Language of document : ECLI:EU:C:2012:664

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjonijiet speċjali f’materja ta’ delitt jew kważi delitt — Azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (‘negative Feststellungsklage’) — Dritt tal-awtur preżunt ta’ fatt dannuż li jfittex lill-vittma potenzjali fil-qorti tal-post fejn allegatament seħħ jew jista’ jitwettaq dan il-fatt sabiex issir il-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ responsabbiltà delittwali”

Fil-Kawża C‑133/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Folien Fischer AG,

Fofitec AG

vs

Ritrama SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, J.‑J. Kasel, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Folien Fischer AG u Fofitec AG, minn G. Jaekel, avukat,

–        għal Ritrama SpA, minn J. Petersen, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Folien Fischer AG (iktar ’il quddiem “Folien Fischer”) u Fofitec AG (iktar ’il quddiem “Fofitec”), stabbilita fl-Isvizzera, u Ritrama SpA (iktar ’il quddiem “Ritrama”), stabbilita fl-Italja, fir-rigward tat-talba tagħhom għal konstatazzjoni negattiva dwar in-nuqqas ta’ responsabbiltà delittwali fil-qasam tal-kompetizzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-operat tajjeb tas-suq intern, sabiex jiġu implementati “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

4        Il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il‑prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal‑konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal‑litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.”

5        Il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

“B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

6        Il-premessa 15 ta’ dan l-istess regolament tistabbilixxi:

“Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

7        Skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn [il-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendat bil-konvenzjonijiet sussegwenti dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’)] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja […]”

8        Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, fl-Artikoli 2 sa 31 tiegħu.

9        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

10      L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-istess sezzjoni, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

11      L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 3, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

12      L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi:

“1.      Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Folien Fischer, stabbilita fl-Isvizzera, tiżviluppa, timmanifattura u tbiegħ prodotti tal-karti laminati u film adeżiv. Hija tikkummerċjalizza, b’mod partikolari fil-Ġermanja, il-bażi għal formoli tal-karti kontinwi.

14      Fofitec, li wkoll għandha s-sede tagħha fl-Isvizzera u tifforma parti mill-grupp ta’ kumpanniji ta’ Folien Fischer, hija proprjetarja ta’ diversi privattivi li jipproteġu ċerti formoli sabiex tintbagħat ittra flimkien ma’, b’mod partikolari, karta ta’ sħubija, kif ukoll il-bażi għal dawn il-formoli tal-karti.

15      Ritrama, stabbilita fl-Italja, tiżviluppa, tipproduċi u tikkummerċjalizza laminati u films b’diversi saffi ta’ diversi tipi.

16      B’ittra mibgħuta fix-xahar ta’ Marzu 2007, Ritrama sostniet li l-politika ta’ distribuzzjoni ta’ Folien Fischer u r-rifjut tagħha li tagħti liċenzji ta’ privattivi marru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni.

17      Wara din l-ittra, Folien Fischer u Fofitec adixxew lill-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja) b’talba għal konstatazzjoni negattiva bil-għan li jiġi kkonstatat li Folien Fischer ma hijiex obbligata li ttemm il-prattika kummerċjali tagħha fir-rigward tal-għoti ta’ skontijiet u tal-formulazzjoni tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni u li Ritrama ma għandhiex id-dritt la li twaqqaf din il-prattika kummerċjali u lanqas li tikseb kumpens minn dan il-lat. Folien Fischer u Fofitec talbu wkoll lil dik il-qorti li tikkonstata li Fofitec ma hijiex obbligata li tagħti liċenzja għal żewġ privattivi li hija proprjetarja tagħhom, li jipproteġu l-manifattura tal-formoli u l-bażi għall-manifattura ta’ dawn.

18      Wara li ġiet ippreżentata din l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, Ritrama u Ritrama AG, sussidjarja stabbilita fl-Isvizzera, adixxew lit-Tribunale di Milano (l-Italja) b’azzjoni għall-eżekuzzjoni, fejn sostnew li Folien Fischer u Fofitec kienu qed jaġixxu b’mod antikompetittiv u fejn talbu għall-ħlas tad-danni kif ukoll għall-kundanna ta’ Fofitec sabiex din tagħti liċenzji fuq il-privattivi inkwistjoni. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Ritrama stqarret li din il-proċedura kienet sospiża.

19      L-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva magħmula minn Folien Fischer u Fofitec kienet inċaħdet bħala inammissibbli mil-Landgericht Hamburg. Id-deċiżjoni ta’ din il-qorti ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Oberlandesgericht Hamburg (il-Ġermanja).

