [tal-istess linji gwida]”. Madankollu, fost dawn il-fatturi jinsab fil-fatt dak dwar in-natura tal-ksur inkwistjoni.

140    Barra minn hekk, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 129 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt 22, moqri flimkien mal-imsemmi punt 25, jirriżulta li dan jikkostitwixxi sempliċi dikjarazzjoni ġenerali li minnha ma jistax jiġi dedott, minn naħa, li f’kull każ konkret il-Kummissjoni għandha neċessarjament tibbaża ruħha fuq dawn il-fatturi kollha u għandha timmotiva b’mod iddettaljat il-proporzjon adottat fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-fatturi u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali għandha għalhekk neċessarjament tikkonstata li l-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tkun insuffiċjenti jekk ma tkunx immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ kull wieħed mill-fatturi msemmija f’dan il-punt 22.

141    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza, jidher li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti fil-liġi l-konklużjoni li wasslet għaliha fil-punt 94 tas-sentenza appellata.

142    Barra minn hekk, il-fatt li Ziegler tqis, dwar il-mertu, li l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata ma jistax jivvizzja s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

143    L-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat kif għandha tiġi miċħuda wkoll, bħala konsegwenza ta’ dan, din il-parti sussidjarja kollha kemm hi.

144    Peress li ebda wieħed mill-ilmenti mressqa minn Ziegler insostenn ta’ dan l-aggravju ma jista’ jintlaqa’, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

C –  Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba marbut maċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

145    Ziegler issostni, fl-ewwel lok, li l-punti 103 sa 107 tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ma timmotivax iċ-ċaħda tagħha tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni. Il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 104 u 106 tas-sentenza appellata tikkonċerna l-imparzjalità suġġettiva u għalhekk hija r-riżultat ta’ konfużjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti. L-imparzjalità oġġettiva tippreċedi d-deċiżjoni kontenzjuża, hija bbażata fuq elementi li ma humiex konnessi magħha u ma huwiex meħtieġ li tiġi espressa fid-deċiżjoni kontenzjuża. Din l-imparzjalità għandha tiġi vverifikata billi jiġi evalwat jekk, irrispettivament mill-aġir tal-Kummissjoni, ċerti fatti verifikabbli jippermettux li jkun hemm dubju dwar l-imparzjalità ta’ din tal-aħħar.

146    Fit-tieni lok, Ziegler issostni li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata min-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva u li, għalhekk, meta ċaħdet il-motiv imsemmi, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, kif ukoll id-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, rikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta. Minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw li l-Kummissjoni għandha obbligu ta’ imparzjalità oġġettiva, u dan anki jekk ma titqiesx li hija qorti fis-sens tal-imsemmija Artikoli 47 u 6. Minn tal-inqas, skont Ziegler, il-Kummissjoni hija marbuta b’dan l-obbligu bis-saħħa tad-dritt għal amministrazzjoni tajba rikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva ma huwiex issodisfat f’dan il-każ. Il-Kummissjoni hija kkonċernata mill-ksur allegat fil-konfront ta’ Ziegler kemm minħabba li hija waħda mill-vittmi u kif ukoll minħabba l-fatt li uffiċjali tal-Kummissjoni kienu involuti bħala persuni li talbu kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Issa, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-vittmi ta’ ksur ma jistgħux ikunu f’pożizzjoni fejn jiddeċiedu dwaru.

147    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aggravju ma huwiex fondat. Fir-rigward tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-imparzjalità suġġettiva ma hijiex, fil-fehma tagħha, rilevanti, u dan sa fejn il-Kummissjoni ma tistax titqies daqslikieku hija qorti. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni, jew istituzzjoni oħra tal-Unjoni, tkun fost il-vittmi ta’ kartell ma huwiex, bħala tali, ta’ natura li joħloq dubju dwar il-fatt li hija twettaq l-investigazzjonijiet tagħha b’imparzjalità sħiħa. F’dan il-każ ebda wieħed mid-drittijiet tad-difiża ta’ Ziegler ma kien intlaqat. Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Ziegler ma rnexxielha tressaq ebda indizju konkret insostenn tal-affermazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod korrett iċ-ċaħda ta’ dawn l-argumenti.

