Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta' Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof - il-Ġermanja) - UsedSoft GmbH vs Oracle International Corp.

(Kawża C-128/11) 

(Protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter - Kummerċjalizzazzjoni ta' liċenzji ta' programmi tal-kompjuter użati mniżżla mill-internet - Direttiva 2009/24/KE - Artikoli 4(2) u 5(1) - Eżawriment tad-dritt ta' distribuzzjoni - Kunċett ta' 'akkwirent leġittimu')

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UsedSoft GmbH

Konvenuta: Oracle International Corp.

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Bundesgerichtshof - Interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, p. 16) - Kopji ta' programmi tal-kompjuter li jitniżżlu mill-internet fuq sostenn informatiku fuq bażi ta' liċenzja ta' softwer bil-kunsens tal-proprjetarju - Possibbiltà li din l-operazzjoni tiġi kklassifikata bħala operazzjoni li teżawrixxi d-dritt ta' distribuzzjoni tal-proprjetarju fir-rigward tal-kopji li jitniżżlu - Kummerċjalizzazzjoni ta' liċenzji "użati" ta' programmi li jitniżżlu mill-ewwel persuna li tikseb - Kunċett ta' "persuna li tikseb legalment"

Dispożittiv

1)    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta' distribuzzjoni tal-kopja ta' programm tal-kompjuter huwa eżawrit jekk it-titulari tad-drittijiet tal-awtur, li awtorizza, anki jekk bla ħlas, it-tniżżil ta' din il-kopja fuq sostenn informatiku permezz tal-internet, ikun offra wkoll, bi ħlas ta' prezz intiż li jippermettilu jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tagħha, dritt għall-użu tal-imsemmija kopja, għal żmien indeterminat.

2)    L-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta' bejgħ mill-ġdid ta' liċenzja għal użu li tinkludi l-bejgħ mill-ġdid ta' kopja ta' programm tal-kompjuter imniżżla minn fuq is-sit internet tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur, liema liċenzja kienet inizjalment mogħtija lill-ewwel akkwirent mill-imsemmi titulari tad-dritt għal perijodu indeterminat u bi ħlas ta' prezz intiż li jippermetti lil dan tal-aħħar li jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-imsemmija kopja tax-xogħol tiegħu, it-tieni akkwirent tal-imsemmija liċenzja, kif ukoll kull akkwirent sussegwenti ta' din tal-aħħar, jistgħu jinvokaw l-eżawriment tad-dritt ta' distribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(2) ta' din id-direttiva, u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala akkwirenti leġittimi ta' kopja ta' programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva u jibbenefikaw mid-dritt ta' riproduzzjoni stabbilit f'din l-aħħar dispożizzjoni.

____________

1 - ĠU C 194, 02.07.2011