20      Fid-deċiżjoni tagħha, din tal-aħħar ma aċċettatx il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi, billi l-ġurisdizzjoni f’materja delittwali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma setgħetx tapplika għal azzjoni ta’ konstatazzjoni negattiva bħal dik ippreżentata minn Folien Fischer u Fofitec, peress li azzjoni bħal din hija intiża preċiżament sabiex tistabbilixxi li ma twettaq l-ebda delitt.

21      Il-Bundesgerichtshof, peress li kienet ġiet adita b’rikors ta’ “Reviżjoni” ippreżentat minn Folien Fischer u Fofitec, tistaqsi jekk il-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hijiex fondata wkoll meta l-awtur ta’ dannu potenzjali jippreżenta azzjoni għal konstatazzjoni negattiva sabiex jiġi kkonstatat li l-vittma potenzjali tad-dannu ma tista’ tinvoka l-ebda dritt ibbażat fuq att delittwali possibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat li jfisser li l-ġurisdizzjoni fl-oqsma marbuta mad-delitti u kważi delitti tapplika wkoll fir-rigward ta’ talba għal konstatazzjoni negattiva [‘negative Feststellungsklage’] fejn l-awtur potenzjali ta’ fatt dannuż isostni li fiċ-ċirkustanzi partikolari l-vittma potenzjali ma għandu ebda dritt fil-qasam delittwali (f’dan il-każ, ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni)?”

  Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

22      Ritrama SpA tikkontesta r-rilevanza tad-domanda preliminari għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fl-ittra tagħha tax-xahar ta’ Marzu 2007, li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju, kienet ippreżentata mhux bħala ittra ta’ intimazzjoni formali, iżda bħala sempliċi stedina biex jibdew negozjati sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni. Din l-ittra ma hijiex bażi xierqa f’termini ta’ proċedura u lanqas ma hija raġuni xierqa sabiex tinvolvi lill-konvenuta fil-kawża prinċipali f’proċeduri kontenzjużi. Għalhekk Folien Fischer u Fofitec ma għandhom l-ebda interess ġuridiku.

23      Ritrama tqis ukoll li, fir-rigward tal-fatt li hija ma hijiex qed tikkompeti ma’ Folien Fischer u Fofitec fil-Ġermanja, l-att illegali kkontestat ma jistax iseħħ f’dan l-Istat Membru fis-sens tad-dritt proċedurali. Konsegwentement, il-qrati Ġermaniżi ma jistgħux jibbażaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li Ritrama għandha l-intenzjoni tikkontesta l-aġir ta’ Folien Fischer u ta’ Fofitec fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju u tikkontesta r-rilevanza tad-domanda preliminari. Hekk kif ġa kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti tar-rinviju li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra p. I‑6845, punt 32, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, Ġabra p. I-4599, punt 47).

25      Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, hija ġurisprudenza stabbilita li hija biss il-qorti nazzjonali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża quddiemha, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C‑439/08, Ġabra p. I-12471, punt 41, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt, C‑118/11, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitlub ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I‑5667, punt 27, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, punt 35).

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ma huwiex il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar il-motivi li għalihom hija għamlet id-domanda preliminari u risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ responsabbiltà delittwali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 Rimarki preliminari

30      L-ewwel lok, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jirreferu għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, Ġabra p. I-10269, punt 38).

31      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Zuid-Chemie, punt 18, kif ukoll eDate Advertising et, punt 39).

32      Issa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li huma rilevanti għall-kawża preżenti, jiġifieri l-Artikoli 5(3) u 27 ta’ dan ir-regolament, jirriflettu l-istess struttura bħal dik fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u jużaw, barra minn hekk, kważi l-istess kliem. Fid-dawl ta’ din l-ekwivalenza, huwa importanti li tiġi żgurata, b’mod konformi mal-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi (ara s-sentenza Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

33      It-tieni lok, għandu jitfakkar li, minn naħa, ir‑Regolament Nru 44/2001 għandu għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit‑tisħiħ tal‑protezzjoni legali tal‑persuni stabbiliti fl‑Unjoni Ewropea, billi jippermetti kemm li r‑rikorrent jidentifika faċilment il‑qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l‑konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il‑qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, Ġabra p. I‑3327, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C‑327/10, Ġabra p. I-11543, punt 44).

34      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li jipprovdu għal ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati, konformement mal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li jikkonsisti fil-fatt li tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat.

 Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001

36      Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ifformular tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li hija s-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni hija prevista, b’mod ġenerali, “f’materja ta’ delitt jew kważi delitt”. Għalhekk, tali fformular ma jippermettix li tiġi eskluża mill-ewwel azzjoni għal konstatazzjoni negattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

37      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista, b’deroga mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, u li għalhekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zuid-Chemie, punt 24, kif ukoll eDate Advertising et, punt 40).