148    Fir-rigward tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tfakkar li hija ma tistax titqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Barra minn hekk, hija tirrikonoxxi li hija manifestament marbuta b’obbligu ta’ imparzjalità, b’mod partikolari waqt l-investigazzjoni amministrattiva, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, iżda hija tqis li osservat dan l-obbligu ta’ imparzjalità fil-każ ineżami.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

149    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali ma jeħtieġx li din tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li permezz tagħha l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx laqgħat l-argumenti tagħhom u li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita msemmija fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

150    F’dan il-każ, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “l-allegat nuqqas ta’ oġġettività tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni [kontenzjuża], imma jaqa’ taħt l-eżami li sar fil-kuntest tal-istħarriġ tal-evalwazzjoni tal-motivi [tal-provi] jew tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni”. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 105 tas-sentenza msemmija, li dan il-motiv kien ineffettiv bħala motiv ta’ annullament.

151    Madankollu, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, għal finijiet ta’ kompletezza, li dan il-motv kien “wkoll infondat” minħabba, minn naħa, li l-“l-elementi invokati [minn Ziegler ma kinux] ta’ natura li juru li l-allegat preġudizzju tal-Kummissjoni jew ta’ wieħed mill-aġenti tagħha ġie espress fid-[deċiżjoni kontenzjuża]” – fejn l-assenza tan-natura konklużiva ta’ dawn l-elementi ġiet eżaminata sussegwentement – u, min-naħa l-oħra, li l-argumenti invokati minn Ziegler, b’mod partikolari matul is-seduta, “lanqas [ma kienu] ta’ natura li jsostnu l-affermazzjoni tagħha li tgħid li l-Kummissjoni kienet parzjali fl-investigazzjoni tal-kawża”. F’dawn id-dawl, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod partikolari li “[Ziegler ma stabbilixxietx] kif l-aġir li huma kkritikati bih ċerti aġenti, fl-ipoteżi li seħħ, seta’ jippreġudika d-dritt għal proċedura ekwa”.

152    Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx distinzjoni espliċita, f’dawn il-punti, bejn il-kunċetti ta’ imparzjalità oġġettiva u ta’ imparzjalità suġġettiva, hija madankollu indikat b’mod ċar ir-raġuni għalfejn fil-fehma tagħha l-motiv invokat minn Ziegler ma setax jintlaqa’ u għalhekk irrispondiet b’mod suffiċjenti fil-liġi għall-argumenti mressqa minn din il-kumpannija u qiegħdet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni fejn tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 149 ta’ din is-sentenza. Fir-rigward tal-kwistjoni jekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sa fejn japplika għall-imparzjalità oġġettiva l-istess rekwiżiti bħal fir-rigward tal-imparzjalità suġġettiva huwiex jew le korrett, din hija kwistjoni li tikkonċerna l-mertu li ma tistax’, kemm jekk tkun fondata u kemm jekk le, tivvizzja s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, inkonformità mal-ġurisprudenza diġà msemmija fil-punt 114 ta’ din is-sentenza.

153    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

154    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 81, kif ukoll Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7), hija xorta waħda hija obbligata tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva, fosthom id-dritt għal amministrazzjoni tajba rikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta. B’mod partikolari, huwa dan l-artikolu tal-aħħar, u mhux l-Artikolu 47 tal-Karta, li jirregola l-proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ akkordji quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, Ġabra p. I-10329, punt 53, u Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑110/10 P, Ġabra p. I-10439, punt 48).

155    Skont l-Artikolu 41 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jinstemgħu b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 54, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, C‑308/07 P, Ġabra p. I‑1059, punt 46).

156    Huwa biss il-kunċett ta’ imparzjalità oġġettiva li huwa s-suġġett ta’ din il-parti. Ziegler issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma kinitx, f’dan il-każ, naqset milli turi imparzjalità oġġettiva, u dan fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni tqis lilha nfisha fost il-vittmi tal-akkordju inkwistjoni u tal-fatt li l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu talbu kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza.

157    Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tinvestiga akkordju li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tissanzjonah ma jistax jimplika nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni. Jekk dan ma kienx hekk, is-sempliċi possibbiltà li l-Kummissjoni, jew anki istituzzjoni oħra tal-Unjoni, setgħet kienet vittma ta’ aġir antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81 KE jkollha l-effett, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 149 tal-konklużjonijiet tagħha, li ċċaħħad lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha li tinvestiga tali aġir, sitwazzjoni din li ma tistax tiġi aċċettata. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 85 KE, li issa sar l-Artikolu 105 TFUE, fost il-missjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattati tinsab preċiżament dik li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE.

