Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Suceava (ir-Rumanija) fl-14 ta’ Frar 2017 – Zabrus Siret SRL vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Iași - Administrația Județeană a Finanțelor Publice Suceava

(Kawża C-81/17)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Suceava

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Zabrus Siret SRL

Konvenuta: Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Iași - Administrația Județeană a Finanțelor Publice Suceava

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2006/112/KE 1 u l-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, prassi amministrattiva u/jew interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimpedixxu l-kontroll u l-għoti tad-dritt għar-rimbors tal-VAT li jirriżulta mir-regolarizzazzjonijiet ta’ operazzjonijiet imwettqa matul perijodu preċedenti għall-perijodu ta’ kontroll, u li kien diġa s-suġġett ta’ kontroll fiskali, li warajh l-awtoritajiet fiskali ma kkonstatawx anomaliji li jistgħu jemendaw il-bażi tat-taxxa tal-VAT, minkejja li l-istess dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet fiskali jistgħu jipproċedu b’kontroll ġdid ta’ perijodu li diġà kien is-suġġett ta’ kontroll fiskali abbażi ta’ data u ta’ informazzjoni supplimentari miksuba sussegwentement bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet Statali[?]

Id-Direttiva 2006/112/KE u l-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura normattiva li jeskludu l-possibbiltà ta’ rettifika tal-iżbalji materjali fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT għall-perijodi fiskali li diġà kienu s-suġġett ta’ kontroll fiskali, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn ir-rettifika titwettaq fuq il-bażi tal-att li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu kkomunikat mill-awtorità ta’ kontroll fiskali fl-okkażjoni tal-kontroll preċedenti[?]

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).