38      Fil-fatt, f’materja ta’ delitt, l-imħallef tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq huwa normalment l-iktar adatt sabiex jiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ prossimità mal-kawża u sabiex tiffaċilità l-amministrazzjoni tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C‑167/00, Ġabra p. I‑8111, punt 46, u Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

39      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-aġir li kkawża dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mfittex, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger, C-523/10, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għalhekk, wieħed minn dawn iż-żewġ punti ta’ rabta għandu jiġi identifikat minn qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kawża f’materja ta’ delitt jew kważi delitt.

41      Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, il-ġurisdizzjoni sabiex tkun tista’ tilqa’ tali talba tista’ tingħata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-partikolarità ta’ azzjoni għal konstatazzjoni negattiva hija bbażata fuq il-fatt li min jagħmel it-talba jfittex li jistabbilixxi l-assenza tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà li tirriżulta minn dritt għal kumpens għall-konvenuta.

43      F’dan il-kuntest, hekk kif ukoll ġie kkonstatat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, azzjoni għal konstatazzjoni negattiva għalhekk timplika inverżjoni fir-rwoli normalment magħrufin f’materja ta’ delitti, billi min jagħmel it-talba huwa d-debitur potenzjali ta’ kreditu bbażat fuq att delittwali, filwaqt li l-konvenut huwa l-allegata vittma ta’ dan l-att.

44      Madankollu, din l-inverżjoni fir-rwoli ma hijiex tali li tipprekludi azzjoni għal konstatazzjoni negattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

45      Fil-fatt, l-għanijiet ta’ prevedibbiltà tal-forum u taċ-ċertezza legali, imfittxija minn din id-dispożizzjoni u ripetutament imfakkra mill-ġurisprudenza (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, G, C‑292/10, punt 39, u Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23), ma jirrigwardaw la l-allokazzjoni tar-rwoli rispettivi ta’ rikorrent u konvenut, u lanqas il-protezzjoni ta’ wieħed minn dawn it-tnejn.

46      Partikolarment, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jfittix l-istess għan bħar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fis-sezzjonijiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, li jfittxu li joffru lill-parti l-iktar dgħajfa protezzjoni iktar qawwija (ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, Ġabra p. I‑4545, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Konsegwentement, kif ġustament isostnu Folien Fischer, Fofitec, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-allegata vittma tkun introduċiet azzjoni.

48      L-interessi ta’ min jippreżenta azzjoni għal konstatazzjoni negattiva u l-interessi ta’ dawk li ressqu talba sabiex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għal dannu u jiġi kkundannat iħallas danni huma differenti. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, l-eżami mwettaq mill-qorti adita jirrigwarda essenzjalment l-istess punti ta’ fatt u ta’ liġi.

49      Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, Ġabra p. I‑5439), li tirrigwarda l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell iddedikata lil-lis alibi pendens, li sar l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, talba intiża sabiex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għad-danni kif ukoll li jiġi kkundannat iħallas għal dan il-għan d-danni u talba tal-istess konvenut sabiex jiġi kkonstatat li ma huwiex responsabbli għal dawn id-danni għandhom l-istess kawżali u l-istess suġġett.

50      Għandu jiġi wkoll ippreċiżat li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti adita ma tikkunsidra la l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba għal konstatazzjoni negattiva taħt ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda tidentifika biss il-punti ta’ rabta mal-Istat tal-forum sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispeċifiċità tal-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, imsemmija fil-punt 42 ta’din is-sentenza, ma għandha l-ebda effett fuq l-eżami li qorti nazzjonali għandha tagħmel sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha f’materji ta’ delitt jew kważi delitt, minħabba li jirrigwarda biss li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ punt ta’ rabta mal-Istat tal-forum.

52      Għaldaqstant, jekk l-elementi involuti fl-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva jistgħu jiġġustifikaw ir-rabta mal-Istat fejn seħħ l-avveniment kawżali jew fejn id-dannu seħħ jew jista’ jseħħ, bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-qorti ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet jistgħu validament jassumu ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex jiddeċiedu l-azzjoni, irrispettivament mill-kwistjoni jekk din l-azzjoni ġietx ippreżentata mill-allegata vittma ta’ att delittwali jew mid-debitur potenzjali ta’ kreditu bbażat fuqu.

53      Madankollu, il-qorti li ma tkunx tista’ tidentifika fl-Istat tal-forum wieħed miż-żewġ punti ta’ rabta, imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, ma tistax tassumi ġurisdizzjoni, ħlief bi ksur tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

54      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni u tal-qrati nazzjonali, li azzjoni għal konstatazzjoni negattiva ma tistax tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

55      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula hija li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.