158    It-tieni nett, il-fatt li d-dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli sabiex jinvestigaw u jiftħu proċeduri kontra ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u d-dipartimenti responsabbli għall-ħlas tal-ġarr tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni jappartjenu lill-istess struttura organizzattiva lanqas ma jista’, waħdu, joħloq dubju dwar l-imparzjalità oġġettiva ta’ din l-istituzzjoni sa fejn dawn id-dipartimenti jagħmlu neċessarjament parti mill-istruttura li lilha jappartjenu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, punt 64).

159    It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni u li d-dritt tal-Unjoni jipprevedi sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari ta’ dawk li jikkonċernaw il-proċeduri skont l-Artikolu 81 KE, sistema din li toffri l-garanziji kollha meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza Otis et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li hija kemm il-vittma ta’ ksur kif ukoll il-qorti li tiddeċiedi dwar is-sanzjoni tiegħu.

160    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali kellha legalment raġun tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx naqset mill-obbligu ta’ imparzjalità tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv imqajjem minn Ziegler u bbażat fuq ksur tad-dritt għal proċedura ekwa u tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.

161    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali biss għandha s-setgħa tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi. Għalhekk, sa fejn, permezz ta’ din il-parti, Ziegler qiegħda tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-provi li hija ressqet insostenn tal-motiv imqajjem quddiemha u ma tinvoka ebda żnaturament ta’ dawn il-provi, dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli.

162    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju invokat minn Ziegler insostenn tal-appell tagħha hija parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda, kif għandu jiġi miċħud ukoll, bħala konsegwenza ta’ dan, it-tielet aggravju kollu kemm hu.

D –  Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-evalwazzjoni tal-għoti ta’ tnaqqis tal-multi

1.     L-argumenti tal-partijiet

163    Ziegler issostni li l-Qorti Ġenerali, peress li kkonstatat, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fir-rigward tal-kapaċità kontributtiva tagħha, ma setgħetx tikkonkludi, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tagħti lil impriża oħra li pparteċipat fl-akkordju tnaqqis ta’ 70 % tal-ammont tal-multa inizjali fuq il-bażi tal-punt 37 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi meta ma kinitx ikkunsidrat li tagħti, fuq l-istess bażi, tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Ziegler. Peress li tqis li fil-fatt hija kienet tinsab, bħal din l-impriża l-oħra, f’sitwazzjoni ta’ assenza ta’ kapaċità kontributtiva, li skontha ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali, Ziegler issostni li hija kienet intitolata li s-sitwazzjoni partikolari tagħha tiġi analizzata fid-dawl tal-imsemmi punt 37.

164    Il-ġustifikazzjoni ta’ din id-differenza fit-trattament adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 171 tas-sentenza appellata, dwar il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali, ma kinitx invokata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, din il-ġustifikazzjoni tikkontradixxi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sens li evalwazzjoni bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ biss ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta tal-impriża u għalhekk, waħedha, ma hijiex rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk jingħatax tnaqqis tal-ammont tal-multa. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-sentenza appellata għandha, skont Ziegler, tiġi annullata, kif għandu jiġi annullat ukoll l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Minn tal-inqas, il-multa imposta fuq Ziegler għandha tiġi sostanzjalment imnaqqsa.

165    Il-Kummissjoni tirribatti billi ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi kien fil-fatt osservat. F’dan id-dawl, hija tenfasizza, b’mod partikolari, li t-talbiet kollha għall-applikazzjoni ta’ dan il-punt 35 ġew miċħuda minħabba l-assenza ta’ kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Min-naħa l-oħra, il-punt 37 tal-imsemmija linji gwida jirreferi għal sitwazzjoni kompletament eċċezzjonali. Issa, l-impriża l-oħra inkwistjoni kienet f’sitwazzjoni kompletament partikolari, għal raġunijiet li huma kunfidenzjali fir-rigward ta’ Ziegler, iżda li tressqu għall-għarfien tal-Qorti Ġenerali. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ssemmi espliċitament biss id-differenza fil-proporzjon tal-multa fil-konfront tad-dħul mill-bejgħ totali huwa dovut għan-natura ferm kunfidenzjali fir-rigward ta’ Ziegler tal-informazzjoni inkwistjoni. Dan il-proporzjon jibqa’ barra minn hekk rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk multa hijiex jew le l-kawża ta’ theddida għas-sopravivenza ta’ impriża u, fi kwalunkwe każ, din id-differenza fil-proporzjon hija rilevanti sabiex jiġi konkluż li s-sitwazzjonijiet ta’ din l-impriża l-oħra u ta’ Ziegler ma humiex komparabbli, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li Ziegler ma talbitx li tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi punt 37.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

166    Inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi b’mod partikolari li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

167    Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament iddifferenzjat jippresupponi għalhekk li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma komparabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġi ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punti 25 u 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

168    F’dan il-każ, wara li fakkret, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, li l-għoti tat-tnaqqis previst fil-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multa jiddependi, minbarra minn talba f’dan is-sens, minn żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri d-diffikultà assoluta li titħallas il-multa u l-preżenza ta’ kuntest soċjali u ekonomiku partikolari, il-Qorti Ġenerali effettivament iddeċidiet, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, li “[s]empliċi kalkolu tal-perċentwali li jirrappreżenta l-multa meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-impriża ma jistax waħdu jkun ta’ bażi għall-konklużjoni li din il-multa ma hijiex ta’ natura li tipperikola b’mod gravi l-vijabbiltà ekonomika ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, kien ikun possibbli li jiġu indikati limiti konkreti għall-applikazzjoni tal-[punt] 35 tal-[Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi]”.

169    Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fl-istess punt, li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmi punt 35, jiġifieri d-diffikultà assoluta li titħallas il-multa, ma kinitx issodisfatta.

170    Madankollu, l-ewwel nett, għalkemm b’hekk ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx immotivat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi r-raġuni għalfejn kienet tikkunsidra li l-multa li hija kellha l-intenzjoni timponi fuq Ziegler ma kinitx tipperikola b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat il-vijabbiltà ekonomika tagħha, il-Qorti Ġenerali għall-kuntrarju ma kkonstatatx li Ziegler kienet effettivament f’sitwazzjoni li ma kellhiex kapaċità kontributtiva. Fil-fatt, hija sempliċement osservat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet li dan ma kienx il-każ. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ Ziegler huma bbażati, minn tal-inqas parzjalment, fuq premessa żbaljata u, għalhekk, l-allegata kontradizzjoni bejn ir-raġunijiet ma hijiex stabbilita.

171    It-tieni nett, huwa minnu li, skont il-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, “[f]’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”. Madankollu, il-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi li, “[g]ħalkemm dawn il-linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21”. Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju tal-punt 35 tal-imsemmija linji gwida, l-applikazzjoni tal-imsemmi punt 37 hija indipendenti mill-kapaċità kontributtiva tal-impriża kkonċernata.

172    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li Ziegler kellha kapaċità kontributtiva limitata fis-sens tal-imsemmi punt 35, dan il-fatt waħdu ma kellux l-effett li jagħmel is-sitwazzjoni tagħha komparabbli ma’ dik tal-impriża l-oħra inkwistjoni fir-rigward tal-imsemmi punt 37.

173    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-imsemmi punt 37 ma teskludix li l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża tista’ tkun rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, minn naħa, huwa meħtieġ, sabiex tiġi żgurata l-effettività kemm tal-punt 35 u kif ukoll tal-punt 37 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni rispettiva tagħhom ikunu distinti. Għaldaqstant, assenza ta’ kapaċità kontributtiva jew kapaċità kontributtiva limitata fis-sens tal-imsemmi punt 35 ma tistax, waħedha, u fi kwalunkwe każ, titqies bħala suffiċjenti sabiex twassal eventwalment għall-applikazzjoni tal-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida.

174    Min-naħa l-oħra, peress li l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva jew il-kapaċità kontributtiva limitata jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-imsemmi punt 37, il-Qorti Ġenerali kellha legalment raġun meta, sabiex tevalwa jekk il-Kummissjoni kinitx osservat l-ugwaljanza fit-trattament bejn Ziegler u l-impriża l-oħra inkwistjoni, ikkomparat, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, is-sitwazzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-valur relattiv tal-multa kkunsidrata għal kull waħda minnhom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom u meta ddeduċiet minn dan, fid-dawl tad-differenza kunsiderevoli li kkonstatat bejn dawn il-valuri relattivi, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

175    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, inkluż sa fejn huwa intiż li jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa.

176    Peress li ebda wieħed mill-aggravji ma seta’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

VI –  Fuq l-ispejjeż

177    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun tressqet talba f’dan is-sens. Peress li Ziegler tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talba tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ziegler SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.